KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Reno Saliba

Il-kappella ta’ San Pawl
~ Ħ’Attard ~

Il-kappella ta’ San Pawl hija waħda mid-diversi kappelli li nsibu fir-raħal sbejjaħ ta’ Ħ’Attard. Biex tasal għal din il-kappella: kif tasal f’salib it-toroq fi Triq Notabile tiġbed lejn it-telgħa li twasslek lejn Ħaż-Żebbuġ u tidħol l-ewwel triq fuq ix-xellug. Din it-triq kemxejn dejqa twasslek quddiem din il-kappella verament ħelwa.

Oriġini

Oriġinarjament fuq l-istess sit fejn tinsab din il-kappella ta’ San Pawl illum kien hemm oħra ddedikata lil Marija Assunta. Din tal-aħħar, kienet inbniet lejn l-1629, u dan skont manuskritt iffirmat mis-saċerdot Giovanni Battista Sammut. Dan il-manuskritt f’għamla ta’ fuljett, għandu miktub fih deskrizzjoni tal-oriġini tar-raħal ta’ Ħ’Attard u tal-knisja tiegħu. 

Giovanni Battista Sammut, hawn fuq imsemmi, kiseb parti mit-tagħrif minn ċertu Padre Pelagio u jsemmi xi dokumenti antiki oħra li hu qassar f’kitbietu. Iżda wara li l-isqof Alpheran de Bussan kien ipprofana l-ewwel knisja, din twaqqgħet u minflokha nbniet il-kappella li hemm illum, iddedikata lil San Pawl Nawfragu. Skont dokumenti oriġinali, l-ewwel spejjeż għat-tqattigħ tal-blat u l-bini tal-pedamenti tal-kappella ddedikata lil San Pawl, huma reġistrati f’Diċembru tal-1728, filwaqt li x-xogħol fuq din il-kappella ntemm fl-1729. Ta’ min jgħid li l-ispejjeż għall-bini ta’ din il-kappella kienu laħqu 205 skudi, 8 tarì u 6 grani.


Ritratt - Reno Saliba


Il-kappella minn barra u minn ġewwa
 
Il-faċċata tal-knisja hija mħaddna minn żewġ pilastri Doriċi, filwaqt li fin-nofs fuqani, jiddomina l-frontispizju. Il-bieb huwa nkwadrat bil-bsaten u fuqu hemm friża bid-data ta’ meta tlestiet il-kappella, jiġifieri dik tal-1729. ’Il fuq minn dil-friża hemm pediment segmentali u aktar ’il fuq fil-faċċata nsibu l-arma tal-isqof Alpheran de Bussan. Mal-ġnub tal-bieb hemm żewġ twejqiet fil-baxx, li fil-ħoġor ġewwieni tagħhom hemm kaxxi maqtugħa fil-ġebla, fejn kienu jinġabru xi flejjes li kienu jintefgħu min-naħa milħuqha minn barra. Fil-ġnub tal-knisja hemm żewġ twieqi fuq kull naħa. Fuq il-bejt hemm jixxabbat kampnar mat-tromba tal-bejt u ieħor baxx mal-ġenb, wara l-frontispizju.

It-titular tal-kappella, kif diġà ssemma, juri lil San Pawl Nawfragu li flimkien miegħu hemm meqjuma San Publiju u San Franġisk ta’ Paola. Skont dokumenti misjuba, jissemmew ħlasijiet mgħoddija lill-pittur li wettaq din il-biċċa xogħol, is-Sur Arrigo Ornace (l-isem kif jinqara fid-dokumenti oriġinali), li huwa misjub ukoll bħala Enrico Regnaud.  Flimkien mat-titular hemm erba’ pitturi oħra tal-erba’ Evanġelisti li huma attribwiti lil Francesco Zahra u li llum jinsabu fis-sagristija tal-parroċċa. It-titular kien miżmum fil-mużew tal-Parroċċa, iżda issa jinsab mill-ġdid fil-kappella.
 

Ritratt - Reno Saliba


Hemm reġistrat li kienu jsiru ċelebrazzjonijiet u quddies f’ġieħ dawn ix-xbihat. Fil-fatt hemm spejjeż imniżżla għall-festi ta’ San Publiju, il-Konverżjoni ta’ San Pawl u dik tan-Nawfraġju. Fost id-dati msemmija hemm spejjeż li saru fl-1798, u li kienu jlaħħqu 3 skudi 4 tarì u 10 grani.

It-titular huwa mdawwar bi gwarniċ skolpit sabiħ ħafna, fejn hemm żewġ puttini (anġli) iżommu midaljun tond li kien iħaddan pittura żgħira. Fil-ġnieb tal-kwadru hemm jixxebilku weraq tar-rand li jaqbżu nofsu. Fil-kappella nsibu altar wieħed tal-ġebel, bl-iskannel tal-injam li huwa dekorat bil-fjuri minquxa fih. 

Restawr estensiv fil-kappella

Għal dawn l-aħħar snin kien għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Pawl li tinsab fiż-żona magħrufa bħala “Taħt ir-Raħal”, f’Ħ’Attard. Il-proċess ta’ dan ir-restawr tnieda fi Frar tas-sena 2004, meta l-Kappillan ta’ Ħ’Attard, ir-reverendu Dione Cutajar, ħatar lis-sur Reno Saliba, sabiex jikkoordina l-imsemmi restawr u eventwalment jieħu ħsieb l-organizzazzjoni u l-manteniment tal-kappella.

L-ewwel li sar kien rapport dwar dak misjub, bħala punt ta’ tluq. Mill-evalwazzjonijiet li saru, ġew innutati xi interventi żbaljati li twettqu fl-imgħoddi b’dannu għall-istess binja tal-kappella. Għaldaqstant ġew issuġġeriti xi rimedji, filwaqt li ġew elenkati wkoll l-interventi tar-restawr meħtieġa; dejjem skont l-aħħar prattiċi użati fir-restawr, b’enfasi li x-xogħol kellu jsir b’mod professjonali.

Intgħażlet il-Perit Shirley Cefai, esperta f’dan il-qasam, għal dan ix-xogħol.  Din ħejjiet il-pjanti u r-rapporti għall-interventi meħtieġa sabiex ssir l-applikazzjoni lill-MEPA.  Il-MEPA eventwalment ħarġet il-permess f’qasir żmien. Sar ukoll rikors biex isir ix-xogħol lill-Kurja tal-Arċisqof, illi kien approvat ukoll.

Ix-xogħol kollu tar-restawr kien finanzjat minn benefatturi, li nstabu biex dan il-proġett ikun attwat. Wara li saru r-rapporti meħtieġa, flimkien mal-applikazzjoni lill-MEPA, beda x-xogħol fuq il-lavur. Tbiddlu l-bsaten mherrija tal-koxxa tal-bieb prinċipali, sar salib għall-frontispizju biex jissostitwixxi dak oriġinali li kien waqa’ bil-maltemp, sar miżieb minflok katusa li kienet tissostitwixxi dak tal-ġebel li kien waqa’ maż-żmien. Inbidel ukoll xi ġebel mad-dawra minn barra, fejn kien meħtieġ biss. 

Kien imiss li l-knisja titnaddaf minn ġewwa, mill-kisja qadima bbażata fuq is-siment, illi tant jagħmel ħsara lill-ġebla Maltija. Minflok tħejjiet taħlita poruża sabiex tagħti nifs lill-ġebla. Minn barra, l-kappella tnaddfet ukoll mit-tikħila qadima u ntużat ukoll taħlita poruża. Din il-ħidma tat dehra aktar sħiħa u eleganti lill-binja hekk sbejħa. Minn ġewwa, il-kappella tbajdet lewn isfar ċar fl-isfond, filwaqt li l-pilastri tbajdu bojod.

L-aperturi, li kienu fi stat ta’ abbandun, ġew restawrati wkoll u llum qegħdin isebbħu dan il-monument.  It-twieqi ntramaw bi ħġieġ lewn l-arma ta’ Ħ’Attard biex issa jidhru tant sbieħ. Inbidel it-tagħmir tad-dawl sabiex illum il-kappella qiegħda tgawdi l-glorja li jixraqilha.
Restawr tal-iskannell u l-gandlieri

Il-kappella ta’ San Pawl li nbniet fl-1729 fiha altar wieħed, bil-mensa tal-ġebel u l-iskannell tal-injam, minqux bil-fjuri li għadu fi stat tajjeb ħafna. Fil-kontijiet oriġinali taż-żmien li nbniet il-kappella, hemm reġistrat ħlas ta’ 8 tarì lill-mastru Giovanni Muscat għal xogħol ta’ tinqix ta’ fjuri li kien sar mal-faċċata tal-iskannell li oriġinarjament kien indurat, imma b’ħasra, maż-żmien kien inżebagħ. Is-sur Lorry Borg, anzjan minn Ħ’Attard, jiftakru indurat. Ta’ min isemmi li waqt it-tindif li sarlu, ħarġu karatteristiċi li kienu moħbija taħt iż-żebgħa. Fil-faċċata tal-bieb tat-tabernaklu, issa qed jidher minqux kalċi, bl-Ostja wieqfa fih.
 

Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba


Il-gandlieri kienu fi stat ħażin u kellha ssirilhom tiswija xierqa qabel il-proċess biex jinksew bil-fidda. Sar ukoll is-salib bil-bażi għalih kif issemma’ qabel. 

Għad baqa’ xi jsir, fosthom ir-restawr tal-kwadru tal-ġebel li jħaddan it-titular. Illum il-knisja qiegħda tħaddan mill-ġdid it-titular li għadu fi stat tajjeb. Fih hemm San Pawl Nawfragu, San Publiju u San Franġisk ta’ Paola. Din l-opra hija xogħol ta’ Enrico Regnaud kif diġà semmejna aktar ’il fuq. Wieħed għad irid jara x’jagħmel bl-Evanġelisti attribwiti lil Francesco Zahra, li kienu fil-ġenb tal-kappella u llum iżejnu s-sagristija tal-parroċċa.

Madanakollu kien sar ir-restawr tal-iskannell li ġie indurat bl-għajnuna ta' fondi mill-U.E. permezz tal-Kunsill Lokali.  Kien reġa' sar ukoll xi restawr fuq id-deffun tas-saqaf tal-kappella.  Bħalissa (2016) qed isir moniteraġġ, billi meta kienu ħaffru xi trinek fil-viċin, li kienu ħallew xquq fil-kappella. Bħalissa hemm imwaħħla, tell tales biex isir dan, dejjem b'fondi mill-Kunsill Lokali.

Kollox ma’ kollox, l-akbar sodisfazzjon hu li din il-kappella ta’ San Pawl, wara li ġiet irrestawrata qed tiffunzjona mill-ġdid. Saru laqgħat, lectures, anniversarji ta’ żwiġijiet, quddies għall-erwieħ, kunċerti, rużarju u fil-festi prinċipali matul is-sena jsir il-quddies. Saru ħafna proġetti, pubblikazzjonijiet u studji minn tfal fl-iskejjel sa studenti kbar f’livell terzjarju u profesjonisti oħra.

Nistgħu ngħidu li għall-kappella ta’ San Pawl, illum żernaq jum ġdid. J’Alla din il-ġawhra sservi bħala post ta’ qima, spiritwalità u għajn kulturali. Ħajr kbir għal kull min ikkontribwixxa sabiex sar dan kollu.

Kitba ta’ Reno Saliba
Proof Reading: Tony Bonello
Ritratti ta' Reno Saliba

Nota Editorjali:

B’xorti tajba, filwaqt li s-sur Saliba kien qiegħed jagħmel ir-riċerka tiegħu, iltaqa’ mal-kontijiet oriġinali ta’ meta nbniet din il-kappella. Dawn imorru lura għas-snin 1728-1729. Ma’ dawn is-sur Saliba ġabar xi tagħrif miż-żjara tal-isqof Alpheran de Bussan, kif ukoll minn dokumenti qodma fl-arkivji tal-Parroċċa. Hu ppubblika ktieb dwar ġrajjet din il-kappella li ġie inawgurat ftit ġranet ilu meta ġie inawgurat ir-restawr ta’ din il-kappella f’Lulju tal-2008. Fih wieħed isib ħafna tagħrif ġdid li rnexxielu joħroġ mis-sejbiet li għamel waqt ir-riċerka tiegħu. Dan kollu, barra li jitfa’ dawl ġdid fuq dan il-monument hekk sbejjaħ, kien xieraq li f’din is-sena Pawlina, itella’ fil-wiċċ ġrajjet din il-kappella ddedikata propju lil San Pawl Nawfragu.

Kull min jixtieq kopja ta’ dan il-ktieb, jista’ jagħmel dan billi jmur fl-uffiċċju Parrokkjali ta’ Ħ’Attard, u jistaqsi għall-ktieb hemm jew jikkuntattja lis-Sur Reno Saliba, l-awtur tal-ktieb b’posta elettronika fuq renosaliba@yahoo.com

Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba
Ritratt - Reno Saliba

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017