KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Roderick Busuttil

Il-kappella tal-Vitorja
~ Ħal Qormi ~

Waħda mill-ħafna knejjes sbieħ li hemm f’Ħal Qormi hi l-knisja ddedikata lil Marija Bambina magħrufa fostna bħala tal-Vitorja u li għal xi żmien kienet magħrufa wkoll bħala “Tal-Fuqqanija”.

Oriġini

Ma nafux eżatt id-data ta’ meta nbniet imma żgur li kienet diġą mibnija fis-sena 1686, għalkemm x’aktarx inbniet fis-sena 1657. Iżda meta Dusina kien żar Ħal Qormi fl-1575 fil-lok kien sab kappella ddedikata lill-Assunta.  Aktar tard, l-Isqof Gargallo fl-1588 kiteb li t-titular kien inbidel għal dak tat-Twelid tal-Madonna. Fl-1634 il-kappella ingħatat xi renti iżda kienet ġiet ipprofanata fis-sena 1652 fil-viżta pastorali tal-Isqof Fra Ġwann Balaguer Camarasa. L-istess xorti messet lil numru ta’ knejjes oħra li kienu fil-viċin fosthom dawk ta’ San Leonardu, Santu Rokku, San Pawl Appostlu u Santa Marija. Dawn kienu ġew ipprofanati minħabba li kienu f’kundizzjoni ħażina. Minħabba li d-devozjoni lejn Marija Bambina kienet ħafna għal qalb in-nies, speċċjalment wara l-Assedju l-Kbir tas-sena 1565 meta bl-interċessjoni tal-Madonna l-Maltin rebħu fuq it-Torok, din il-knisja reġgħet inbniet u kienet lesta sa l-1686.

 

Ritratt - Fotofast-George Micallef

 

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-faċċata hi ftit sempliċi fin-naħa t'isfel għax fil-kantunieri m'għandhiex pilastri. Iżda n-naħa ta' fuq hi ddekorata bi gwarniċun sħiħ li fuqu fin-nofs hemm niċċa li fiha statwa tal-Madonna. Fil-faċċata hemm kampnar kwadru li għalkemm hu xi ftit sproporzjonat, hu ddisinjat tajjeb. Fih erba’ qniepen u ċuqlajta kif ukoll arloġġ li jdoqq is-sigħat u l-kwarti, xogħol l-arluggar magħruf Michelangelo Sapiano u li nħadem fis-sena 1886. Il-qniepen huma ta’ Ġulju Cauchi u saru fi-istess żmien tal-arloġġ.  Il-bieb hu mżejjen b'żewġ pilastri u pediment segmentali. Fuq quddiem il-kappella għandha zuntier li jingħalaq b'ringiela balavostri.

Il-kappella hi kemxejn spazjuża u għandha pjanta rettangolari b'saqaf troll għoli li jistrieħ fuq arkati li jitilgħu minn fuq gwarniċa għolja miżmuma minn saljaturi dekorattivi.

Barra l-altar titulari, li fuqu hemm kwadru sabiħ li juri l-Madonna tifla flimkien mal-ġenituri tagħha Sant' Anna u San Ġwakkin, hemm erba' altari oħra fil-ġnub. Dawn huma ddedikati lil Santa Marija, San Pawl, San Leonardu u Santu Rokku. L-altari kollha huma mżejna bi prospettivi mill-isbaħ, b'kolonni u pedimenti skulturati fil-ġebla Maltija u għandhom pitturi tajbin ħafna. Dawn l-altari gew iddedikati lil dawn il-qaddisin b’tifkira tal-knejjes li kellhom iddedikati lilhom f’dawn l-inħawi u li ġew ipprofanati f’dan iż-żmien. B’tifkira ta’ dawn sar ukoll salib kommemorattiv fil-pjazza tal-Vitorja u li fuqu hemm minqux is-sena 1688.

Ritratt - Fotofast-George Micallef
Ritratt - Fotofast-George Micallef
Ritratt - Fotofast-George Micallef

Ritratt - Roderick Busuttil

Ritratt - Roderick Busuttil

San Anard

Santa Maria

Ritratt - Roderick Busuttil

Ritratt - Roderick Busuttil

Santu Rokku

San Pawl

Il-kwadru titulari preżenti sar fis-sena 1890 minn Ġużeppi Cali u tħallas b’wegħda minn Indri Abela ‘Ta’ Feliċa’. It-titular l-antik, li hu xogħol il-Franċiż Fra Luqa Gamier, sfortunatament huwa 'mitluf' għar-raġuni li l-elementi tant ħallew effett fuqu li meta saru tentattivi biex ikun irrestawrat, l-artist ma kienx tal-opinjoni li jsir dan ir-restawr. Il-ftit biċċiet li kien fadal minn dan ix-xogħol illum jinsab fis-sagristija ta' din il-knisja. Biswit l-altar maġġur nilmħu sottokwadru ta’ San Sebastjan Martri. B’xi mod dan ukoll ifakkar li fl-imgħoddi kien hawn knisja ddedikata lilu f’dawn l-inħawi, imma li kienet ġiet ipprofanata fis-sena 1575 mill-Isqof Dusina.

Fis-sena 1942 sabet postha f’din il-knisja l-istatwa titulari ta’ Marija Bambina fi żmien il-prokuratur Ġorġ Casha. F’pajjiżna hija unika fl-istil u d-daqs u żgur li tisraq qalb kull min jitfa’ ħarstu fuqha. Hi ħelwa tassew u turina ‘l Madonna tarbija fil-fisqija stil Malti. Il-Bambina li tidher bħala tarbija rieqda fuq saqqu u mlibbsa b'libsa kollha rakkmu.

 

Ritratt - Fotofast-George Micallef  vitoria 4

 

Ġo żewġ niċeċ żgħar insibu l-istatwi tal-”Ecce Homo” u tad-Duluri li hi xogħol Ġużeppi Cilia. Insibu wkoll l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesł li ġiet mogħtija lil din il-knisja minn Marija Gerita u Kelina Baldacchino fis-sena 1995, li kienu joqogħdu biswit din il-knisja. Fis-snin 1994-1995 din il-knisja ħadet xejra oħra billi ġiet irrestawrata u nġabet fuq il-ġebla. Sar ukoll altar mejda, gradenzina u ambone tal-kewkba.

Is-sagristija nbniet fis-sena 1700. Fuq il-bieb li jagħti għaliha nsibu sottokwadru tal-Madonna tal-Bon Kunsill li fl-imgħoddi kien hawn devozzjoni kbira lejha.  Il-Qriema dejjem ħabbew din il-knisja u ma naqsux li jgħinuha b’dak kollu li kien jixirqilha. Fis-sena 1811 sar lampier tal-fidda li fuqu hemm minquxa d-data ta’ meta sar u li nġabar mill-poplu ta’ din il-knisja. Insibu wkoll orgni (pipe organ) li hu antik ħafna u li bħalissa jinsab għar-restawr ukoll.

Avvenimenti matul iż-żmien

L-eqdem avveniment li nsibu marbut ma’ din il-knisja hu waħda mill-purċissjonijiet li kienu jsiru fis-seklu 18 mill-knisja parrokkjali fil-ħames Ħdud tar-Randan lejn xi knisja filjali b’xi waħda mill-vari tal-Passjoni tal-Mulej. Il-ħames Ħadd tar-Randan, magħruf bħala “Ħadd Lazzru”, il-purċissjoni kienet titla’ lejn dil-knisja bil-Vara l-Kbira u fuq iz-zuntier kienet issir priedka dwar dan il-misteru qaddis.

Fis-sena 1965 il-festa tal-Vitorja kienet saret bil-kbir aktar mis-soltu għax kien ġie mfakkar l-400 sena mill-Assedju l-Kbir. Ta’ min jgħid li sa żmien il-prokuratur Ġorġ Casha l-festa tal-Bambina kienet issir bil-kbir bit-tridijiet u l-paniġierku u bil-pjazza mżejna. Ma kienx jonqos ukoll in-nar tal-art kif ukoll il-bejgħ tradizzjonali tal-qubbajt.

Nhar it-13 ta’ Ġunju tal-1969, fi żmien il-prokuratur Dun Karm Casha, din il-kappella saret knisja Sagramentali mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Mikiel Gonzi. B’tifikra ta’ din il-grajja kien inxtara pissidi tal-fidda mmartellata u li fuqu hemm minquxa din il-grajja sabiħa.

 

Ritratt - Fotofast-George Micallef  vitoria 42

 

Ritratt - Roderick Busuttil Nhar il-15 ta’ Settembru tal-1985, waqt li f’dil-knisja kienet qed tiġi ċċelebrata s-solennita’ tal-festa tal-Vitorja (minħabba li qatt ma tiġi ċċelebrata fil-ġurnata tagħha) fil-5.00 ta’ filgħodu, fid-dar tiegħu fi Triq Santa Katerina, ħalla dan il-wied tad-dmugħ il-prokuratur Dun Karm Casha fl-għomor ta’ 58 sena. L-għada t-Tnejn, 16 ta’ Settembru, il-ġisem ta’ Dun Karm ġie trasportat lejn din il-knisja fejn imbagħad sar korteo lejn il-knisja Arċipretali. Hemmhekk saret quddiesa praesente cadavere mmexxija mill-Arċisqof innifsu Mons. Ġużeppi Mercieca, li tiegħu Dun Karm kien kappillan. Fit-testment tiegħu Dun Karm ma naqasx li jiftakar f’din il-knisja li qatta’ ħajtu fiha. Hu ħallielha l-abiti sagri kollha li kien juża, fosthom 3 kalċijiet tal-fidda. Dun Karm Casha fis-sena 2007 kien jiċċelebra l-50 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu li kienet saret nhar is-6 ta’ April 1957 kieku baqa’ ħaj. Dak inhar flimkien qaddsu miegħu żewġ saċerdoti Qriema oħra li huma Dun Pawl Genovese u Dun Karm Grech u li sal-lum għadhom jaqdu b’fedeltą u mħabba d-dmirijiet saċerdotali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.

Ta’ min isemmi li wara l-mewt ta’ Dun Karm din il-knisja ma baqgħetx titmexxa minn prokuratur, imma jsir rettur tagħha min ikun arċipriet fil-parroċċa.

Sa ftit snin ilu, nhar il-festa tal-Qalb ta’ Ġesł, x’ħin il-purċissjoni tkun għaddejja mit-toroq tal-parroċċa kienet tingħata l-Barka Sagramentali fuq iz-zuntier ta’ din il-knisja. Din saret l-aħħar fis-sena 1995. Sa dak iż-żmien ukoll fiha kien isir it-tagħlim tal-katekiżmu lit-tfal. Imma mbagħad dan it-tagħlim ġie trasferit fil-lokal tal-mużew fi Triq Santa Katerina.

Fis-sena 2003 ħabat is-17-il ċentinarju glorjuż tal-Patrun tal-Qriema San Ġorġ. Din il-knisja ġiet magħżula sabiex minnha ssir it-transulazzjoni solenni tar-relikwija insinji ta’ San Ġorġ lejlet il-festa. Nhar it-28 ta’ Ġunju fis-6.15 ta’ filgħaxija, mill-knisja parrokkjali bdiet purċissjoni bis-sehem tal-fratellanzi u l-kleru Ġorġjan immexxija mill-E.T. Mons. Annetto Depasquale, Vigarju Ġenerali u Isqof Awżiljarju, lejn din il-knisja. Il-Banda Pinto ta’ San Sebastjan laqgħet il-purċissjoni fil-pjazza tal-Vitorja fost id-daqq ferrieħi tal-qniepen. Kif il-purċissjoni daħlet fil-knisja, il-kor parrokkjali ‘Exultate Domino’ kanta l-innu taċ-ċentinarju, kitba tal-poeta Dun Pawl Genovese u mużika tal-Prof. Mro. Joseph Vella, u ġiet inċensata r-relikwija. Wara t-transulazzjoni ħarġet mill-knisja tal-Vitorja u mxiet lejn il-knisja arċipretali. Ta’ min jgħid li għal din l-okkażjoni l-knisja ntramat bil-kbir daqs li kieku kienet il-festa tal-Bambina. Żgur li dan l-avveniment jibqa’ minqux fl-istorja ta’ din il-knisja.

Il-knisja llum

Illum din il-knisja għadha tagħti s-servizzi liturġiċi tagħha matul is-sena kollha. Ta’ kuljum issir fiha quddiesa għan-nies ta’ dawn l-inħawi. Kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar issir ġurnata espożizzjoni ta’ Ġesł Sagramentat u tintemm b’quddiesa filgħaxija. Matul ix-xahar ta’ Ottubru ta’ kull filgħaxija jingħad ir-Rużarju u tingħata l-Barka Sagramentali. Fir-Randan isiru l-eżerċizzi spiritwali għal kullħadd kif ukoll il-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka inkluż is-Sepulkru. F’Ħadd il-Għid imbagħad waqt il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt tkun għaddejja minn quddiem din il-knisja, fuq iz-zuntier jiġu mbierka l-figolli tat-tfal mill-Arċipriet tal-Parroċċa.

Ma jonqosx ukoll li f’Settembru tiġi ċċelebrata kif jixraq il-festa ta’ Marija Bambina fl-ewwel Ħadd li jiġi fuq it-8 ta’ Settembru. Il-kappella tkun mżejna tajjeb ħafna bid-damask u dak kollu li jagħmel festa Maltija.

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u l-faċċata tal-knisja u l-kampnar sar restawr fuqhom tajjeb ħafna dan l-aħħar.

Kitba ta’ George Micallef.
Dettalji arkitettoniċi ta’ Anthony M. Brincat.
Ritratti ta’ George Micallef/Fotofast (Qormi) u Roderick Busuttil
Ħajr lil George Micallef talli għaddielna din l-informazzjoni u talli dawwarna mal-knisja. George Micallef tana wkoll għadd ta' ritratti għall-website li kienu kkummissjonati u mħallsin minnu stess m'għand il-Fotofast Studio ta' Ħal Qormi.

Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Fotofast-George Micallef
Ritratt - Fotofast-George Micallef  vitoria 6
Ritratt - Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com