KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Roderick Busuttil

Il-knisja tal-Lunzjata
~ Ħal Balzan ~

Il-knisja l-qadima tal-Annunzjata minn dejjem kienet f’qalb in-nies ta’ Ħal Balzan. U bir-raġun kollu, billi kien hawn li twieldet il-parroċċa nhar l-14 ta’ Awwissu 1655, fil-benniena tad-devozzjoni tal-Balzanin lejn il-Lunzjata. Il-knisja tinsab f’wesgħa żgħira bejn żewġ knejjes oħra fit-triq li llum iġġib isimhom: Triq it-Tliet Knejjes. Iż-żewġ knejjes l-oħra huma ddedikati waħda lil Santu Rokku, mibnija b’wegħda fis-sena 1593, u l-oħra lil San Anard, li llum hija dar privata. Dawn it-tliet knejjes jinsabu f’waħda mill-eqdem inħawi tar-raħal, sewwasew fil-qalba ta’ Ħal Balzan.

Origini

L-ewwel tagħrif bil-miktub li għandna dwar il-knisja tal-Lunzjata jagħtihulna monsinjur Pietru Dusina fir-rapport tal-viżta appostolika li għamel nhar l-1 ta’ Frar 1575. Jgħidilna li nbniet fis-seklu 16 u li kienet mill-bidu ddedikata lil Marija Annunzjata. Iżda l-Professur Stanley Fiorini jsostni li din il-knisja tista’ tmur lura fis-snin għas-seklu ħmistax. Fil-pubblikazzjoni “Ħal Balzan – 350 Sena Parroċċa 1655-2005 – Tifkira” hu jgħidilna li għalkemm fis-sena 1420, meta l-popolazzjoni ta’ Ħal Balzan kienet ta’ xi mitt ruħ, din il-knisja “għadha ma tissemmiex fid-dokumenti li baqgħalna, imma hawn kienet, kif għad nistgħu ngawduha sal-lum, tagħti identitÓ lir-raħal u lil niesu… Xhieda ta’ kemm ilha hawn hi l-arkitettura li għadna ngawdu s’issa, ħnejjiet ġejjin kemmxejn għall-ponta jġorru fuq daharhom xorok tas-sitta għas-saqaf u bid-dkieken bejn il-ħnejjiet fejn setgħet toqgħod in-nies; faċċata sempliċi u awstera bi ftit dekorazzjoni fl-ilqugħ għall-ilma, ukoll għamla ta’ ħnejja ħarira bil-ponta, fuq il-bieb, kollox tipiku tas-seklu XV.


Ritratt - Carmel Bezzina    Lunzjata- Balzan


Il-knisja minn barra

Kif tasal ħdejn il-knisja malajr tintebaħ li din baqgħet tgawdi l-oriġinalitÓ tagħha minn meta nbniet sal-lum, u dan hu prova ta’ kemm il-Balzanin ħabbewha u beżgħu għaliha tul is-snin li ilha wieqfa. L-istil tal-faċċata huwa sempliċi għall-aħħar, identiku mal-istil li fuqu kienu jinbnew il-knejjes dak iż-żmien. Il-blata tal-bieb hija ffurmata minn arkipjan. Fuq il-bieb hemm tieqa żgħira rettangolari bi grada tal-ħadid. Il-faċċata tispiċċa b’kampnar żgħir fin-nofs, b’salib fuqu.

L-isqof Baldassare Cagliares, li żar il-knisja nhar it-18 ta’ Novembru 1615, jgħidilna li l-bieb tagħha jħares lejn il-punent, u quddiemha hemm ċimiterju kbir b’salib fuq kolonna tal-ġebel fin-nofs. Miż-żjara tal-isqof David Cocco Palmieri, nhar it-3 ta’ Diċembru 1686, sirna nafu li l-knisja kellha tliet bibien: il-bieb ewlieni jħares lejn il-punent, it-tieni jħares lejn in-nofsinhar u jagħti għal bitħa mdawra b’ħajt, u t-tielet iħares lejn it-tramuntana, li minnu kont tgħaddi għal ġol-knisja ta’ San Anard.

Il-knisja minn ġewwa

Id-daqs tal-knisja jixhed li kienet iffrekwentata ħafna min-nies tar-raħal li kienu jgħixu madwarha u li fiha raw il-knisja ewlenija tal-inħawi. Dan joħroġ ċar mill-fatt li kien sewwasew hawn li monsinjur Dusina ġabar l-irġiel tar-raħal u waqqaf il-fratellanza tas-Santissmu Sagrament fl-1575. Dusina jgħidilna li l-knisja kienet taqdi mat-tliet mitt ruħ imqassma f’sittin dar. Iżid ukoll li kienet sbejħa – juża l-kelma pulchris – u miżmuma deċentement. Bil-maqlub ta’ ħafna knejjes oħra bħalha, kellha l-art pavimentata, bil-bibien tal-injam jissakkru, u kellha ikona tal-Lunzjata fuq l-altar tan-nofs.

Il-knisja fiha sitt ħnejjiet li huma ftit Gotiċi, u minn waħda għal oħra hemm bank tal-ġebel sabiex in-nies ikollha fejn toqgħod bil-qiegħda. Fejn kienu l-bibien imsemmija, li llum issa jinsabu magħluqin bil-ġebel, għadu jidher sewwa. Sa minn meta nbniet ma saritilha l-ebda alterazzjoni ħlief li l-altar maġġur, li oriġinarjament kien qiegħed mal-ħajt tal-faċċata, tressaq ’il quddiem meta l-aħħar ħnejja ngħalqet b’ħajt biex setgħet issir is-sagristija.

X’aktarx li fi żmien Dusina l-knisja kien għad ma kellhiex zuntier – jiġifieri ċimiterju ma’ dwarha – għax fil-fatt huwa jordna li jinbnew ġo fiha xi oqbra għad-dfin. Aktar tard dawn l-oqbra saru: għaxar oqbra kbar u tnejn żgħar għad-dfin tat-trabi. Fost dawk midfuna f’din il-knisja nsibu lill-ewwel kappillan ta’ Ħal Balzan, dun Adrijanu Zarb, li miet fil-31 ta’ Jannar 1662. Aktar tard uħud mill-katavri f’din il-knisja ġew ittrasportati fil-knisja parrokkjali l-ġdida, skont ma’ jgħidilna l-isqof Lorenzo D’Astiria fil-viżta pastorali tiegħu tas-26 ta’ Settembru 1673.
 

Ritratt - Roderick Busuttil


L-altari tal-knisja

Illum il-knisja għandha altar wieħed iddedikat lil Marija Annunzjata. L-altar huwa tal-ġebel, bi skannell tal-injam indurat u bi prospettiva sabiħa, tal-injam ukoll, b’pittura antika tal-Lunzjata, xogħol artist mhux magħruf. Iżda fl-imgħoddi l-knisja kellha aktar minn altar wieħed. Mill-viżta ta’ Dusina naraw li l-knisja kellha altari oħra żgħar. Hu hu kien ordna li dawn jitneħħew għax kienu qegħdin joħolqu konfuzzjoni fil-knisja – barra mill-fatt li dawn ma kienux armati bil-ħtiġijiet kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jsir quddies fuqhom.

Mill-viżta pastorali tal-isqof Tommaso Gargallo, nhar l-4 ta’ Diċembru 1601, nafu li l-knisja kellha tliet altari: il-maġġur iddedikat lil-Lunzjata, l-altar tal-lemin iddedikat lill-Viżitazzjoni ta’ Marija, u dak tax-xellug iddedikat lil-Lunzjata wkoll. Minn din l-istess viżta nafu li dun Filippu Borg, flimkien mal-familja tiegħu, ħaseb għal legat biex kull sena tkun tista’ ssir b’mod xieraq il-festa tal-Lunzjata. Dun Filippu Borg, li kien minn Ħal Balzan, għalkemm dak iż-żmien Ħal Balzan kien għadu jifforma parti mill-parroċċa ta’ Birkirkara, kien dak li b’ġidu għamel tajjeb biex setgħet titwaqqaf il-kolleġġjata ta’ Sant’Elena f’Birkirkara f’Diċembru tal-1630, l-ewwel kolleġġjata tal-gżejjer Maltin.
 
Il-Vigarju Kapitulari Pontremoli, li żar il-knisja fit-8 t’Ottubru tal-1634, jgħid li l-kwadru titulari hu mdawwar minn ornamenti tal-injam kollha mpittra u ndurati. Isemmi wkoll kwadru ieħor taħt dak tal-Lunzjata bi gwarniċ indurat u bix-xbieha ta’ Kristu fin-nofs, b’San Pawl Appostlu fuq il-lemin u San Ġwann Battista fuq ix-xellug. Skond l-isqof Michele Giovanni Balaguer, fil-viżta pastorali tiegħu tat-2 ta’ Mejju 1637, fuq l-altar maġġur kien hemm skannell tal-injam li fuqu kienu mpittra t-12-il Appostlu. Jgħidilna wkoll li fil-kwadru titulari tal-Annunzjata hemm ix-xbieha tal-Missier Etern.

Billi din il-knisja kellha żewġ altari ddedikati lil-Lunzjata, meta l-isqof Gargallo żar il-knisja f’Diċembru 1601 saritlu talba biex l-altar tal-Lunzjata li ma kienx dak titulari jiġi ddedikat lil San Pawl l-Ewwel Eremita. It-talba ntlaqgħet, u fil-viżta pastorali tal-isqof Cagliares, f’Novembru tal-1615, jissemma l-kwadru mpitter fuq l-injam li juri lill-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha lejn in-nofs tal-kwadru, San Pawl l-Eremita fuq il-lemin u San Lawrenz Martri fuq ix-xellug.  Fis-16 ta’ Ottubru 1711, it-tabib Fra Giuseppe Zammit, Kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann, talab li l-altar ikun trasferit għall-knisja parrokkjali l-ġdida, talba li ntlaqgħet fit-30 ta’ Ottubru tal-istess sena. Eventwalment l-altar kien trasferit għall-knisja l-ġdida, kif insibu fil-viżta pastorali tal-isqof Giacomo Canaves tat-28 ta’ Ottubru 1716.
 
Dwar l-altar tal-Viżitazzjoni tal-Madonna nafu li fil-kwadru tal-altar kien hemm impittra x-xbieha ta’ Marija Santissma n-naħa ta’ fuq, u n-naħa t’isfel ix-xbihat ta’ Sant’Andrija Appostlu fuq il-lemin u San Blas Isqof fuq ix-xellug. Dan il-kwadru kien kbir u kellu gwarniċ miżbugħ iswed. Mill-viżta tal-isqof Cocco-Palmieri, nhar l-20 ta’ Mejju 1709, nafu li dan l-altar bl-obbligi tiegħu kien trasferit fil-knisja parrokkjali l-ġdida.

Jissemma’ wkoll l-altar tal-Madonna tar-Rużarju kif ukoll il-fratellanza tar-Rużarju, li kienet għadha kemm twaqqfet u li jingħad li kien fiha xi 24 fratell, skont ir-rapport tal-viżta pastorali tal-isqof Balaguer li għamel fit-12 ta’ Diċembru 1658.  Minn viżta pastorali oħra tal-istess Isqof, nhar is-26 ta’ Ġunju 1662, jissemma’ l-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju, li kellu x-xbieha tal-Madonna mdawra bil-15-il misterju tar-Rużarju. Ftit wara dan l-altar kien trasferit fil-knisja parrokkjali l-ġdida, kif insibu fil-viżta pastorali tal-isqof D’Astiria tas-26 ta’ Settembru 1673.

Il-knisja tal-Lunzjata matul is-snin

Din il-knisja tal-Lunzjata għandha storja mżewqa u tul il-medda tas-snin qdiet diversi skopijiet. Għamlet ħafna snin tintuża bħala maħżen biex fiha jintrafa’ xi armar tal-festa titulari. Tul is-snin tal-gwerra, meta ħafna mid-djar tar-raħal imtlew bir-refuġjati mill-inħawi tal-Kottonera, is-soċji nisa tal-MUSEUM kienu jiltaqgħu f’din il-knisja, fejn għal bosta snin wara l-gwerra baqgħu jgħallmu d-duttrina lit-tfal bniet tal-parroċċa. Kien f’din il-knisja wkoll li kull nhar ta’ Ħadd fil-għaxija membri rġiel tal-istess SoċjetÓ kienu jagħmlu konferenza għall-adulti bejn Ottubru u Mejju.

Meta fis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor l-armar tal-festa beda jitqiegħed f’maħżen mibni apposta għal dan il-għan, id-dilettanti Balzanin ħadu ħsieb jirrestawraw il-knisja minn ġewwa biex hekk reġgħet ħadet il-bixra oriġinali tal-imgħoddi.  Aktar tard, sewwasew fis-sena 2006, ħaddiema mit-Taqsima tar-Restawr tal-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura rrestawrawha professjonalment minn barra, flimkien ma’ dik ta’ Santu Rokku. Dan l-avveniment tfakkar f’serata kommemorattiva fil-wesgħa ta’ quddiem it-tliet knejjes nhar il-Ħadd, il-25 ta’ Marzu 2007.

Il-knisja tal-Lunzjata llum

Illum il-knisja tal-Lunzjata tintuża għal xi attivitajiet kulturali u wirjiet sagri li jsiru minn żmien għal żmien. Tajjeb li jingħad ukoll li din il-knisja kienet fiċ-ċentru taċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’Ħal Balzan nhar l-14 ta’ Awwissu 2005 f’għeluq it-350 sena mit-twaqqif tal-parroċċa. Dak in-nhar kienet inkixfet irħama kommemorattiva qrib il-knisja biex tfakkar dan l-avveniment storiku.

Iżda fuq kollox din il-knisja hija marbuta mal-festa liturġika tal-Lunzjata.

Ritratt - Noel CiantarDari, fl-ewwel snin tas-seklu 20, it-tfal tar-raħal kienu jiċċelebraw il-jum tal-25 ta’ Marzu f’din il-knisja bid-daqq tal-qniepen, bit-tfaqqigħ tat-trikki trakki, bit-tiżjin tal-faċċata tal-knisja bil-lampi taż-żejt, billi dak iż-żmien Ħal Balzan kien għadu ma wasalx id-dawl elettriku, u b’quddiesa kantata tal-okkażjoni. Illum ukoll, nhar il-25 ta’ Marzu, il-jum liturġiku tal-Lunzjata, din il-knisja baqgħet ixxidd l-ilbies tal-festa u fiha jinġabru ħafna Balzanin fit-8.00 a.m. għall-quddiesa tat-Tħabbira tal-Mulej.

Kitba ta’ Carmel Bezzina
Ritratti ta’ Roderick Busuttil, Carmel Bezzina u Philip Xuereb

Nota Editorjali:

Jekk trid tkun taf aktar dwar din il-kappella u knejjes oħrajn li hemm f’Ħal Balzan ara l-ktieb “Ħal Balzan u l-Lunzjata” ta’ Carmel Bezzina.

Ritratt - Carmel Bezzina    Irhama Kommemorattiva
Ritratt - Carmel Bezzina
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Philip Xuereb - Dun Filippu Borgia
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017