KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Carmelo Vella

Il-knisja ta' San Ġorġ Martri
~ Birżebbuġa ~

IWaħda mill-eqdem kappelli li tinsab fl-inħawi ta' Birżebbuġa hija bla dubju dik ta' San Ġorġ Martri. Din il-kappella tinsab wara ridott f'forma ta' nofs qamar li kien inbena mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1714, u li kien ħa post ċimiterju magħluq b'ħajt, u li wieħed kien jinżel għalih b'erba' tarġiet.

Fl-antik din il-kappella kienet tagħmel mar-raħal taż-Żejtun, madwar erba' mili 'l bogħod minnu f'xatt il-baħar f'post magħruf bħala “l-Għadira”. Giacomo Bosio jgħid li l-post kien qrib ħafna ta' fejn kien hemm imwaqqaf tempju ddedikat lil Alla Melqart (Erkole), illum imsemmi għal San Ġorġ f'Birżebbuġa. Hija tħares lejn il-Lvant. Ftit 'il bogħod minn din il-kappella kien hemm l-imkejjen żgħar ta' Bur Rummiena u ta' San Ġorġ.

Oriġini

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet, iżda jidher ċar li din kienet teżisti fi żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565. Xhud ta' dan huwa wieħed mill-affreski ta' Matteo Perez d'Aleccio li jinsab fil-Palazz tal-President, fil-belt Valletta.


Ritratt - Anthony M. Brincat


L-ewwel Vista Pastorali dokumentata li saret f'din il-kappella kienet dik tal-Viżitatur Appostoliku Pietro Dusina fl-1575. Waqt li semma' li kellha altar wieħed tal-ġebel kif ukoll bieb tal-injam, huwa kiteb ukoll li din kienet nieqsa kemm minn rettur kif ukoll mid-dħul. Il-festa kienet tiġi ċċelebrata nhar it-23 t'April b'Għasar u Quddiesa mill-Kappillan taż-Żejtun. Il-flus kienu jinġabru minn qalb in-nies taż-Żejtun matul is-sena. Għad-devoti ta' San Ġorġ u għall-għassiesa li kienu b'xogħol f'dawn l-inħawi kienet titqaddes quddiesa kuljum. Fil-festi kmandati imbagħad, kien jinxtegħel il-lampier.

L-isqof Balthassar Cagliares żar din il-kappella fl-1621 u ordna li din kellha tiġi rranġata. Kienet irranġata fl-1625 minn Palmerus Montana J.U.D. wara li l-Isqof kien ordna li din setgħet tiġi wżata għall-kult wara li ssirilha t-tiswija meħtieġa. Dan l-avveniment kien imfakkar f'lapida li sal-lum għadha tidher fuq il-bieb prinċipali. Żewġ armi li kienu jirrappreżentaw dawk ġentilizji tal-Gran Mastru De Paule u l-isqof Cagliares, kienu fuq kull naħa tal-lapida flimkien ma' oħra tal-kunjum Montana.

Lucas Calleja minn Ħal Għaxaq kien prokuratur tal-kappella, bejn is-snin 1634-1644, filwaqt li n-nutar Giovanni Maria Portelli minn Ħal Bisbut kien il-prokuratur meta l-isqof Balaguer de Camarasa żar din il-kappella fit-12 t'April, 1654.

Għadda ż-żmien, u l-kappella ta' San Ġorġ waqgħet fi stat ta’ abbandun, tant li nhar it-22 t'April 1659, hija ġiet iddikjarata profonata mill-isqof Miguel Juan Balaguer de Camarasa. Huwa ordna li jinbarraw il-bieb bil-ġebel u li l-kwadru titulari kellu jittieħed fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun.

Il-kappella terġa tinfetaħ mill-ġdid

Wara li għamlet madwar 23 sena pprofanata, ġiet irranġata kważi mill-ġdid mill-Patrizju Ruman u fundatur tal-Kappella Abbazzjali ta' Sant'Anġlu fiż-Żejtun, in-Nobbli Gregorio Bonici dei Marchesi Bordino (is-Sinjur l-Ixgħeb). Dan hu tagħrif skont l-Atti tan-Nutar Pietro Attard tal-20 ta' April 1683 u kkonfermat mill-Kurja fit-12 ta' Jannar, 1864. In-Nobbli Bonici ħalla fondazzjoni sabiex tkun ipprovduta bl-għamara meħtieġa għall-quddies, jinxtegħel il-lampier tal-istann li kien hemm quddiem l-altar kull nhar ta' Sibt fil-għaxija, jitqaddsu tlett quddisiet letti f'jum il-festa tal-qaddis (jiġifieri fit-23 t'April) u quddiesa oħra letta kull nhar ta' Ħadd. Huwa ħalla f'idejn ir-rettur tal-kappella Sant'Anġlu Martri fiż-Żejtun l-għażla tal-kappillan tagħha. Sabiex tagħmel tajjeb għal din il-fondazzjoni, huwa ħalla ħames uqijiet fis-sena mill-beni tiegħu. Din hija wkoll imfakkra f'irħama li tinsab fil-kappella.

It-tberik tagħha sar fit-22 t'April 1683 mill-kappillan taż-Żejtun dun Ugolino Bonnici. In-nobbli Gregorio għamel lil din il-kappella ġuspatronat tal-familja. Maż-żmien saret propjeta' tal-familja Testaferrata.

Xi żmien wara, xi sajjieda ta' dawk in-naħat bdew jiġbru flus biex ikollhom quddiesa anke fil-Festi Kmandati. Xi devoti tal-qaddis kienu jiġbru fondi biex fit-23 t'April issir Quddiesa Kantata u l-Ewwel Għasar.

Fil-bidu tas-seklu 20, il-kappella reġgħet sofriet abbandun. Iżda fis-26 t'Awwissu, 1907, l-isqof Spiridione Polomeni fetaħ u bierek il-kappella mill-ġdid.

Il-kappella

L-istil tal-kappella huwa sempliċi. Waqt li tagħti dahra lit-triq, hija tħares lejn il-baħar minn fejn il-baħħara tal-Ordni kienu jidħlu biex jisimgħu l-Quddies qabel ma kienu jsalpaw għas-sibi fil-Lvant jew lejn il-Barbarija.


Ritratt - Anthony M. Brincat



Il-kappella għandha forma rettangolari bis-saqaf jistrieħ fuq ħames ħnejjiet. Il-pittura li tinsab fuq l-altar fi gwarniċa tal-ġebel magħmula fuq it-tila turi lil San Ġorġ riekeb fuq żmiemel abjad, kopja tajba ta' dik ta' Mattia Preti li tinsab fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann. F'manuskirtt li jinstab fil-Bibljoteka Nazzjonali (Libr 422), hemm imniżżel li din saret minn Bartolomeo Garagona bi flus Luciano Tolossenti.  Iżda dan wisq probabbli jirreferi għal xi pittura li saret qabel dik li wieħed jara llum għax Garagona miet fl-1641 u Preti ġie f’Malta kważi għoxrin sena wara jiġifieri fl-1659.  Jekk hu hekk il-każ, allura l-pittura ta’ Preti li saret appuntu fl-1659 u li kienet l-ewwel waħda li Preti pitter għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann qatt ma setgħet tkun ikkupjata minn Garagona.  Għalhekk nistgħu ngħidu li attwalment ma nafux min pitter il-pittura ta’ San Ġorġ Martri li hemm fil-kappella tal-qaddis f’Birżebbuġa.

Fuq il-bieb li jagħti għall-bitħa, hemm irħama b'kitba fuqha li tgħid “Non Gode Immunita' Ecclesias". Fis-17 ta' Ġunju, 1762, l-isqof Bartolomeo Rull ħareġ digriet li bih amar li dawk il-knejjes tal-kampanja jew li ma kienux sagramentali jittneħħielhom id-dritt tal-immunita' jiġifieri dawk li jkunu wettqu xi reatt ma setgħux imorru jistkennu f'dawn il-kappelli mingħajr ma l-awtoritajiet jkollhom dritt jidħlu għalihom. Mal-istess ħajt, wieħed għadu jista' jara żewġ xquq maqtugħin fil-ħajt fejn kien jgħaddi l-ħabel sabiex jista' jittella' u jitniżżel pont tal-injam.  Din il-kappella hija l-unika waħda fil-gżejjer Maltin li hi fortifikata u li kellha pont tal-injam biex tidħol għaliha.  Iżda meta wieħed jikkonsidra il-post fejn qiegħda, wieħed ma jiskantax b’dan.

Ta' interess huma l-graffiti li wieħed isib fuq il-ħajt ta' wara tagħha. Dawn is-sinjali saru bejn is-sittax u dsatax-il seklu. Fost it-taħżiż insibu skuni tas-17-il seklu, kif ukoll diversi slaleb.

Għeluq

Il-purċissjoni li kien jagħmel il-Kleru flimkien mal-fratelli u l-poplu taż-Żurrieq għal din il-kappella hija qadima ħafna. Din kienet issir b'wegħda u għal bidu kienet issir fl-1 ta' Mejju, fil-għodu. Wara bdiet issir f'Lapsi.

Dan juri kemm kien hemm devozzjoni kbira lejn San Ġorġ Martri u din il-kappella, min nies li kienu joqgħodu f’dawk l-akwati fil-passat.

Kitba ta’ Michael Balzia
Ritratti ta' Anthony M. Brincat u Carmelo Vella

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat

“Fuq il-bieb li jagħti għall-bitħa, hemm irħama b'kitba fuqha li tgħid “Non Gode Immunita' Ecclesias". Fis-17 ta' Ġunju, 1762, l-isqof Bartolomeo Rull ħareġ digriet li bih amar li dawk il-knejjes tal-kampanja jew li ma kienux sagramentali jittneħħielhom id-dritt tal-immunita' jiġifieri dawk li jkunu wettqu xi reatt ma setgħux imorru jistkennu f'dawn il-kappelli mingħajr ma l-awtoritajiet jkollhom dritt jidħlu għalihom..

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Anthony M. Brincat

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017