KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

San Mikiel Arkanġlu
~ Imqabba ~

Il-knisja ta’ San Mikiel fl-Imqabba tinsab biswit l-knisja ta’ San Bażilju, fuq il-lemin tagħha, sewwasew fil-qalba tar-raħal. Fuq in-naħa l-oħra fuq ix-xellug fejn hemm dawn iż-żewġ knejjes insibu sagristija antika li wkoll hija storikamnet importanti. Tgħaqqad dan il-kumpless hemm bitħa magħluqa, bħal zuntier, li tkompli ssebbaħ l-ambjent ta’ dawn il-knejjes. Ta’ min jgħid illi quddiem dawn iż-żewġ knejjes fiz-zuntier li semmejna, kienu ndifnu dawk l-imsejkna li mietu fil-flaġell tal-pesta tal-1675.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Oriġini

Jidher li l-knisja ta’ San Mikiel inbniet fl-1550 iżda fl-1669 reġgħet ittellgħet mill-ġdid. Fil-viżta pastorali ta’ monsinjur Pietro Dusina fl-1575 ġie nnuttat li din kienet nieqsa minn kollox. Iżda jidher li xorta kienet issir festa ad unur ta’ dan il-qaddis, li kienet issir mir-renti ta’ biċċa art f’Ta’ Sbieġi. Minn dawn ir-renti wkoll kien jinżamm mixgħul lampier u kienet tingħata xi għajnuna lill-foqra. Fil-viżti pastorli li saru wara, din il-knisja bilkemm tissemma’, forsi għax kienet intelqet jew twaqqgħet.

Il-knisja li hemm illum tlestiet fis-sena 1669, bħalma tgħid irħama kommemorattiva fuq il-ħajt tal-bieb prinċiapli. Il-prokuratur li ħa ħsieb jibniha mill-ġdid kien Giovanni Andrea Zammit.

Mill-viżta pastorali tal-isqof Paolo Alpheran de Bussan nafu li fis-26 ta’ Mejju 1729 dan l-Isqof ordna li din il-knisja tagħti 25 skud mir-renti tagħha biex jgħinu fil-ħlas tas-sedji tal-kor għall-knisja parrokkjali.

Fl-1852 ġiet eretta f’din il-knisja l-Kongregazzjoni ta’ San Mikiel Arkanġlu.

Devozzjoni lejn San Mikiel Arkanġlu

Id-devozzjoni tal-Imqabbin lejn dan l-Arkanġlu jidher ċar mill-popolaritą li kienet tgawdi din il-knisja u mit-tliet statwi tiegħu li nsibu fit-toroq tar-raħal. Fiha kien hemm ukoll diversi pitturi ex voto li nsterqu matul is-snin, u li minnhom għad baqa’ waħda biss u li llum tinsab fl-uffiċċju parrokkjali.

Il-knisja

Il-knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu tmiss mal-knisja ta’ Bażilju. Fil-fatt iż-żewġ knejjes jinfdu mill-ġenb, għalkemm it-tnejn għandhom bieb prinċipali għalihom. Mal-faċċata ta’ din il-knisja, f’tieqa artifiċjali, naraw skultura ta’ salib imdawwar b’xi ċrieki fl-isfond ta’ salib akbar. Ftit huma l-knejjes antiki bħal din li għandhom tiżjin simili.

Minn ġewwa, il-knisja, li hija ferm iżgħar minn dik ta’ San Bażilju, għandha forma tawwalija. Il-ħitan ma fihom l-ebda disinn jew tiżjin. Is-saqaf hu magħmul minn ħnejjiet tondi.

Fiha altar wieħed biss, li juri xbieha sabiħa tal-Arkanġlu San Mikiel jgħaffeġ lis-sultan tad-dlamijiet. Il-gwarniċa li ddawwar dan il-kwadru hija sabiħa ħafna u fiha ħafna xogħol ta’ skultura sabiħa. L-arkati ta’ din il-knisja huma differenti minn dawk li hemm fil-knisja ta’ San Bażilju, u huma ġejjin għat-tond, mhux forma ta’ arzella kif naraw fl-oħra. Dan jikkonferma li kien hemm bdil fl-istil minn meta nbnew dawn iż-żewg knejjes li jmissu ma’ xulxin.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-perspettiva u l-kwadru ta’ San Mikiel Arkanġlu

Bla dubju l-aktar ħaġa li tiġbed l-attenzjoni f’din il-knisja hija l-prospettiva tal-kwadru titulari. Fil-prospettiva ta’ mal-ġnub tal-altar tal-ġebel hemm xi disinji skulturati; dawn jinbidlu f’żewġ kuruni, waħda fuq kull naħa tal-ixaffa ta’ fuq l-altar. Id-disinn ikompli f’żewġ kolonni foloz imdawwrin b’żewġ skrolli mibrumin. Fuq dawn imbagħad naraw faxx ta’ skulturi floreali b’kerubin fin-nofs – dan jixbaħ ħafna lill-kerubini li nsibu fil-prospettivi tal-altari tal-knisja parrokkjali.  Fuq nett naraw ħnejja maqsuma, kollha skultura, b’salib fi-nofs.

Imma jekk il-prospettiva hija sabiħa, il-pittura li tħaddan ma tagħmlilha ebda għajb. Il-kwadru ta’ San Mikiel niftakruh kollu tbajja u tiċrit, b’daqqa ta’ xi gandlier eżatt fuq ras ix-xitan. Ir-restawr li sar mill-kumpanija Re-Coop tassew reġa’ ta lil dan il-kwadru l-ġmiel li kellu dari.  L-Arkanġlu jidher f’qagħdha glorjuża bi ġwenħajh miftuħin u bi ħwejjġu mtajjrin waqt li qiegħed jirfes fuq ix-xitan, b’xabla f’idu lest biex isawwtu biha. Dettalji nteressanti li rari ssibhom f’pitturi oħrajn ta’ dan l-Arkanġlu huma l-fatt li hu liebes elmu f’rasu, li għandu katina f’idu li biha huwa mrażżan ix-xitan u li x-xabla li għandu hija xabla tal-metall, mhux tan-nar kif is-soltu tkun f’rappreżentazzjoni simili.

L-artist li għamel din l-opra u d-data meta saret mhumiex magħrufin. Ladarba meta sar ir-restawr tal-pittura deher ċar li t-tila ma kienetx miżjuda jew imnaqqsa biex tidħol fil-gwarniċ tal-ġebel, jidher li saret wara li l-knisja nbiet kif inhi. Bħala stil tixbaħ il-barokk tat-tmiem tas-seklu XVII, fejn l-awqa esponent kien Mattia Preti.

Il-knisja ta’ San Mikiel u l-vittmi tal-pesta

Biex wieħed jidhol ġo din il-knisja irid jgħaddi minn fuq diversi oqbra li kienu jservu bħala cimiterju għal vittmi mill-pesta tal-1675.  Fl-1778, biex l-imsejkna midfuna f'dan iz-zuntier ma jintesewx, twaqqaf monument tal-ġebel li fuqu ġiet ukoll imnaqqxa din is-sena. Fost il-vittmi midfuna hawn insibu lil dun Valerio Zammit, dun Luca Zammit u l-kappillan dun Domenico Pace.

Restawr ta’ din il-knisja

Għal ħafna snin matul is-seklu għoxrin dil-knisja kienet maħżen tal-imbarazz, li f’nofsu kien hemm ukoll xi affarijiet ta’ preġju, bħal ngħidu aħna l-pulptu li kien sar fl-1897 minn Savier Oliva mill-Isla, fuq id-disinn ta’ Nikola Zammit u thallas minn żewg Imqabbin: dun Ewġenju Mallija u Pietru Pawl Galea. Dan kien sewa £18. Hija x-xewqa ta’ diversi Mqabbin anzjani u ta’ oħrajn li japprezzaw il-patrimonju ta’ raħalhom li dan il-pulptu jerga’ jieħu postu fil-knisja, jew almenu li jitħalla f’post prominenti fil-knisja ta’ San Bażilju jew ta’ San Mikiel fejn jista’ jitgawda minn min jidħol. Dwar dan, iżda ma hemm xejn konfermat u l-futur ta’ dan il-pulptu għadu mhux deċiż.

Il-knisja llum

Fis-sena 2007 wara talba tal-Kapillan tal-Mqabba, t-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru tal-Infrastruttura wettqet xogħol estensiv ta’ restawr f’din il-knisja kif ukoll f’dik ta’ San Bażilju biswitha li flimkien jagħmlu kumpless storiku fil-qalba antika tar-raħal tal-Imqabba.

Ix-xogħol ta’ restawr kien jinkludi tiswijiet tal-bjut, biex jevita d-dħul tal-ilma, tindif tal-faċċata kif ukoll tal-knejjes minn ġewwa. Tneħħa ukoll kisi minn diversi ħitan tal-knejjes biex jinkixfu l-ħitan oriġinali. Sar ukoll restawr fuq l-istatwa tal-erwieħ, tal-aperturi u l-kanċell li jdawwar il-knejjes. Fl-aħħar saret illuminazzjoni adekwata minn barra u minn ġewwa, biex tat lil dawn il-knejjes dehra ferm sabiħa.

B’xorti tajba din il-knisja ma għaddietx minn bdil strutturali u għadna nistgħu ngawduha kif kienet meta nbniet, bl-art u l-bieb oriġinali. Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, u tinfetaħ okkażjonalment ma’ dik ta’ San Bażilju.

Meħud minn kitba ta’ Fr. Jonathan Farrugia, bil-permess.
Ritratti ta’ Noel Ciantar u Caroline Busuttil

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com