KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Il-Knisja ta’ San Publiju
~ Għarb - Għawdex ~

L-Għammar u l-inħawi tas-Santwarju ta' Ta' Pinu huma aktar assoċjati mal-figuri ta' Karmni Grima u Frenċ tal-Għarb li taw bidu għal ġrajja li llum sarrfet fiċ-ċentru Marjan tas-Santwarju ta' Ta' Pinu. Iżda l-kappella oriġinali li tat il-bidu lill-istorja ta' Karmni Grima ma kenitx l-unika waħda li kien hemm fl-inħawi tal-Għammar. Kappella oħra ħelwa li nsibu fl-Għammar, bejn l-Għasri u l-Għarb, hija dik iddedikata lil San Publiju, li skont it-tradizzjoni kien l-ewwel Isqof ta’ Malta, midluk minn San Pawl innifsu wara li l-Appostlu tal-ġnus providenzjalment inkalja fi xtutna u ġabilna l-fidi Nisranija fis-sena 60 W.K.

Għalkemm il-kappella hi aktar viċin ir-raħal tal-Għasri, din tagħmel mar-raħal tal-Għarb.  Biex tasal ħdejn din il-kappella trid taqbeż is-Santwarju tal-Madonna ta’ Ta' Pinu u tiġbed lejn it-triq li tagħti lejn l-Għasri, u mbagħad tidħol fi sqaq fuq ix-xellug tiegħek.

 

Ritratt: Caroline Busuttil


Agius De SoldanisOriġini

Jidher li din il-kappella ddedikata lil San Publiju mhix l-ewwel waħda li nbniet f’dawn l-inħawi. Skont Agius de Soldanis, qabel kien hemm kappella oħra li kienet iddedikata lil San Leonardu jew San Anard kif inhu magħruf aħjar (għal aktar informazzjoni fuq dan il-qaddis ara hawn). Din il-kappella kienet ġiet ipprofanata fiż-żjara tal-Isqof Balaguer Camarasa fl-1654 għax kien sabha fi stat ħazin ħafna.  Fl-1657 il-kappella ġġarfet għal kollox.

Il-kappella li naraw illum inbniet fil-post fejn kien hemm dik ta’ San Anard. L-ewwel ġebla kienet tqiegħdet fis-26 ta’ Lulju 1850 u tbierket fl-1852 minn Dun Salvatore Mizzi, l-Arċipriet tal-Għarb. Għall-bini ta’ din il-kappella kien ħallas Dun Ġużepp Cassar, li dak iż-żmien kien ukoll ir-Rettur tas-Santwarju ta’ Ta' Pinu (is-Santwarju l-antik: dak il-ġdid beda jinbena fl-1920), li jinsab ftit 'il bogħod minn din il-kappella. Minn hemm bdiet ir-rabta ta’ din il-kappella ma’ dan is-Santwarju Marjan, għax sal-lum il-kappella jieħu ħsiebha xi qassis li jkun iservi f’Ta’ Pinu.

Huwa interessanti kif ħadet l-isem li għandha din il-knisja - San Publiju. Oriġinarjament Dun Ġużepp Cassar kellu l-ħsieb li jerġa' jiddedikaha lil San Leonardu. Ġara li l-Arċipriet tal-Għarb ta' dak iż-żmien - il-Kanonku Publiju Refalo -wiegħed lil Dun Ġużepp li jekk jiddedikaha lil San Publiju jħallilha legat fis-sena għall-festa tagħha. Għal ħaġa jew għal oħra, Dun Gużepp aċċetta iżda l-fatt li l-isqof ta’ Malta f’dak iż-żmien  kien ukoll jismu Publiju (Publius Sant) u kif ukoll li sa dak iż-żmien, kif għadu sal-lum, Għawdex kien għad ma kienx hemm knisja jew kappella oħra ddedikata lil dan l-ewwel isqof tal-gżejjer Maltin seta' għen biex isir qbil fuq il-bdil tad-dedika ta’ din il-knisja.

Il-kappella minn barra

Din il-kappella għandha faċċata li hi maqsuma f'żewġ sulari. Għandha erba' pilastri ta' stil Doriku fil-biċċa t'isfel li jerfgħu l-entablatura u li 'l fuq mill-gwarniċa hemm is-sular ta' fuq. Fin-naħa t'isfel hemm il-bieb u fuqu hemm gwarniċa mmulata. Dan il-bieb jintlaħaq bi tliet tarġiet. Fin-naħa ta' fuq hemm tieqa mdaqqsa li tagħti d-dawl lill-ġewwieni tal-kappella u li ċ-ċavi tagħha hija maħruġa 'l barra bħallikieku forsi riedu li xi darba jiskolpixxu xi arma. Il-biċċa ta' fuq għandha żewġt iġnieb ta' stil Vignola jew kurvi għall-vojt li jingħaqdu ma' żewġ piramidi fit-tarf.

Fuq nett hemm frontispizju jew pediment triangolari li fih fetħa li sservi ta' kampnar għall-qanpiena. Fuq il-kampnar hemm salib tal-ġebel. Il-kappella m’għandhiex zuntier imma biex tidħol fiha trid titla tlett tarġiet. Il-bieb huwa sempliċi b’ forma rettangolari.

F'kampnar żgħir li għandha din il-kappella hemm żewġ qniepen mhux qodma wisq. Kienu saru Malta u swew Lm65. Issemmew Publiju u Pawlu fuq ix-xewqa tar-Rettur tal-Kappella Mons. L. Portelli. Tbierku minn Mons. Nikol Cauchi fis-16 ta' April tal-1967.

Il-kappella minn ġewwa

Il-kappella minn ġewwa hi żgħira imma ħelwa ħafna. Bħall-knejjes oħra li nbnew fi żmienha, din il-kappella għandha saqaf troll. L-art ta’ din il-kappella hi tal-madum antik. Il-kappella għandha altar wieħed tal-irħam, li l-kwadru li nsibu fih hu ddedikat lil San Publiju. Din il-pittura, li jidher li saret b'legat imħolli minn Dun Bernard Theuma, mhix iddatata u turi lil San Publiju, liebes l-ilbies ta’ Isqof, jitlob filwaqt li hu mdawwar minn żewġ iljuni. Sfortunatament din il-pittura skurat ħafna, u saret diffiċli biex tara l-figura ta’ dan il-qaddis martri. Apparti l-kwadru titulari nsibu żewġ pitturi oħra, wieħed fuq kull naħa tat-titular. Dawn juru lill-Assunta u lill-Kunċizzjoni. Fil-knisja nsibu wkoll sett kwadri tal-Via Sagra li għadhom l-oriġinali ta’ meta kienet ġiet imbierka l-knisja.

 

Ritratt: Caroline Busuttil



Quddiem l-altar insibu wkoll lapida tal-irħam, li f’nofsha hemm salib u berittin, li turi li hemm midfun qassis taħtha. Fuqha m’hemm ebda dettalji jew ismijiet ta’ min indifen hemm. Skont Dr. Paul Grech jidher li hemm midfun Dun Franġisk Mercieca li serva ta’ Rettur ta’ din il-kappella għal diversi snin. Ta’ min jgħid li dan il-qassis kien jiġi mill-bogħod monn omm Franġisk Mercieca, jew kif inhu magħruf aħjar Frenċ tal-Għarb.

Il-festa ta’ San Publiju

F’din il-kappella kull sena tiġi ċċlebrata l-festa ta’ San Publiju, li taħbat fit-22 ta’ Jannar.  Din il-festa, iżda, tiġi ċċlebrata fir-raba’ Ħadd tax-xahar. Għall-festa ssir quddiesa kkonċelebrata u għaliha jattendu nies mill-inħawi. Mhux l-ewwel darba li għall-festa jitilgħu xi nies minn Malta speċjalment Furjaniżi li l-parroċċa tagħhom hi ddedikata ukoll lil San Publiju.

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna. Nixtiequ nirringrazzjaw lil Pawla Mintoff li dawritna mal-kappella u li għal ħafna snin kienet tieħu ħsiebha. Din il-kappella ma tiftaħx regolarment u lanqas isir quddies fiha regolarment. Tiftaħ okkażżjonalment biex tiġi reċitata t-talba tar-Rużarju fiha.

Kitba ta’ Roderick Busuttil.
Dettalji arkittetoniċi ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti: Caroline Busuttil, Anthony M. Brincat
 

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com