KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Santa Katerina tat-Torba
~ Qrendi ~

Sal-1618 ir-raħal tal-Qrendi kien jifforma parti mil-limiti tal-parroċċa taż-Żurrieq, iddedikata sa minn dejjem lil Santa Katarina ta’ Lixandra. Għal diversi sekli l-Qrendin kienu jħarsu lejn din il-qaddisa bħala l-patruna tagħhom ukoll, u kienu jaqdu dmirijiethom ta’ nsara fil-knisja l-antika taż-Żurrieq li kien hemm mibnija flok it-tempju maestuż li hemm illum u li jiddomina fuq ir-raħal taż-Żurrieq. Huwa naturali għalhekk li sa minn żminijiet imbegħda ħafna in-nies tal-Qrendi kellhom ċerta devozzjoni lejn din il-qaddisa kbira. Mhux ta’ b’xejn għalhekk li f’dan ir-raħal ċkejken insibu kappella qadima ħafna ddedikata lil Santa Katarina.

Din il-kappella tinsab fi Triq l-Imqabba, appuntu bejn il-Qrendi u l-Imqabba. Skont kif ġew definiti l-konfini tar-raħal mill-liġi tal-Kunsilli Lokali lejn nofs is-snin disgħin, din il-kappella waqgħet fil-konfini tal-lokal tal-Imqabba. Madanakollu parrokkjaliment baqgħet tagħmel parti mill-Qrendi. Fil-fatt kienet il-parroċċa tal-Qrendi li dawn l-aħħar snin ħadet ħsieb li din il-kappella tiġi rrestawrata u miftuħa mill-ġdid.

 

Ritratt - Noel Ciantar



Bħal kważi kull knisja u kappella oħra li hawn f’Malta, din ħadet post oħra aktar antika.

L-ewwel kappella ta’ Santa Katarina

Ftit li xejn nafu dwar din l-ewwel kappella - il-ftit tagħrif li għandna jasal min-noti ta’ viżta pastorali li saret meta din kienet għadha wieqfa. Il-kappella l-antika tissemma’ fil-vista pastorali li għamel Mons. Pietro Dusina fl-1575. Kienet mibnija f’roqgħa magħrufa bħala Ta’ Bieb iż-Żejtunija. Kellha bieb tal-injam u altar wieħed: mill-bqija kienet nieqsa minn kollox. Għalkemm kienet issir quddiesa fil-ġurnata tal-festa u f’xi okkażjonijiet oħra, il-kappella la kellha rettur u lanqas min jieħu ħsiebha. Fl-1624 ġiet ipprofanta u mwaqqgħa. Sitt snin wara twaqqaf salib biex ifakkar il-post eżatt ta’ fejn kienet.

Il-kappella li għad hemm illum

Il-knisja li hemm illum inbniet fl-1626 minn Benedetto Camilleri. Skont id-dokumenti tal-vista pastorali ta’ Pontremoli, din kienet tinsab “duodiciem passius ciciter distanti ex parte septentrionali” (“madwar tnax-il pass lejn in-nofsinhar bogħod”) mill-kappella li kien hemm qabel. Magħha kellha ċimiterju żgħir. Camilleri kien rabat ma’ din il-kappella ċens mid-dħul ta’ tomntejn raba fil-limiti tal-Qrendi msejjħa Wied il-Ħofra. Dan iċ-ċens kien għadu jitħallas sa madwar tletin sena ilu. Hu ta kelma wkoll li jgħammar il-kappella b’kull ma kien meħtieġ, jara li jsirulha xogħolijiet ta’ manutenzjoni kull meta jkun hemm bżonn, kif ukoll li jixgħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt u jorganizza l-festa tal-qaddisa bil-quddiesa u bl-ewwel għasar kantat. Il-benefattur żamm kelmtu u għax wara ftit taż-żmien il-kappella kellha kollox ħlief salib u l-karti tal-glorja. Kien sar ukoll kwadru titulari li ġie ddeskrivut bħala “elegantem icona ex pictura olei” (“pittura sabiħa taż-żejt”).

Il-fatt li din il-kappella reġgħet inbniet u tgħammret daqshekk malajr huwa xhieda ċara tad-devozjoni kbira li kellhom il-popolin lejn Santa Katarina. Tajjeb li nżommu f’moħħna li dak iż-żmien il-Qrendi kien għadu kemm sar parroċċa awtonoma, u għalhekk l-imħabba tar-raħħala lejn il-patruna tal-Matriċi kienet għadha qawwija.

L-arkitettura

Il-binja hija nteressanti ferm, minkejja li sempliċi fl-istil. Għandha għamla rettangolari sew minn barra kif ukoll minn ġewwa.  Il-faċċata hija maqsuma f’żewġ livelli u hija ftit għola mill-bqija tal-kappella. Iċ-ċinta tfakkar l-istil tal-fortifikazzjonikiet medjevali, imma fin-nofs għandha salib. Fil-pjan terran għandha biss bieb b’sopraporta eleganti u żewġ twieqi żgħar. Fuq il-bieb hemm imħaffra d-data 1626. L-uniċi ornamenti fil-livell superjuri huma tliet blokok fuq il-bieb u t-twieqi, żgur magħmulin hekk apposta biex jaqblu mal-bqija tal-faċċata.

Minn ġewwa l-kappella kienet ta’ tul mhux tas-soltu, kważi tlettax-il metru u nofs b'saqaf troll.

Fil-fond kien hemm niċċa-apside fonda kważi metru ieħor. Fil-bidu tas-seklu tmintax inbena ħajt b’żewġ bibien fin-naħa ta’ wara tal-kappella biex b’hekk inħolqot qisha sagristija żgħira wara l-altar. Minħabba dal-ħajt in-niċċa li kien hemm fuq wara inħbiet fis-sagristija. Fl-istess żmien dal-ħajt ġie mżejjen bi prospettiva grotteska, imma xorta waħda eleganti. Turi għadd ta’ anġli ħerġin mill-ħajt qed iżommu l-gwarniċun tal-kwadru titulari, li probabilment huwa l-istess wieħed li jissemma’ fl-1634.

 

Ritratt - Noel Ciantar



Il-kwadru titulari juri lil Santa Katarina bħala prinċipessa wieqfa tħares lejn is-smewwiet bis-simboli tal-martirju madwarha. F’riġlejha, fir-rokna fuq ix-xellug u l-lemin tal-kwadru hemm ukoll żewġ figuri żgħar ta’ raġel u mara għarkubbtejhom - jista’ jkun li kienu l-benefatturi tal-kwadru. Mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jikkonkludi li dal-kwadru kien ispirat mit-titular l-antik taż-Żurrieq, għalkemm mhux tal-istess finezza.  Bħat-titular l-antik tal-parroċċa taż-Żurrieq, Katarina tidher fin-nofs tal-pittura, bis-sejf u l-ktieb f’idejha u bir-rota mfarrka ħdejn riġlejha. Ħarsitha, flok lejn il-ktieb li għandha f’idejha, hi mdawwra lejn is-smewwiet, minn fejn jidher nieżel anġlu b’dijadema u palma tar-rebħa f’idu. Il-pajżaġġ ta’ madwar il-figura prinċipali jidher qisu kien ispirat minn xi storja kavallereska medjevali.

Taħt il-kwadru hemm altar tal-ġebel li fih id-data 1859. Fih żewġ armi: waħda ta’ Santa Katarina u l-oħra tal-martri, b’salib imnaqqax bejniethom. Sfortunatament ma jaqbel xejn mal-bqija tal-istil tal-kappella.

L-isem tat-Torba

L-oriġni tal-isem Tat-Torba mhux magħruf minn fejn ġej. Illum il-ġurnata torba hija taħlita li biha kienu jinksew il-bjut sabiex ma jidħolx ilma. Iżda Abela fl-1647 fil-ktieb Della descrittione di Malta, kien kiteb illi torba tfisser ċimiterju. Biex jissaħħaħ dan l-argumemt ta’ min iżomm f’moħħu illi l-kelma Għarbija turba tfisser appuntu ċimiterju. U hawn tajjeb ukoll li niftakru li dil-kappella kellha ċimiterju żgħir magħha, probabilmet bħala zuntier, li llum m’għadux jeżisti. Għalhekk jista’ jagħti l-każ li l-isem Santa Katarina tat-Torba oriġina proprju mill-maqbar li kien hemm fl-istruttura sħiħa.

Għalkemm ma kienetx fi stat ħażin, din il-kappella ġiet restawra b’mod estensiv fl-2001 b’inizjattiva tal-parroċċa tal-Qrendi. Xi ġranet qabel ma nfetħet mill-ġdid kient mira ta’ atti vandalistiċi, imma b’xorti tajba l-ħsara ssewwiet malajr u l-ftuħ ma ġiex mitfugħ lura. Xi drabi din il-knisja tintrama bis-sepulkru fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa u tibqa’ miftuħa lejl sħiħ għall-adorazzjoni. Barra minn hekk tinfetaħ darba fil-ġimgħa u fiha jingħad ir-rużarju minn grupp ta’ nies li joqgħodu fl-inħawi. Xi drabi jsiru xi laqgħat taż-żgħażagħ fiha, kif ukoll xi quddies privat. Din il-knisja tintuża wkoll biex iżżomm fiha vara tar-Redentur li darba kien fil-parroċċa tal-Isla. Bħalissa din il-vara qed tiġi wkoll irrestawrata u minflokha hemm ritratt tagħha.

 

Ritratt - Noel Ciantar



Għeluq

Minkejja li llum il-ġurnata l-Qrendin iħarsu lejn l-Assunta bħala l-patruna tagħhom, xorta waħda jidher illi l-imħabba lejn Santa Katarina ma ntesietx mat-tgerbib tas-sekli. Xhieda ta’ dan huwa l-istess fatt li din il-kappella għadha teżisti u li għadha tiġi użata b’mod regolari.

Nota Editorjali:

Nieħdu pjaċir li mhux biss dawn il-kappelli (bħal lokalitajiet oħra storiċi fil-Qrendi) qed jiġu irrestawrati iżda li ukoll qed jiġu indikati b'tabelli li jagħtu xi nformazzjoni fuqhom. Iżda ma nistgħux ma nikkumentawx dwar it-twaħħil ta' dawn it-tabelli tassew fil-qrib ta' dawn is-siti storiċi b'mod li kultant jistona mal-ambjent storiku li jkunu qed jindikaw. Naħsbu li jista' jkun aktar għaqli li dawn it-tabelli jitwaħħlu ftit ‘il bogħod minn dawn is-siti sabiex dawn is-siti jkunu jistgħu jitgawdew fl-ambjent naturali tagħhom.

Kitba ta’  Rev. Jonathan Farrugia
Ritratti ta’ Noel Ciantar u Qrendi Scout Group

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Qrendi Scout Group - Hajr Mr. David Schembri
Ritratt - Noel Ciantar  DSCF2217
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017