KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Sant’Antnin ta’ Padova
~ Marsascala ~

Meta wieħed ikun nieżel lejn Marsaskala jew Wied il-Għajn mill-bypass li jinżel minn Ħaż-Żabbar u jasal ħdejn l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin fuq il-lemin jara kappella mibnija fuq is-sies fil-għoli li jsibuh bħala x-Xagħra tal-Latmija. Din hi l-kappella ddedikata lil Sant' Antnin ta' Padova u taqa’ taħt il-limiti ta’ Marsaskala.

Origini

Jidher li din il-kappella nbniet fl-1675 minn dun Andrea Polladino skont ma hu mniżżel fl-Atti tan-Nutar Michael Angelo Attard tat-12 ta' Frar tal-istess sena. Illum tagħmel mal-Parroċċa ta' Wied il-Għajn (Marsascala) iżda sa qabel l-1919 kienet taqa' taħt dik ta' Santa Katerina taż-Żejtun.


Ritratt - Carmelo Vella


Din il-kappella għandha faċċata sempliċi ħafna u l-ftit tiżjin li għandha huwa mal-bieb. Fil-ġenb għandha żewġ pilastri sempliċi u żewġ saljaturi. Fuq l-entablatura hemm pediment segmentali maqsum li f'nofsu hemm ftit ġebel li qatt ma ġie skolpit. Aktarx li kellha tiġi xi arma tal-familja. Mal-ġenb tal-bieb hemm is-soliti żewġ twieqi baxxi u tieqa oħra tidher 'l fuq mill-bieb. Il-kampnar għandu disinn sabiħ u fih qanpiena waħda. Fit-truf tal-faċċata nsibu żewġ piramidi żgħar. Il-kappella għandha zuntier żgħir li biex tiġi għalih trid titla 6 tarġiet.

Il-kappella minn ġewwa

Meta wieħed jidħol ġewwa jsib li l-kappella għandha pjanta rettangolari b'saqaf troll li jistrieħ fuq ħames kustilji li jitilgħu minn gwarniċa fil-għoli. Bejn ir-raba' u l-ħames kustilja hemm żewġ twieqi li jagħtu d-dawl għal fuq l-altar. Dan jinsab imdawwar minn prospettiva barokka sabiħa ħafna u maħduma b'sengħa kbira minn xi skultur skalpellin ta' dawk iż-żminijiet. Hi magħmula minn żewġ kolonni ta' stil Korintin li jerfgħu entablatura skolpita u żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali u li fuqhom jistrieħu żewġ anġli. Fin-nofs hemm gwarniċa li fiha pittura tar-Redentur. Fil-bażi tal-kolonni hemm żewġ armi tal-familja Brancato u aktarx li dawn kienu ħallsu għal din il-prospettiva.


Ritratt - Caroline Busuttil


Il-kwadru titulari hu biċċa xogħol tajba ta' pittur li ma nafux min hu. M'ilux ħafna kien ġie rrestawrat minn Patri Marius Zerafa O.P., li kien Direttur tal-Mużew tal-Arti. Kien ħallas għall-ispejjeż il-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn. Fil-kwadru tidher il-Madonna bil-Bambin f'ħoġorha flimkien ma' Sant'Antnin u San Filippu Neri.

Statwa devota ħafna ta’ Sant’ Antnin

F'niċċa fil-ġenb tal-kappella hemm statwa żgħira ta' Sant' Antnin li f'għonqu minn wara hemm ħolqa. Din kienet isservi biex is-sajjieda ta' Wied il-Għajn kienu jniżżluha fil-baħar max-xibka tat-tunnara. Ġieli ukoll kienu jniżżluha fil-bjar meta kien ikun hemm nixfa u kienu jitolbu 'l-qaddis biex tagħmel ix-xita.  Fuq in-naħa l-oħra hemm kwadri mimlija b'ħafna ex-voto tal-fidda billi minn dejjem kien hemm devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis.

Iktar ħwejjeġ li jżejnu lil din il-knisja

Sbieħ ħafna ukoll huma ż-żewġ bibien li jagħtu għas-sagristija, għax huma wkoll huma mżejna bl-iskultura. Għandhom fuqhom pediment segmentali u fuqu bħal speċi ta' vażun bil-fjuri. Fuq il-bieb hemm gallerija tal-orgni merfugħa minn tliet saljaturi skolpiti. Biex wieħed jitla' għal din il-gallerija, irid jitla' minn taraġ dejjaq ħafna li hu mibni fil-ħxuna tal-ħajt tal-ġenb tal-kappella. M'hemmx orgni iżda jitilgħu f'din il-gallerija biex minn fiha jdoqqu l-qanpiena tal-kappella.


Ritratt - Caroline Busuttil


Attivitajiet

Kull sena fit-tlettax ta' Ġunju, f'jum Sant'Antnin, fil-għaxija ssir quddiesa mill-Kappillan ta' Wied il-Għajn li għaliha tattendi folla mhux ħażin u għalhekk il-quddiesa ssir minn fuq iz-zuntier. Iżda fl-antik kienet issir bil-kbir. Kien jiffunzjona l-Kleru taż-Żejtun u kienu jżejnu l-post b'ħafna bnadar, issir mixegħla bil-lampi taż-żejt u kienet tiġi l-Banda Beland taż-Żejtun. Ma kienx jonqos li jitbierku u jitqassmu l-ħbejżiet ta' Sant' Antnin li d-devoti tiegħu kienu jieklu waqt li jitolbuh biex iħarishom minn xi marda qalila.

Il-Family Park

Fl-2013 ġie inawgurat il-Family Park biswit l-impjant tar-reċiklaġġ ta’ Sant’Antnin.  Dan sar fuq art li qabel kienet isservi bħala miżbla u li issa kienet ġiet riħabilitata.  Bħala parti mit-tisbiħ tal-inħawi, il-kappella ta’ Sant’Antnin, li tinsab ġo dan il-Family Park, ġiet restawrata għalkemm kif wieħed jista' jara mir-ritratti ma kinitx daqstant mitluqa. Iżda kull titjib li jista' jsir fiha, sakemm isir bis-sengħa meħtieġa, merħba bih.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta' Anthony M. Brincat, Carmelo Vella, Caroline Busuttil u mill-Internet

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat
Mill-Internet - Family Park

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017