KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ Santa Luċija
~ Santa Luċija, Għawdex ~

Il-knisja ddedikata lil Santa Luċija verġni u martri f’Għawdex tinsab fir-raħal żgħir li jgib l-istess isem. Dan jinsab ftit ‘il bogħod mir-raħal ta’ Kerċem. Għall-fini ta’ amministrazzjoni ċivili u ekkleżjastika, Santa Luċija hija meqjusa bħala subborg tal-lokalita ta’ Kerċem.

Oriġini

Santa Luċija hija qaddisa minn Sirakuża fi Sqallija li mietet martri fis-sena 304 W.K. Peress li Sqallija hija art qrib tagħna, il-kult lejn din il-qaddisa xtered malajr, u ċ-ċentru tad-devozzjoni tagħha f’Għawdex sa mill-ewwel żminijiet kienu fl-inħawi magħrufa bħala tal-Qabbieza, illum magħruf bħala r-raħal ta’ Santa Luċija.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Mhux magħruf meta nbniet l-ewwel kappella lil din il-qaddisa f’dan il-lokal, iżda żgur li kien aktar minn 400 sena ilu. Knisja oħra qabilha fl-istess sit kienet ipporofanata fl-1544. Din il-knisja tissemma’ mbgħad fiż-żjara appostolika ta’ monsinjur Pietro Dusina li kien għamel lil din il-kappella fl-1575. Dusina kien sabha f’kundizzjoni ħażina ħafna u reġa’ pprofanaha għax la kellha rettur, la bibien u lanqas altar. Hu ordna li kellu jinbena salib minflokha.

Jidher li l-bdiewa li kienu joqgħodu f’dawk l-inħawi rranġawha jew bnewha mill-ġdid u sal-1598 kienet reġgħet bdiet tintuża. Fiż-żjara tal-isqof Tommaso Gargallo tal-1608, jissemma’ li fiha sab pittura “a tempera” fuq l-injam li kienet tinstab fuq l-altar. Jidher li nhar ta’ Sibt il-kappella kienet tkun miftuħa għal dawk il-persuni devoti, l-aktar bdiewa tal-viċin, li kienu jkunu jridu jżuruha. Iżda din reġgħet ġiet ipprofanata fl-1657.

Il-knisja li naraw llum

Il-knisja li naraw illum taf l-oriġini tagħha mill-kappella li nbniet mijjiet ta’ snin ilu. Kif għedna maż-żmien din tkabbret biex tagħmel tajjeb għall-kumdita tan-nies tal-post li kienu qegħdin jiżdiedu. Jidher li l-kappella li naraw illum inbniet mill-ġdid lejn l-aħħar tas-seklu tmintax mill-kanonku Mikelanġ Dandalone. Il-kanonku Dandalone ppretenda li jkun hu l-ewwel rettur ta’ din il-knisja mibnija mill-ġdid peress li hu kien ukoll rettur ta’ benefikat imsejjah “tal-knejjes rurali”. L-Arċipriet Cassar tal-Katidral ma qabilx u l-kwestjoni marret f’Ruma. Iżda sa ma waslet id-deċiżjoni lura, it-tnejn kienu laħqu mietu u r–rettur tagħha kien beda jiġi nnominat mill-Isqof.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Din il-knisja kisbet ċertu importanza meta bejn is-snin 1848 u 1851 serviet ta’ viċi parroċċa għall-istess lokal u anki għan-nies ta’ Kerċem. Dan seħħ peress li l-knisja ta’ San Girgor il-Kbir, li llum hi l-parroċċa ta’ dan ir-raħal, kienet għadha qed tinbena. Wara li tlestiet, il-knisja ta’ San Girgor saret il-parroċċa fl-1885.

Minn meta nbniet din il-knisja tkabbret darbtejn, l-ewwel darba fil-bidu tas-seklu għoxrin u imbagħad wara t-tieni gwerra dinjija bejn l-1951 u 1952. Il-knisja u l-altar maġġur reġgħu gew ikkonsagrati fid-9 ta’ Novembru 1952 mill-isqof Pietru Pace.

Il-knisja minn barra

Fil-bidu tas-seklu għoxrin inbniet il-faċċata eżistenti tal-knisja. Din il-kappella għandha faċċata sabiħa ħafna imżejna b'erba' pilastri sħaħ u żewġ nofsijiet, kollha ta' stil Joniku. Dawn jerfgħu l-entablatura sħiħa li fin-nofs hi maħruġa naqra 'l barra u li fuq il-gwarniċa hemm pediment triangolari. Warajh hemm ħajt ta' tliet filati li fit-tarf għandu żewġ balavostri kbar.

Fin-nofs fuq il-pediment hemm il-kampnar. Dan kien itella’ fl-1908. Fl-1948 inġabu sett ta’ erba’ qniepen mingħand id-ditta John Taylor tar-Renju Unit. Dawn tbierku qabel ma’ tpoġġew f’posthom nhar il-5 ta’Diċembru 1948 u ssemmew Ġużeppa, Pawla, Luċija u Mikelina. Il-kampnar għandu forma kwadra b'erba arkati bejn tmien pilastri ta' stil Joniku wkoll. Aktar 'l fuq hemm speċi ta' gallarija bil-balavostri u fin-nofs hemm piramida skolpita u fuqha s-salib. Il-bieb kwadru għandu pediment triangolari u fuqu tieqa li llum hija magħluqa minn bassoriljev tal-bronż li juri lil Santa Luċija. Il-kappella għandha zuntier imdawwar minn ħajt baxx li l-istil tiegħu jixbaħ ħafna lil dak li hemm idawwar il-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb.

Il-knisja minn ġewwa

Il-knisja minn ġewwa hi kbira u meta wieħed jaraha minn barra forsi jitqarraq u jaħseb li ser jidħol f’xi kappella żgħira. Għandha l-forma ta’ salib Latin, fejn l-erba' pilastri maġġuri ta' stil Doriku jerfgħu erba' arkuni u erba' pendentivi jew lunetti li mbagħad fuqhom hemm tistrieħ il-koppla semi-sferika. Il-friegħi tas-salib huma msaqqfa b'saqaf troll ta' stil Barokk, li jitla’ minn attiku jew sekond'ordni u li fil-ġnub għandu t-twieqi.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-lunetti, l-apside tal-kor u s-saqaf huma miksija mill-pittura verament sabiħa ta’ Ġużeppi Briffa li saret fl-1953. Barra l-altar maġġur il-knisja għandha żewġ kappelluni, li fihom altar kull wieħed. L-altari għadhom perspettiva verament sabiħa fuq stil barokk. Il-knisja fiha wkoll gallerija tal-orgni.

L-altar maġġur hu tal-irħam. It-titular jirrapreżenta lil Santa Luċija bil-palma u par għajnejn fi platt li jissimboliżżaw ir-rebħa tal-martirju u d-dawl tal-fidi Nisranija. Hi tidher qegħda titlob lil Madonna, li għandha l-Bambin Ġesł f’idejha, biex tinterċedi għall-erwieħ tal-Purgatorju, li jidhru fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru. Sfortunatament ma nafux minn pitter dan il-kwadru antik li hu sabiħ ħafna.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Fiż-żewġ kappelluni l-oħra hemm żewġ altari li huma ddedikati wieħed lil San Pietru u lil San Pawl u l-ieħor lil Ħarba tas-Sagra Familja lejn l-Eġittu. Dawn il-kwadri jidhru li huma tat-tmintax-il seklu, imma ma nafux min pittirhom. Bhal l-altar maġġur dawn l-altari għandhom perspettiva sabiħa ħafna fuq stil barokk.

Il-pittura li naraw fil-koppla saret fis-sena 2004. Din saret mill-pittur Austin Camilleri u tirrapreżenta l-glorifikazzjoni tal-martri. Hija mnebbħa mill-ktieb tal-Apokalissi 7, 9 -14. Din hija pittura fuq stil modern, li hi sabiħa ħafna.


Ritratt - Caroline Busuttil


Fil-knisja nsibu ukoll statwa ta’ Santa Luċija li saret mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri fis-sena 1920. Għaliha kienu ħalsu l-emigranti tal-Awstralja u l-Amerika. Hemm ukoll statwi oħra tal-Qalb ta’ Ġesł u ta’ San Tumas.

Ritratt - Caroline Busuttil  Il-festa ta’ Santa Luċija

F’din il-knisja kull sena tiġi ċċelebrata bil-kbir il-festa ta’ Santa Luċija li ssir dejjem nhar il-Ħadd l-eqreb lejn it-13 ta’ Diċembru, il-jum liturġiku tal-qaddisa. Sas-sena 1990 kienet issir il-festa tal-qaddisa fil-knisja biss (festa interna) li kienet tikkonsisti fi tlett ijiem tat-tridu, it-translazzjoni u l-għasar bil-mużika lejlietha u paneġierku u barka sagramentali. Fi żmien il-festa tkun aramata sabiħa ħafna.

Ir-retturi li servew f’din il-knisja matul iż-żmien dejjem għamlu li setgħu biex iżzejnuha mill-aħjar li jistgħu. Forsi jissemma b’mod speċjali ir-Rettur dun Anton Grima li ħadem ħafna biex iżejjen il-knisja. Kien għamel id-damask għal pilastri kollha, għamel l-altar maġġur bl-irħam, il-kanapew u ventertal tal-bellus aħmar imbrokkat għall-festa. Il-knisja għandha t-tagħmir kollu li jmur fiha fl-okkażżjoni tal-festa bħal fi knejjes oħra.

Mis-sena 1991 ‘l quddiem bdiet issir il-festa esterna, ħaġa li nies ta’ Santa Luċija kienu jixtiequ li jagħmlu minn dejjem. Għalhekk ir-rettur attwali dun Franġisk Sultana kellu jagħmel preparazzjonijiet kbar biex tkun tista’ ssir il-purċissjoni bl-istatwa. Fost ix-xogħolijiet li saru kien hemm ir-restawr u l-induratura tal-istatwa u l-pedestall tagħha mid-ditta Darmanin tal-Belt Valletta. Sar bankun tal-kewba għall-istatwa, dijadema, palma u ġiljuwa tal-fidda għand Tarcisio Cassar taż-Żejtun. Sar ukoll it-tagħmir kollu neċessarju għall-purċissjoni u tiżjin tat-toroq. Fil-festa jipparteċipaw ukoll xi baned, u l-logħob tan-nar ma jonqosx. Il-festa hi popolari ħafna kemm mal-Għawdxin kif ukoll mal-Maltin.

Il-knisja llum

Il-knisja hi f’kundizzjoni perfetta, u tiftaħ kuljum għal diversi quddies. Grazzi tmur lil dun Franġisk Sultana li hu r-rettur ħabriek ta’ din il-knisja, li qagħad idawwarna magħha u tana ħafna informazzjoni fuqha.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta' Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil     IMG_0062
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017