KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja ta’ Santa Katerina
ta’ Wied il-Għasel
~ Naxxar ~

Ritratt: Carmelo Vella

Kappella oħra ddedikata lil Santa Katerina nsibuha f’Wied il-Għasel, fil-limiti tan-Naxxar. Biex tasal fejn din il-kappella trid taqbad in-niżla t’Alla u Ommu u tikser mill-ewwel fuq ix-xellug, u tibqa' dieħel sakemm tasal ħdejha. Il-post fejn hemm il-kappella qabel kien jagħmel parti mar-raħal antik ta’ Ħal Pissa.

Oriġini

Jidher li din il-kappella li naraw llum ma kinitx l-ewwel waħda ddedikata lil Santa Katerina fin-Naxxar. Fil-fatt Monsinjur Pietro Dusina fiż-żjara tiegħu tal-1575 isemmi kappella ddedikata lil din il-qaddisa, imma ma jgħidx eżatt fejn kienet. Fil-1608 l-Isqof Cagliares isemmi lil din il-kappella u jgħid li kienet "fir-raħal".

Kien fis-sena 1659, meta l-Isqof Balaguer kien ipprofana numru ta’ kappelli, li jgħidilna eżatt fejn kienet din il-kappella ddedikata lil Santa Katerina meta sejħilha "tal-Gweidia". Mela din kienet fejn ftit snin wara, meta feġġgħet il-pesta tal-1676, kienu difnu lil dawk li mietu b’din il-marda qerrieda. Dan jiġi sewwasew fejn hemm il-ground tal-football fejn kien hemm it-Trade Fair Grounds fl-antik, f’biċċa għalqa mitluqa fejn qabel kienu wkoll ħaffru għaż-żejt. Barra minn din il-kappella, kien hemm oħra fin-naħa tax-Xwieki ddedikata lil Santa Katerina, li llum ma baqa’ xejn minnha, ħlief l-isem tat-triq.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Il-kappella terġa’ tinbena

Kien Marianu Mangion Ii fl-1602 kien ħalla somma flus biex tinbena din il-kappella u biex fiha jibda’ jiġi ċċelebrat il-quddies fil-Ħdud u fil-festi. Marianu Mangion kien miżżewweġ lil Agata u kellhom erbat it-tfal, Duminku, Nikola, Bendo u Katerina. Jidher li t-tifla Katerina kienet mietet żgħira u probabilment nistgħu ngħidu li għaliha nbniet din il-kappella mill-familja. Marianu kien Massaro (wieħed li jieħu ħsieb l-oqsma tas-Sultan), u għaldaqshekk kien xi daqsxejn tat-tajjeb. Huwa miet fl-1616.

Kitba li hemm fuq il-faċċata, fuq il-bieb tal-kappella, tgħid li dak il-bini ġie magħmul fuq inkarigu ta’ Marianu Mangion fl-1607 għal unur ta’ Santa Katerina biex hi titlob għalih quddiem Alla. Din il-knisja tissemma’ għall-ewwel darba fil-viżta pastorali tal-Isqof Cagliares tal-1616. Dan jgħid li kienet inbniet fuq digriet tal-Isqof ta’ qablu, jiġifieri l-Isqof Tumas Gargallo, u hu kien qiegħed jivverifika dan id-digriet. Mhux biss, huwa jgħid ukoll li kienet iddekorata sabiħ ħafna. Dan ma kienx tifħir li kien iħobb jagħmel dan l-Isqof u għalhekk dan hu sinjal li kien sab lil din il-kappella fi stat tajjeb ħafna.

Il-familja Mangion, il-kappella u d-dixxendenti

Ġieli jissemma Dun Nikol Mangion bħala l-fundatur ta’ din il-kappella, li kien jiġi iben Marianu. Fit-testment li huwa kien għamel għand in-nutar Mario Attard fl-1624 Dun Nikol kien ħalla ġnien bid-dwieli imsejjaħ ta’ Hejmem u għalqa li kienet tmiss miegħu lil ħuh Bendu bħala eredi universali. Dan kellu jgawdihom matul ħajtu u wara mewtu. L-eredita kella taqa’ fuq wieħed mit-tfal magħżul minnu jew fuq il-kbir wara mewtu. Jekk xi wieħed mid-dixxendenti tal-eredi jilħaq qassis, allura dan ikollu d-dritt għall-użufrutt tal-ġnien matul ħajtu. Marbutin ma’ dan kien hemm obbligi ta’ quddiesa kull nhar ta’ Ħadd in perpetwu għal ruh Dun Nikol, il-ġenituri tiegħu u ħutu bniet u subien fil-kappella ta’ Santa Katerina fin-naħa ta’ Ħal Pissa jew Wied il-Għasel. Kellu jiġi wkoll iċċelebrat quddies fi-istess kappella fit-twelid ta’ San Ġwann Battista, f’San Pietru u f’San Pawl.

Il-kwadru titulari tal-altar appuntu kien juri lil Santa Katerina fin-nofs biż-żewġ qaddisin, San Ġwann il-Battista u San Pawl Appostlu fil-lemin u x-xellug tagħha. Il-Kappella kienet kompluta b’kollox, bil-bżonnijiet kollha għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies u wkoll b’qanpiena żgħira mdendla minn speċi ta’ arkata żgħira fuq il-faċċata u fuq din salib tal-ġebel. Quddiem tal-kappella kien imdawwar b’ċint baxx.

Kif għidna, il-kappella nbniet għas-spejjeż ta' Marjanu Mangion fl-1607. It-testment fl-atti tan-Nutar Mario Attard jiddeskrivi din il-kappella bħala li qiegħda "in contrada ta' Hal Pissa", li kien raħal ċkejken medjevali u li llum m'għadux jeżisti.

Dun Nikola Mangion

It-tifel ta' Marjanu kien is-Saċerdot Nikola Mangion (1586-1656) minn-Naxxar. Dun Nikola kien Uditore (Maġistrat) tal-Gran Mastru Lascaris, Konsulent għas-Santa Sede u Kummissarju tar-Reverenda Fabbrica Di San Pietro a Malta. Din ir-Reverenda Fabbrica Di San Pietro kienet entitÓ li kienet tieħu ħsieb li tiġbor il-fondi għall-bini u ż-żamma tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. F’Malta kien hawn uffiċċju tagħha wkoll. Dun Nikola kien magħruf l-aktar għal din l-aħħar kariga li kellu f’din l-entitÓ f’Malta. Teżisti pittura fl-UniversitÓ l-Qadima fil-Belt Valletta li turi 'l Dun Nikola ma' ħuħ il-kbir, Dominici (1574-1629). Dan Dominici kien ir-Reġistratur tal-Veneranda Fabbrica u nqatel b'tir ta' xkubetta meta kien viċin il-kappella waqt li kien sejjer lura d-dar. Dominici nqatel minħabba ħwejjeġ relatati mal-kariga li kellu ta' Reġistratur tal-Veneranda Fabbrica.

Nafu b’żewġ saċerdoti oħra li kienu dixxendenti ta' Marianu, mill-ewwel wild li kellu, li kien dan Dominici li għadna kemm semmejna. It-tnejn kienu wkoll avukati barra li kienu saċerdoti. Fra. Prof. Giuseppe Simeone Borg (1765 – 1839) kien Kappillan tal-Ubbidjenza fl-Ordni ta' San Ġwann fl-aħħar snin tagħom f'Malta. Taħt il-Franċiżi kien jokkupa l-kariga ta' Segretarju tal-Imħallef tal-Paċi. Imbagħad, sar Professur tal-Liġi Ċivili u Kriminali fl-UniversitÓ ta' Malta, liema kariga żamm bejn l-1801 sal 1834. Fra. Prof. Giuseppe Simeone Borg indifen fil-Konkatidral ta' San Ġwann fil-Kripta ta' Bartolott. Din il-Kripta tinsab taħt l-Oratorju tal-Konkatidral ġieli tissejjaħ “il-Kappella ta’ Sidtna Marija tal-Grazzja”, għall kappella ċkejkna li tinsab fiha. Il-Kripta ta’ Batolott illum qed tinħażen fiha ukoll il-Cappella Ardente tal-istess Konkatidral li kienet ġiet restawrata ftit żmien ilu.

In-neputi ta' Fra. Prof. Giuseppe Simeone Borg, il-Monsinjur Filippo Amato (1804 – 1864) kien Vigarju Ġenerali u Segretarju tal-Isqof Francesco Saverio Caruana. Amato kien ġie elett fil-Parlament fl-ewwel elezzjonijiet li saru f'Malta taħt il-Kostituzzjoni tal-1849. Il-Mons. Amato kien attwalment nominat biex isir Isqof ta’ Malta iżda n-nomina tiegħu kienet ġiet imblukkata mill-Ingliżi talli ma aċċettax li l-Konkatidral ta’ San Ġwann, li billi kien propjeta tal-Kavallieri issa kien waqa f’idejn il-Gvern Ingliż, isir Katidral Anglikan. Hu kien hedded li kien ser jordna l-Knejjes kollha ta’ Malta biex idoqqu l-qniepen biex jiġbru l-folol fil-Belt jekk il-Gvernatur jipprova jagħmel dan.

Dixxendent ieħor ta' Dominici kien in-Nutar Ġorġ Borg Olivier (1911 – 1980), li serva għal diversi drabi bħala Prim Ministru ta' Malta bejn is-snin 1950–1955 u l-1962–1971.

Iktar żjarat pastorali f’din il-kappella

Fl-1659 din il-kappella, bħal disgħa oħra mill-parroċċa tan-Naxxar, kienet ġiet ipprofanata mill-Isqof Balaguer. Iżda jidher li l-kappella kienet baqgħet tiffunzjona wara din id-data bħal oħrajn li kienu wkoll ġew ipprofanati fl-istess sena. Fil-fatt tibqa’ tissemma’ dejjem fil-viżti pastorali tas-snin ta’ wara. Hekk, per eżempju, fl-1716 l-Isqof Cannaves jagħti deskrizzjoni sħiħa u fit-tul tal-kappella minn ġewwa. Huwa jgħid ukoll li kellha ċimiterju mdawwar tajjeb b’ħajt. Jista’ jkun li kien qed jirreferi għal biċċa magħluqa ta’ quddiem il-kappella. Din iżda ma jidhirx li tista’ tkun ċimiterju. Il-blat qawwi qiegħed fil-wiċċ u ma hemmx ħlief ftit ħamrija biex timla’. Il-kappella tissemma wkoll fil-viżti tal-Isqof Labini fl-aħħar tas-seklu tmintax. Hekk fl-1785 huwa jinnota li kienet ġiet ordnata pittura ġdida għall-kappella li kienet turi lil Santa Katerina, il-Konverżjoni ta’ San Pawl Appostlu u lil-San Ġwann Battista.

Fil-kappella kien jinxtiegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt u fil-Ħdud u kienet tiġi ċċelebrata quddiesa kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi ta’ twelid ta’ San Ġwann Battista, ta’ San Pietru u ta’ San Pawl. Naturalment kienet tiġi ċċelebrata quddiesa kantata fil-festa ta’ Santa Katerina u kien jitkanta wkoll l-Għasar.

Il-kappella minn barra

Il-faċċata ta’ din il-kappella hi waħda sempliċi, bħal dawk li kienu jinbnew fi żmienha. Il-bieb li fuq għandu forma ta’ nofs tond, għandu fuqu arkata. Maġenb il-bieb fuq in-naħa tal-lemin hemm bħal tieqa żgħira ħafna fejn wieħed seta' jinviżta l-kappella meta din kienet tkun magħluqa. Fin-naħa l-oħra hemm l-irhama bil-kliem “Non gode l’mmunita ecclesias”, kif insibu ma' ħafna faċċati ta’ kappelli oħrajn  (Nota Editorjali:  Il-kitba attwalment tgħid “l’mmunita ecclrsias” -  Dan hu żball ortografiku goff.  Min aċċetta din li l-irħama titwaħħal ?  Possibbli ħadd ma nduna b’dan qabel ma tħallas ix-xogħol għaliha ?). Fuq il-bieb hemm tieqa tonda jew kif inhi magħrufa aħjar l-“oculus”, li hija l-uniku sors ta’ dawl lil din il-kappella.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

It-tieqa għandha forma ta’ fjura u taħta kif diġÓ semmejna qabel hemm l-iskrizzjoni li tfakkar li kien Marianu Mangion bħala li kien dak li bena din il-kappella. Fuq kull naħa tat-tieqa tonda hemm gwarniċa, li jidher li qabel fihom kien hemm skolpiti xi armi eraldiċi. Il-kampnar hu sempliċi, b’salib fuqu, imma ma fihx qanpiena. Fil-ġenb tal-kappella hemm ukoll xi mwieżeb tal-ilma. Quddiem il-kappella hemm zuntier zgħir, li jissemma f’xi viżti pastorali.

Il-kappella minn ġewwa

Minn ġewwa l-kappella hi ħelwa ħafna. Għalkemm mhux kbira mill-ewwel jolqtok l-apside żgħir fejn hemm l-altar tagħha. Mad-dawra tal-altar hemm xi fdalijiet tal-affreski li l-familja Mangion kienet ikkumissjonat biex iżżejjen din il-kappella. Fil-fatt Marianu kien żejjen l-apside tal-altar b’affreski li kienu juru fuq naħa waħda ‘l San Ġużepp u l-oħra San Nikola. Fuq, imbagħad, kienet tidher it-TrinitÓ Mqaddsa waqt l-inkoronazzjoni tal-Madonna. Dun Nikol aktar tard kompla jżejjen b’affreski oħra l-faċċata tal-altar madwar l-apside b’xeni mill-ħajja ta’ Santa Katerina. Dan għadu jidher fuq in-naħa tal-lemin tal-faċċata tal-altar fejn hemm miktub ċar li dak kien sar fuq inkarigu ta’ Dun Nikol Mangion. L-altar qiegħed fuq tarġa, imma jidher li mhux dak originali. Il-kappella minn ġewwa ma fiha l-ebda kwadru, lanqas dak titulari.

Is-saqaf ta’ din il-kappella hu tax-xorok u hu miżmum minn tlett arkati, li ma jibqugħx niżlin sal-art.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Il-kappella taqa’ fi stat t’abbandun

Billi din il-kappella kienet dejjem taqa’ għand xi qassis eredi tal-familja Mangion jew, aktar qrib ta’ żmienna, għand xi qassis li kien igawdi l-frott ta’ din il-benefiċċju, ma jeżistux dokumenti fl-arkivju parrokkjali dwarha. Bħal kappelli oħra wieħed irid jassumi li baqgħet tintuża sa żmienna għal xi quddiesa iżda mhux regolarment. Żgur li għal dawn l-aħħar ħamsin sena kienet dejjem magħluqa jew aktar tard mitluqa billi ħadd min-Naxxar ma kien prokuratur tagħha bħal ma kien hemm għall-kappelli l-oħrajn. B’hekk waqgħet taħt idejn il-vandali. Mhux l-ewwel darba li nbidel il-bieb għax inħaraq jew tkisser u saret ħsara fuq l-altar u l-affreski ta’ mal-ħajt. Dawn soffrew l-akbar ħsara meta l-ħajt tbajjad bil-ġir u inagħta kisja kulur isfar.

Bejn l-1980 u l-1981 saret tiswija fuq il-filati ta’ fuq u saru l-imwieżeb mill-ġdid. L-antiki kienu diġÓ nsterqu minn xi ħadd. B‘xorti tajba l-pittura tat-titular ittieħdet lejn iż-Żejtun minn qassis li kien jieħu ħsieb dawn il-benefiċċji. Illum din il-pittura tinsab fil-Mużew tal-parroċċa.

Ma’ dan l-abbandun bdiet tidher il-ħsara. Il-ħitan tal-ġnub bdew jiftħu ‘l barra. Mill-fili miftuħin tal-bejt beda dieħel ħafna ilma tax-xita li neħħa t-tajn fl-imramma. Il-filati ta’ fuq tmermru u xi ġrieden sa għamlu l-bejta tagħhom hemm fuq. Trabba ħafna tixrib u ħażiż fuq ġewwa. Il-ħnejjet bdew isiru laxki u xi partijiet baqgħu iżommu biss bi ftit tajn. Inkisru xi xoroq. Iz-zuntier kien inħatt u reġa’ nbena mill-ġdid. Iċ-ċangatura tal-wiċċ sparixxiet. It-tieqa tonda ta’ fuq il-bieb tkissret bid-tfigħ tal-ġebel. L-irħama bil-kitba "Non gode immunita ecclesiastica" insterqet. L-altar, li jista’ jkun li ma huwiex l-oriġinal, kellu l-mensula mkissra u xi ħadd ipprova jieħu l-parti tal-qabar.

Restawr tal-kappella

B’dawn il-ħsarat kollha l-kappella kienet qabdet it-triq tan-niżla u ma kellhiex ħajja fit-tul. Is-sur Anton Spiteri, li kien ilu snin jagħti każ ta’ din il-kappella, tkellem mal-arċipriet tan-Naxxar u talab li ssir xi ħaġa. Billi fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jeżisti grupp ta’ restawr, saret talba uffiċċjali. F’Awwissu 2002 l-arċipriet kiteb lid-Direttur u fisser l-urġenza li jsir xi restawr f’din il-kappella qabel ma tispiċċa biex taqa’ għal kollox. Ir-restawr tal-kappella seta’ wkoll iservi biex ikun il-bidu tar-riabilitazzjoni ta' Wied il-Għasel. It-talba ntlaqgħet mill-awtoritajiet u t-taqsima tar-restawr kienet issa ser tibda x-xogħol.

Kien jonqos il-finanzjament tal-materjal li jkun hemm bżonn għal dan ix-xogħol. Għalhekk Anton Spiteri, li issa kien qed jidher bħala l-bniedem inkarigat mill-arċipriet, kiteb lill-Kunsill Lokali fejn bagħat ukoll stima tal-ispiża kollha. Ftit jiem wara l-Kunsill wieġeb li kien lest li jgħin finanzjarjament u kien approva ssomma ta’ Lm500 (bejn wieħed u ieħor €1165) lejn il-materjal meħtieġ. Għajnuna oħra waslet m'għand l-għaqda Din l-Art Ħelwa. B’hekk seta’ jibda ix-xogħol.

Ix-xogħol kien taħt is-supervizjoni tal-perit Ivana Farrugia (il-perit Farrugia għaddiet rapport tax-xogħol li kien sar lill-awtur ta’ dan l-artilklu). L-ewwel ma sar kienet dokumentazzjoni ddettaljata ta’ storja, ritratti u surveys minn-naħa tal-perit. Dan tal-aħħar sar mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa u b’mod speċjali mal-ħajt tal-altar fejn kienu jidhru traċċi ta’ affreski taħt it-tibjida tal-ġir. Imbagħad beda r-rinfurzar tal-bini inkluż tikħil minn barra u minn ġewwa, tibdil ta’ xorok u t-tisħiħ tal-arkati. Ġie ttrattat dak li jissejjaħ “ħass” ta’ mal-ħitan, u fuq kollox ġie msaħħaħ u rrestawrat l-affresk tal-apside ta’ fuq l-altar. Dan tal-aħħar kien l-akbar biċċa xogħol għax kien xogħol kompless u li ried isir f’fażijiet differenti. L-ewwel reġgħu twaħħlu mal-ħajt dawk il-biċċiet li kienu inqalgħu jew li kienu ser jaqgħu. Imbagħad l-aktar xogħol diffiċli kien li tneħħa t-tibjid tal-ġir li kien hemm fuq l-affresk. Wara tnaddfu l-biċċiet ikkuluriti.

Ix-xogħol fuq barra, minbarra t-tikħil tal-ħitan kollha, kien jinkludi r-restawr tas-sistema tad-drenaġġ tal-ilma tax-xita minn fuq il-bejt. Dan kien ifisser tibdil tad-deffun kollu u tibdil tal-imwieżeb. Imbagħad kien hemm xi biċċiet li kehhom isiru mill-ġdid billi kienu insterqu jew tkissru. Dawn kienu jinkludu t-tieqa tonda ta’ fuq il-bieb u l-irħama. Tnaddfu wkoll in-naħat viċini ta’ mal-kappella.

Fuq ir-restawr prinċipali tal-affreski intalab ukoll il-parir tal-espert Dr. Keith Sciberras. Dan hu tal-fehma li ħafna mill-kappelli tas-seklu sbatax kienu mżejna b’dan il-mod. Iżda mal-mixja tas-snin ftit li xejn baqgħu jidhru. Għalhekk l-impoprtanza ta’ dawn l-affreski f'din il-kappella partikolari hija għall-fatt li huma forsi uniċi f’kappelli ta’ dan iż-żmien li baqgħu jeżistu. Il-valur tagħhom qiegħed hawn għax bħala pittura huma pjuttost vernakulari.

Il-Kappella llum

Il-kappella llum tinsab fi stat tajjeb ħafna, iżda minn ġewwa hi totalment battala u tinfetaħ biss fil-festa ta’ Santa Katerina biex fiha ssir quddiesa.

Ta’ min jgħid ukoll li l-post ta’ fejn tinstab il-kappella hu mitluq u żgur tkun idea tajba jekk jibda' r-reabilitazzjoni ta’ Wied il-Għasel u b’hekk nerġgħu nagħtu ftit ħajja lir-raħal antik ta’ Ħal Pissa.

Kitba ta’ Paul Catania;
Ħajr lil Paul Catania li apparti li għaddielna din il-kitba, fetħilna l-kappella flimkien ma' oħrajn li nsibu fin-Naxxar.
It-tagħrif dwar il-familja Mangion u-dixxendenti tagħhom ittieħed minn kitba ta’ John Samut-Tagliaferro li dehret fit-Times nhar it-Tnejn, 24 ta' Awissu tal-2009. John Samut-Tagliaferro jiġi wkoll wieħed mid-dixxendenti ta' Dominici
Ritratti: Caroline Busutti, Carmelo Vella, Noel Ciantar, Lino Spiteri u Tony Bonello
 

Ritratt: Caroline Busuttil

Din hi lapida moderna, suppost kopja ta’ waħda li kienet ivvandalizzata xi żmien qabel.  Wieħed jimmaġina li l-iżbalji tal-ortografija ma kienux hemm fl-oriġinali.

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Santa Katerina-Wied il-Ghasel - Tony Bonello
Santa Katerina ta Wied il-Ghasel - Lino Spiteri

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017