KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Joe Brincat

Il-Knisja ta’ San Pawl
~ Bormla ~

Waħda mill-knejjes sbieħ li hemm f’Bormla żgur li hija dik iddedikata lil San Pawl Appostlu. Skont tradizzjoni qadima ħafna, jgħidu li din il-knisja nbniet fix-Xatt ta’ Bormla, fejn San Pawl siefer minn Malta wara n-nawfraġju tiegħu fis-sena 6OW.K.

L-istoriku Achille Ferres jgħid li l-ewwel knisja ddedikata lil San Pawl ġiet mibnija fis-sena 1590. Kienet twaqqfet fit-3 ta’ Ottubru 1590, permezz tal-Atti tan-Nutar Andrea Albano. Din il-knisja tħallielha l-obbligu li tagħmel il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl fil-25 ta’ Jannar ta’ kull sena.  Dan l-obbligu kien isir mill-qliegħ fuq għalqa qrib l-istess knisja, bħalma jżidu wkoll f’att tal-istess nutar tad-9 ta’ Ottubru 1608.

Knisja Ġdida

Maż-żmien din il-knisja ta’ San Pawl kienet kważi abbandunata, tant li kienet meqjusa bħala fqira ħafna. Għalhekk inħass il-bżonn li tinbena mill-gdid. Ġiet mibnija eżatt fl-istess post fejn kienet il-knisja l-qadima.  Skont l-Atti Ċivili tal-Kurja ta’ Malta, it-tqegħid u t-tberik tal-ewwel ġebla sar fil-11 ta’ Awwissu 1735 mill-Isqof Fra. Paolo Alferan de Bussan fi żmien il-Gran Mastru Manwel de Vilhena. Kienu preżenti l-kleru ta’ Bormla u għadd sabiħ ta’ Bormliżi.

 

Ritratt: Joe Brincat

 

Il-Knisja minn ġewwa

Il-knisja kif inhi llum kienet lesta fis-sena 1740, u ġiet imbierka mill-istess Isqof sena wara fl-1741. Din il-knisja, li hi mfassla fit-tond fuq stil Doriku,  għandha tliet altari.  Il-kwadru titulari tal-Konverżjoni ta’ San Pawl huwa kapulavur xogħol tal-Bormliż Rokku Buhagiar, l-aħħar artist Malt ital-Barokk, li sar flok ieħor li kien ta’ Franġisku Zahra. Dan ġie mibdul b’ordni tal-Isqof Fra Vincenzo Labini, u għamel żmien fis-sagristija tal-istess knisja. Fl-altar tal-lemin hemm kwadru artistiku ħafna ta’ Franġisku Zahra li jirrappreżenta l-martirju ta’ Santa Barbara. Fuq l-altar l-ieħor hemm pittura tal-Bormliż Ġanni VeIla li turi s-Sagra Familja.  Dan il-kwadru tqiegħed flok ieħor li kien jirrappreżenta lil San Franġisk de Paola. Dan it-tibdil sar fil-11 ta’ Mejju tal-1919, fi żmien il-Prokuratur Mons. Spiru Penza li kien devot ħafna tas-Sagra Familja.

Ħdejn l-altar maġġur kien hemm ukoll żewġ kwadri laterali li jirrappreżentaw, wieħed il-Qawmien ta’ Lażżru u l-ieħor il-Laqgħa ta’ San Duminku ma’ San Franġisk. Dan tal-aħħar huwa kopja ta’ Mattia Preti. Illum dan il-kwadru qiegħed f’kamra viċin is-sagristija. Il- kwadru tal-Qawmien ta’ Lażżru ħadd ma jaf x’sar minnu.
 
Statwi

Statwa sabiħa ferm tal-kartapesta hija dik tal-Qalb ta’ Ġesł, xogħol tal-magħruf statwarju Karlu Darmanin. Statwa oħra fl-injam hija dik ta’ Santa Marija Goretti li inagħtat mill-familja Caruana b’wegħda. Hemm ukoll vara, jew aħjar bust, tal-”Ecce Homo” li llum jinsab fis-sagristija. Sa qabel il-gwerra kien hemm devozzjoni kbira lejn dan l-”Ecce Homo”.

Fl-istess knisja kien hemm għal żmien twil l-istatwa sabiħa ta’ Sant’Andrija, xogħol artistiku mill-aqwa fi-injam tal-Bormliż Salvu Psaila. Illum din il-vara artistika tinsab fis-sagristija tal-parroċċa, fin-niċċa l-qadima tal-Kunċizzjoni.

Fost l-opri artistiċi oħrajn li hemm fil-knisja ta’ San Pawl, ta’ min isemmi l-lampier tal-fidda, żewġ sferi għal Ġesł Sagramentat u żewġ kalċijiet sbieħ ferm, wieħed minnhom tal-Kan. Mons. Dun Spir Penza. Kien hemm ukoll sett sabiħ tal-lama li kien jikkonsisti f’ventaltar, żewġ tużelli u pjaneta. Sabiħ ferm ukoll huwa l-paviment tal-irħam li tħallas mill-Ammiraljat meta dan kien imexxi t-tarzna, bħala radd ta’ ħajr għax-xogħol li kien sar biex titwessa t-triq quddiem il-knisja. Hemm ukoll statwa antika ta’ Ġesł Bambin.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Ritratt: Joe Brincat
It-Titular ta' Rokku Buhagiar- Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Santa Barbara ta' Francesco Zahra - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Festi

Il-festa ta’ San Pawl kienet u għadha ssir fil-25 ta’ Jannar ta’ kull sena. Lejlet il-festa kienet issir purċssjoni mill-parroċċa bis-sehem tal-Kapitlu, jitkanta l-Għasar u ssir il-Barka Sagramentali. Nhar il-festa filgħodu kienet issir Quddiesa Solenni bil-mużika u bil-Paneġierku minn xi oratur magħruf. Filgħaxija, wara l-għasar bil-mużika kienet terġa’ ssir purċissjoni għall-parroċċa.
 
Festa sabiħa oħra kienet dik tal-Qalb ta’ Ġesł. L-altar kien jintrama’ b’mod stupend, b’mant kbir wara l-altar u ħafna xemgħa u fjuri.  Kien isir Tridu b’quddiesa bl-omelija u tlett ijiem Adorazzjoni.

Il-funzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kienu u għadhom isiru kollha. Kien ukoll jintrama sepulkru sabiħ ħafna. Fl-Għid il-Kbir kienu jsiru l-Kwaranturi, b’adorazzjoni l-ġurnata kollha u b’quddiesa kantata bl-omelija. Fix-xahar ta’ Mejju, kuljum, kienet issir priedka dwar il-Madonna u fir-Randan kienu u għadhom isiru l-Eżerċzzi Spiritwali.

Il-Prokuratur

Fost il-Prokuraturi ta’ min isemmi lil Dun Emmanuel Buttigieg li tħabat ħafna biex il-knisja ta’ San Pawl tkun sagramentali jiġifieri biex kuljum ikun hemm Ġesł Sagramentat. Fil-25 ta’ Ottubru tal-1888 kien għamel talba (rikors) lill-Knisja f’Malta iffirmata minn ħafna Bormliżi biex jikseb dan l-għan. Prokuratur ieħor tajjeb kien Mons. Dun Spir Penza, li għamel il-kwadru tas-Sagra Familja, kabbar is-sagristija u waqqaf l-għaqda tal- “Figlie di Maria”.

Wara l-aħħar gwerra, il-Prokuratur kien il-Kan. Prepostu Dun Ġużepp Burlo’ meta f’Ottubru tal-1963 sajjetta laqtet il-knisja ta’ San Pawl u għamlet ħafna ħsara, tant li damet magħluqa għal xi żmien. Wara Burlo’ sar Prokuratur il-Kan. Teżorier Dun Gustav Barbara, li ħabrek ħafna biex din il-knisja ma jkun jonqosha xejn. Fi żmienu saret iz-zokklatura tal-injam. Dun Pawl Fenech, li għal xi żmien kien ukoll Kappillan ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, kien l-aħħar Prokuratur tal-knisja ta’ San Pawl li għamel il-bibien tas-sagristija u l-antiporta. Waqqaf ukoll Adorazzjoni Perpetwa u Għaqda għall-Anzjani. Illum il-knisja hija f’idejn l-Arċipriet tai-Parroċċa li ħabrek ħafna għar-restawr komplet ta’ din il-knisja.

Restawr

Kienet idea famuża li din il-knisja tiġi irrestawrata. Għal dan ix-xogħol ta’ restawr daħal għalih il-"Cottonera Rehabilitation Plan" fl-2003. Ir-restawr sar tajjeb ħafna u b’mod tassew professjonali bl-għajnuna u direzzjoni tas-Sur Ray Bondin, l-istaff u l-ħaddiema kollha.

Nittamaw li din il-knisja ta’ San Pawl tibqa’ sservi bħala Ċentru Pastorali għan-nies kollha ta’ din in-naħa ta’ Bormia, l-aktar għall-anzjani u dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-parroċċa.


Kitba:  Rev. Kan. Jos. Bonello (użat bil-permess);
Ritratti: Caroline Busuttil u Joe Brincat
 

Is-Sagra Familja ta' Gianni Vella - Ritratt: Caroline Busuttil
2013_01_20_7784

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com