KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Roderick Busuttil

Il-knisja tal-Vitorja
~ Birkirkara ~

Il-qima lejn il-Madonna fost il-Karkariżi minn dejjem kienet kbira, u minbarra din il-knisja tal-Vitorja li qed niktbu fuqha llum insibu żewġ knejjes oħra li missirijietna iddedikaw lill-Madonna jigifieri dik tal-Ħerba u l-knisja l-qadima ta’ Santa Marija.

Din il-kappella tal-Vitorja tinsab moħbija fil-bini antik tal-parti l-qadima ta’ Birkirkara, fl-inħawi magħrufin bħala Ħas Sajjied. Biex tasal għal din il-kappella trid taqbad Triq il-Kbira, u kif tasal fejn il-kappella ta' Santa Katerina u Sant'Antnin (ftit ‘il fuq mill-għassa tal-pulizija ta’ Birkirkara), tiġbed lejn ix-xellug u tibqa’ tiela’ t-triq li tidjieq ftit. Din imbagħad tiftaħ fi pjazzetta żgħira quddiem il-każin tal-banda ta’ Santa Liena, magħruf bħala “Tal-Bagri”. Minn hemm tibqa’ tiela’ dritt ‘il fuq, quddiem id-dar fejn kien joqgħod il-President Mamo, u timxi sakemm tasal quddiem din il-kappella.

Il-poplu Karkariż minn dejjem irrikorra għall-Madonna fit-talb tiegħu meta kien ikun f’mument diffiċli li kien jiltaqa’ miegħu matul iż-żmien. Għalhekk insibu li minn żmien kmieni ħafna missirijietna bnew din il-knisja u ddedikawha lit-Twelid tal-Madonna, u baqgħu jagħtu qima lill-Madonna f’dan it-tempju matul dawn iż-żminijiet kollha.
 

Ritratt - Roderick Busuttil


Oriġini

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet għall-ewwel darba din il-knisja. L-ewwel referenza li nsibu għal din il-knisja filjali kienet inkitbet fl-1575 f’rapport li monsinjur Pietru Dusina delegat tal-Papa għamel wara li għamel żjara pastorali f’Birkirkara. Fir-rapport tiegħu minsinjur Dusina jgħid li din il-knisja kienet mibnija f’ċimiterju ta’ knisja oħra ikbar li kienet iddedikata lil San Anard. F’dawk iż-żminijiet kellha bżonn xi tiswijiet neċessarji, iżda kellha għall-inqas il-biebien - ħaġa li miż-żjara msemmija jirriżulta li bosta knejjes oħra ma kellhomx. Jidher li l-altar tagħha ma kienx fi stat tajjeb. La kellha Rettur u lanqas introjti għaż-żamma tagħha. Fil-festa biss kien isir l-għasar u quddiesa li kien iħallas għalihom ċertu Franġisk Borg.

Din il-knisja terġa’ tissemma fl-1615 mill-isqof Cagliaris meta dan għamel viżta pastorali oħra f’dan ir-raħal. Fl-1618, jiġifieri tliet snin biss wara, inħareġ digriet mill-Isqof ta’ Malta biex ma tibqax issir qima pubblika fiha għax kienet fi stat ħażin. Dak kollu li kien hemm f’din il-knisja kellu jittieħed fil-knisja l-oħra li kienet tmiss magħha, jiġifieri dik ta’ San Anard. Iżda minkejja d-diġriet xorta waħda baqgħet taqdi lin-nies ta’ dawk l-inħawi.

Quddiem dawn iż-żewġ knejjes infetħet barriera kbira biex jittieħed ġebel sabiex tinbena dik li llum nafuha bħala “l-Knisja l-Qadima”. B’digriet tat-12 ta’ Ġunju tal-1655 il-knisja tal-Vitorja kellha tinħatt sal-pedamenti biex joħroġ il-ġebel meħtieġ mill-barriera ħalli tkompli tinbena l-knisja l-Qadima.  Għalhekk il-knisja ġiet ipprofanata fl-1659.

Insibu li wara li ngħalqet il-barriera, il-knisja tal-Vitorja reġgħet inbniet fuq l-istess pedamenti ta’ qabel. Dan ġara wara l-pesta tal-1676 meta wieħed u erbgħin Karkariż immexxija minn Pietru Buhagiar u Ġian Maria Micallef dehru quddiem in-Nutar Benedittu Vassallo u taw 55 uqija biex il-kappella tissewwa. Wara ftit żmien il-kappella tbierket u reġgħet infetħet għan-nies ta' Ħas Sajjied.

Il-kappella reġgħet issemmiet fir-rapport li għamel l-isqof Cannaves wara li għamel viżta pastorali fl-1716. Hu rraporta li kellha zuntier quddiemha. Jingħad ukoll li fil-kwadru tagħha kienu jidhru wkoll Santa Katerina u San Anard. San Anard kien it-titulari tal-knisja l-oħra li (darba) kien hemm ħdejha, u li f’dan ir-rapport ta’ din iż-żjara ma tissemmiex.

Il-Papa Benedettu XV, b’digriet tat-23 ta’ Frar tal-1918, ta indunġenza ta’ 300 ġurnata lil kull min jinvista din il-kappella tal-Vitorja f’Ħas Sajjied. Plakka kommemmorativa imwaħħla mal-knisja tindika l-għotja ta’ din l-indulġenza.

Il-knisja minn ġewwa u minn barra

Bejn is-snin 1724 u 1736 reġgħet inbniet bl-arkitettura sabiħa kif nafuha llum jiġifieri bi stil barokk moderat u b’koppla fuq erba ħnejjiet u arzella li żżejjen l-altar. Dak iż-żmien kienu jsejħula “La Rotunda”.

Inbniet fuq stil barokk bi pjanta ċentrali, b'kor li ġej għan-nofs tond, u li fih hemm l-altar, u magħluqa b'koppla. Mal-ħitan naraw pilastri tal-ordni Toskan, li fuqhom hemm erba' pendentivi u erba' arkuni li jerfgħu l-koppla. Din il-koppla hija mpittra b'disinji ta' fjuri u emblemi tal-Litanija tal-Madonna, u fil-pendentivi jidhru l-erba' evanġelisti.
 

Ritratt - Roderick Busuttil


Fuq l-altar, li hu tal-irħam, jidher il-kwadru titulari, li għalkemm ma nafux min pittru, jidher li żgur hu ta' xi pittur Malti kapaċi. Hu mdawwar bi prospettiva sabiħa ta' stil rococo, u aktar 'il fuq tidher l-apside miżbugħa ċelesti u skolpita b'ħafna anġli ndurati. Il-kumplament tal-kappella wkoll huwa mżejjen b'ħafna xogħol ta' skultura u induratura. Fuq il-bieb hemm gallerija tal-orgni u fil-ġnub tal-altar hemm żewġ bibien li jagħtu għal sagristija żgħira. Fuqhom hemm żewġ inkwatri li juru l-Qalb ta' Ġesł u l-Mewt ta' San Ġużepp.

Il-faċċata hija unika f'Malta għax għandha xeħta Spanjola.  Żewġ pilastri twal tal-ordni Toskan jerfgħu gwarniċa li ddur mal-binja kollha. Fuq quddiem din terfa' pediment ta' stil Spanjol magħmul b'ħafna kontra kurvaturi. Dan il-pediment fit-truf tiegħu għandu żewġ kolonni baxxi bi sfera tal-ġebel fuqhom. . Fin-nofs tal-pediment tidher il-monogramma tal-Madonna, kiġifieri l-ittri A u M li jfissru “Ave Maria”. Il-bieb għandu gwarniċa mmulata u fuqu hemm pediment triangolari maqsum. Aktar 'il fuq hemm tieqa forma ta' salib u din ukoll għandha gwarniċa mmulata.

Fl-1895, ċertu benefattur, Pawlu Borg qala’ grazzja kbira u bħala radd ta’ ħajr ħareġ l-ispejjeż biex ikun jista’ jinbena l-kampnar. F’dan il-kampnar illum hemm erba’ qniepen. Il-kbira fosthom, li ġġib l-isem ta’ Marija Bambina, saret mid-ditta Pacard ta’ Annecy fi Franza f’Awwissu tal-1965 u ġiet mogħtija minn Modesta Borg. Qniepen oħra li hemm f’dan il-kampnar huma dik li ġġib l-isem ta’ Michelina li nħadmet mid-ditta Ingliża John Taylor, u Helena li ukoll inħadmet mill istess funditur. L-aktar waħda antika hija ir-raba’ waħda li saret fl-1909. Dawn il-qniepen gew mogħtija minn Emanuel Calleja u Carmelo Borg.

Dik il-ħabta l-knisja kienet għadha maqtugħa mill-bini ta’ madwarha. Damet hekk sal-1860. F’dak iż-żmien li qed nitkellmu fuqhu, il-knisja ma kelliex sagristija, imma kien hemm passaġġ li jgħaqqad triq ma’ oħra. Fuq dan il-passaġġ, fl-1860, inbniet is-sagristija. Xi snin ilu nxtrat id-dar li tmiss mas-sagristija u ġiet minfuda mal-knisja biex b’hekk kibret is-sagristija.

Din il-knisja ġiet ikkonsagrata fid-19 ta’ Settembru 1944, mill- Eċċellenza Tiegħu l-isqof Emanuel Galea.

Kwadru u statwi f’din il-knisja

Il-kwadru titulari juri ix-xbieha ta’ Marija, tarbija ta’ twelid, miżmuma minn mara u mgħejjuna minn xi nisa oħra, u anġlu nieżel għal fuq il-Madonna waqt li jżomm kuruna f’idu. Jidhru ukoll Sant’Anna u San Ġwakkin. Din il-pittura aktarx saret għal ħabta tal-1770. Mhux magħruf min pitter dan il-kwadru, iżda jidher li hu maħdum minn xi artist Malti tajjeb kif diġą għidna. Il-kwadru għandu madwaru gwarniċ bi skultura tal-ġebel.

Fost id-diversi statwi li nsibu f’din il-knisja hemm l-istatwa ta’ San Ġużepp u l-istatwa tal-Madonna tas-Sacro Cuor, xogħol tal-istatwarju Ġużeppi Cilia. Hemm ukoll statwa ta’ Marija Adolorata li saret fuq inizzjattiva ta’ Helen Attard u Speditu Camilleri.

F’din il-knisja hemm ukoll statwa proċessjonali. Din hi xogħol ieħor fil-kartapesta ukoll tal-istatwarju Ġużeppi Ċilia li kien alliev ta’ Karlu Darmanin.  Din l-istatwa għandha bankun tal-ġewż skolpit li kien ġie mogħti minn Ġorġ Fenech, u fjuretti tal-granutell f’vażuni tal-fidda. Il-kuruna li hemm fuq ras il-Madonna hija tal-filugranu u saret fl-1962, fuq inizjattiva ta’ Stella Pace. L-istatwa hija mżejna b’raġġiera tal-fidda, maħduma minn Marjanu Pace fuq disinn ta’ Anthony Parnis.

Għeluq

Fil-ġranet tal-festa, din il-knisja filjali ddedikata lin-Nattivitą ta’ Marija Santissma, tkun armata bl-isbaħ armar li jixraq lid-dar ta’ Alla. Naturalment l-istatwa titulari ta’ Marija Bambina tkun esposta għall-qima tal-Karkariżi u mżejna b’mant tad-damask ikħal u bir-raġġiera tal-fidda. L-altar prinċipali jkun imżejjen b’gandlieri skolpiti indurati kif ukoll diversi ħwejjeġ oħra ta’ valur.

Bħal f’ħafna knejjes l-oħra ta’ Malta u Għawdex, f’din il-knisja hemm grupp ta’ nies voluntiera li b’imħabba kbira lejn dan it-tempju u b’dedikazzjoni kbira, jaħdmu flimkien biex din il-knisja filjali tkun imżejna kif jixraq fil-festa ta’ Marija Bambina. Din il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna u fiha ssir quddiesa kuljum.

Kitba ta' Joe Brincat
Ritratti ta' Roderick Busuttil, Philip Xuereb u Reyden Mizzi

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Philip Xuereb      Ritratt antik
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Philip Xuereb - Titular Vitorja Birkirkara
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Philip Xuereb
Ritratt - Roderick Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017