KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Il-Knisja ta’ San Pawl tat-Tarġa
~ Naxxar ~

Kappella mill-isbaħ u prominenti li nsibu fin-Naxxar hija dik magħrufa bħala "ta’ San Pawl tat-Tarġa". Din il-kappella ma tistax ma tarahiex inti u tiela' minn Burmarrad jew mis-Salini lejn in-Naxxar mit-telgħa magħrufa bħala "t'Alla u Ommu".

Oriġini

Għalkemm ma nafux eżatt meta nbniet l-ewwel kappella f'dan il-lokal, nafu żgur li kienet antika ħafna, u nsibuha msemmija fir-rapport iddettaljat li għamel id-Delegat Appostoliku Mons. Pietru Dusina fl-1575, waqt żjara pastorali, li kien għamel f’dan ir-raħal.

Fir-rapport tiegħu l-Isqof Pietru Dusina kien innota li kienet diġà teżisti waħda ddedikata lill-konverżjoni ta’ San Pawl. Huwa jgħid li kienet fin-nofs tar-raħal, iżda nafu li kienet eżattament f’Ħal Miselmiet, allura fuq San Pawl tat-Tarġa. Forsi kien qed jifhem f’nofs dan ir-raħal ċkejken. Wara kollox minn dejjem kien meqjus raħal għalih u daqs mitt sena wara nafu li kien hemm mal-mitt ruħ f’dan ir-raħal.

Fil-viżti pastorali tas-snin ta’ wara, din il-kappella terġa' tissemma'  u nafu li fl-1615, l-Isqof Balthassar Cagliares, kien innota li l-pittura li kien hemm fil-kappella kellha bżonn ir-restawr. Fil-viżta pastorali ta’ tlett snin wara huwa jinnota li l-pittura ta’ San Pawl kienet ġiet impittra mill-ġdid.

Iżda fl-1618 l-Isqof Balthassar Cagliares, isemmi fost l-oħrajn, li din il-knisja kellha daħla perikoluża u kienet il-mira ta’ xi vandali li kienu dejjem jagħmlu l-ħsara, u minħabba f’hekk kienet ġiet ipprofanata.  Ta' min jinnota għalhekk li l-vandaliżmu mhux xi fenominu ta' żmienna biss.

Il-pittura, flimkien mal-obbligazzjonijiet tal-kappella, ġew trasferiti għall-altar maġġur tal-knisja parrokjali. Interessanti hu l-fatt li l-Isqof ordna li kellu jinbena salib fil-post fejn kienet il-kappella, bħalma ġeneralment kien isir. Meta l-istess Isqof żar in-Naxxar fl-1628 huwa nnota li l-kappella kienet imwaqqa'.

Tinbena l-Kappella mill-Ġdid

Għall-aħħar tas-seklu sbatax, fi żmien il-Kappillan Dun Ġwann Dumink Mifsud, inbniet kappella oħra mhux tant 'il bogħod mill-antika.  Din id-darba ġiet iddedikata lin-Nawfraġju ta’ San Pawl. Din hija l-kappella li hemm illum. Il-bini ta' din il-kappella x’aktarx li inbeda fl-1690. Nafu li fl-1696 kienu waslu sa fuq il-blata tal-bieb, liema data għada tidher sal-lum. Il-bini kien lest fl-1699. Dan jikkonfermah l-Isqof Davide Cocco Palmieri fir-rapport iddettaljat li għamel, waqt viżta pastorali li kien għamel f’dik is-sena.  Hu kien irraporta li din il-knisja kienet għadha kemm inbniet mill-ġdid u li kienet tinsab fin-naħa ta’ Miselmiet.


Il-Kappella ta' San Pawl tat-Targa, Naxxar - minn naha tal-lemin -Ritratt: Caroline Busuttil

 

Ritratt: Caroline BusuttilIl-Kappella

Il-Knisja kellha artal tal-ġebel u fuqu, bejn żewġ kolonni skolpiti tal-ġebel, kien hemm pittura tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.  Barra min dawn kien hemm żewġ pitturi oħra fuq il-bibien tas-sagristiji, li kienu juru lil San Ġwann Battista u lil San Pietru marbut bil-ktajjen.

L-Isqof Giacomo Cannaves fl-1716 jagħti aktar informazzjoni fuq din il-pittura. Huwa jgħid li kienet tirrapreżenta lil-San Pawl iżomm serp f’id waħda u numru ta’ figuri madwaru. Il-pittura kellha wkoll l-armi tal-familja Testaferrata u Bonelli, u x’aktarx kienet mogħtija mis-Sinjura Theresie Testaferrata Bonelli. Jgħid ukoll li t-tabernaklu li kien fuq l-altar tal-knisja kien iddekorat b’pittura tal-Madonna.

Din il-pittura sa ftit żmien ili kien maħsub li kienet ta’ Francesco Zahra. Illum nistgħu ngħidu li hija ta’ Giuseppi Arena. Iżda nafu wkoll li fis-sena 1747 Francesco Zahra kien għal xi raġuni mess din il-pittura u żied xi figuri fiha. Dan joħroġ mir-restawr li sar dan l-aħħar fuq din il-pittura.

Għall-ewwel kienu jintużaw il-paramenti sagri tal-knisja parrokjali, iżda maż-żmien il-kappella bdiet tkun armata sew. Dan kien possibli bil-ġenerożita tal-poplu, kif ukoll minn għotjiet partikulari ta’ individwi. Bil-mod il-mod persuni oħra bdew iħallu lill-kappella kemm għotjiet f’forma ta’ għelieqi jew djar, li mid-dħul tagħhom kienet tgawdi l-kappella, jew ukoll xi somma flus bħala kapital li tagħhom il-prokuratur tal-kappella kien jiġbor l-interessi. Hekk, per eżempju, diġa fl-1698 Vincenzo Gauci kien ħalla mandretta (“mandretta” hija kelma mnissla mill-kelma “mandria” li hi kamra fejn jitqiegħdu l-bhejjem, jew razzett żgħir.  Din il-kelma tintuża fil-kuntratti llum ukoll) viċin il-kappella bl-obbligu li jinxtegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt u jsir il-Vespri u quddiesa kantata f’jum il-festa.

L-istatwa tal-ġebel ta’ San Pawl li hemm quddiem il-kappella saret fi żmien Dun Ġwann Mifsud, eżattament fl-1770 bi flus il-poplu. Fis-17 ta’ Settembu tal-istess sena Dun Ġwann kien għamel talba biex tingħata indulġenza ta’ erbgħin jum għal kull min jitlob quddiem l-istatwa ta’ San Pawl. 

Il-Festi

Fl-għaxra ta’ Frar kienet issir il-festa titulari bil-kbir. Xi ġranet qabel il-festa tan-Nawfraġju kienet tinfetaħ il-kaxxa li kien hemm għal xi għotjiet. Imbagħad kienet issir ġabra mar-raħal, u waqt il-paneġierku fil-jum tal-festa, kienet issir ġabra oħra. B’kollox dan il-ġbir kien jitla' bejn wieħed u ieħor għal xi tmienja jew disa' skudi. Dan il-ġbir ta’ żmien il-festa kien ikun biżżejjed biex jitħallsu l-ispejjeż tal-festa.

Il-Kappella kienet tkun armata bid-damak li kien jiġi misluf jew jinkera. Ħafna drabi kienu jbajdu jew inaddfu l-kappella. Minbarra l-għasar kantat u quddiesa bil-paneġierku li kien jagħmlu ħafna drabi l-kappillan tan-Naxxar, f’jum il-festa kienu ukoll jisparaw il-maskli. Fil-kontijiet ta’ din il-kappella wieħed jiltaqa' ma' ħlasijiet għal sufarelli, irdieden, u murtali minbarra l-maskli. Kienet issir festa kompluta. Fi snin aktar 'il quddiem, ngħidu aħna diġa fil-bidu tas-seklu dsatax, bdiet issir ukoll fjakkolata. Il-murtali kienu bdew jinqatgħu.

Minbarra l-festa titulari, fil-kappella kienet issir festa oħra bil-kbir ukoll. Din kienet il-festa tal-Madonna tal-Bon Kunsill li kienet issir fil-Ħadd ta’ wara l-festa tal-Vitorja f’Settembru. Kien isir l-istess bħal fil-festa ta’ San Pawl, bil-paneġierku, tiżjin tal-kappella u l-ħruq tan-nar.

Storja riċenti

Wara l-mewt ta’ Dun Ġwann Debono laħaq prokuratur Dun Ġużepp Sammut. Ftit wara li laħaq dan il-prokuratur għamlu d-dawl eletriku mar-raħal kollu u allura fil-kappella wkoll. Fl-1960 saru l-festi ċentinarji Pawlini ma’ Malta kollha. U ma naqasx li jsir xi ħaġa f’din il-kappella wkoll, li wara kollox hija marbuta mat-tradizzjoni Pawlina. Kienet saret quddiesa Pontifikali mill-Kardinal Perrin fil-pjazza ta’ quddiem il-kappella. Il-kwadru titulari , xogħol mill-isbaħ li llum nattribuħ lil Giuseppe Arena, kien wkoll ittieħed għall-wirja Pawlina li kienet saret b’xogħolijiet minn Malta kollha.


San Ġwann il-Battista

San Pietru marbut bil-ktajjen

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil



Il-Markiz John Scicluna - Benefattur tal-KappellaMas-snin sittin tas-seklu għoxrin bdiet era ġdida għall-kappella. Il-Markiż John Scicluna , li issa kien qed jgħix fil-villa tiegħu f’San Pawl tat-Tarġa, kien għamel fundazzjoni  perpetwa biex isir il-quddies fil-kappella kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kmandati. Għall-ewwel snin kienu jiġu patrijiet Kapuċċini jqaddsu kull nhar ta’ Ħadd, imbagħad mill-1973 bdew iqaddsu l-Ġiżwiti, kif għadhom sal-lum. Fl-1963 il-Markiż għamel legat ieħor biex tibda ssir quddiesa nhar l-ewwel ġimgħa tax-xahar. Il-Markiż ma waqafx hawn. Nistgħu ngħidu li issa hu kien il-padrun ta’ din il-kappella u għamel għaliha dak kollu li kien hemm bżonn.

Il-kappella ġiet imbajda minn ġewwa u saru bankijiet ġodda. Wara l-Konċilju Vatikan II, sar altar ġdid tal-irħam abjad maħdum fuq erba kolonni f’għamla ta' mejda. Dan kien ġie kkonsagrat mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-24 ta’ Novembru 1968. Sar tabernaklu ġdid, eżattament taħt il-pittura tat-titular, li ħa post il-kwadru antik tal-Madonna tal-Bon Kunsill. Dan sab postu fil-ġenb. Min Ortiset, fl-Italja, ġew l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra. Inxtraw ukoll sett ġdid ta’ pjaneti stil gotiku, kalċi tal-fidda u pissidi, kif ukoll lampier ta' metall abjad. Wara l-bieb ewlieni saret antiporta tal-kewba. Saru imbagħad żewġ statwi ġodda ta’ San Ġuda Taddew u ta' Santa Rita. Dawn kollha kienu donazzjonijiet tal-Markiż.

Il-Kappella minn barra u minn ġewwa

Jekk wieħed iħares lejn din il-kappella jara li din  hija merfugħa fuq zuntier imdaqqas li mil-livell tat-triq iwassal sal-knisja wara li wieħed jitla’żewġ indani taraġ. Il-post kien magħzul għax jiddomina l-arja ta’ madwaru.


Il-Kappella ta' San Pawl tat-Targa, Naxxar - minn naha tax-xellug - Ritratt: Carmelo Vella


Il-faċċata għandha taqsim proporzjonat u eleganti, bi ftit ornament ristrett u meqjus. Żewġ pilastri Doriċi Rumani, jieħdu kważi l-għoli tal-faċċata u jagħtuha definizjoni vertikali. Fuqhom insibu entablatura kompleta, li fuq il-pilastri tesporgi 'l barra magħhom.  Irridu ngħidu li dan l-arranġament idur mal-erba’ ħitan tal-knisja.  B’hekk tidher aktar imponenti u solida arkitettonikament. Eżatt fin-nofs hemm il-bieb prinċipali ta’ għamla rettangolari imdawwar b’xambrella wiesa’ u sempliċi. Fuq, il-blata titwessa' ftit aktar biex takkomoda skartoċċ  li fuqu għandu l-kitba ‘PER EVANGELIVM EGO VOS GENVI’, li tfisser ‘Ġibtek fid-dinja biex ixxandar l-Evanġelju”. Fuq l-iskartoċċ  hemm arzella żgħira. Jinkuruna dan il-bieb insibu fruntun f’għamla kważi nofs tond. F’nofs il-ħitan tal-ġnub hemm ukoll żewġ bibien b’din l-għamla imma iżgħar. Fuq dak tax-xellug hemm imnaqqax l-annu 1696. 

Fin-nofs u iżjed fil-għoli hemm tieqa biex iddaħħal id-dawl naturali fil-knisja. Din hija kwadra, b’żieda ta’ ark fuq il-kwadru li jiffurmaw vojt wieħed.  Ix-xambrella tixbaħ lil dik tal-bieb prinċipali iżda hija iżgħar. Bejn it-tieqa u l-bieb tħalla blokk ġebel xi tlett filati għoli bi ħsieb li jsir element skulturali u li qatt ma’ sar. Bejn il-pilastri u l-bieb hemm erba’ panewijiet imdaħla ftit 'il ġewwa u b’mod ġentili jaqsmu l-faċċata f’żewġ partijiet oriżżontali. It-tnejn ta’ fuq huma iktar għoljin minn dawk t’isfel. Fuq l-entablatura, wieħed fuq kull pedestal,  hemm żewġ finimenti boċċa fuq bażi kwadrata u sempliċi. Huma neqsin mill-finezza u l-klassiċizmu tal-faċċata. Fuq il-gwarniċun, fin-nofs, jemfasizza iċ-ċentralità u konsegwentement is-simetrija retta u perfetta, hemm kampnar żgħir bħal ark trijumfali fiċ-ċokon, bi ħnejja żgħira li tħalli spazju għal qanpiena ċkejkna tal-bronż. Biex jirfdu dan il-kampnar, fuq kull naħa tiegħu insibu żewġ dniefel b’kurva sottili biex itaffu l-ħruxija tal-linja mimduda tal- gwarniċun. Fuq nett, fil-quċċata jiddomina s-salib, li joħroġ minn żewġ skrolli  marbutin flimkien. Fit-tlett irjus hemm trefoil. Id-dekorazzjoni tinkludi żigarelli, fustuni u diski dekorati. Fuq kull naħa tas-salib hemm piramida żgħira. Dawn id-dettalji jfakkruna fl-użu tas-simboli u l-importanza tagħhom f’dawk iż-żminijiet.

'Il bogħod mill-klassiċismu ta’ din il-knisja, insibu żewġ twieqi fuq kull naħa tal-bieb prinċipali fil-panewijiet li semmejna qabel, biex minn barra wieħed jista’ jittawwal ġewwa. Dawn iġiegħluna napprezzaw il-ħxuna tal-ħitan. Taħt kull waħda minnhom hemm tarġa. Wieħed seta’ wkoll jinżel għarkobbtejh biex jitlob minn fuqhom. Meta tħares mill-ġenb tax-xellug tistħajjel li l-knisja hi mibnija fuq “podium”. Kollox ma’ kollox din il-knisja għandha l-lemħa ta' tempju Ruman.


Kappella ta' San Pawl tat-Targa, fin-Naxxar - Ritratt: Caroline Busuttil


Fuq ġewwa naraw ħitan lixxi u jdur fuqhom hemm gwarniċun. Is-saqaf nofs tond  maqsum f’seba’ indani  xorok merfugħin minn ħnejjiet dijaframma b’lavur mgħoddi maż-żewġ tixwiek tagħhom. Faċċata tal-bieb ta’ barra hemm prospettiva iddekorata, barokka, fuq l-ordni kompost li  sservi  bħala sfond għat-titular. L-artal kien ġie mibdul b’wieħed sempliċi li jsegwi ir-rit ta’ wara l-Konċilju Vatikan II. Il-prospettiva  timla’ l-vojt ipprovdut mill-fond ta’  ħnejja kumpass li tintegra mas-saqaf bi ħnejja oħra b’forma ta’ lembut. Żewġ ħitan dojoq jinfetħu l-barra biex isegwu t-tinbita ta’ din il-ħnejja. F’dawn il-ħitan hemm żewġ bibien, wieħed minnhom jagħti għas-sagristija. Il-fruntuni ta’ fuq dawn il- bibien jixbħu lil dawk li rajna barra. Apparti l-kwadru titular ta’ Giuseppi Arena nsibu żewġ pitturi żgħar ovali li juru lil San Pietru u lil Ġwann il-Battista.

Illum

Illum f’din il-Kappella isir il-quddies regolarment, iżda bil-bini tas-Santwarju tal-Ħniena Divina ftit il-bogħod minnha, ħafna mill-attivitajiet li kienu jsiru fiha waqfu.

Kitba ta’ Paul Catania u Carmel Spiteri
Proof Reading:  Andrew Hili
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Carmelo Vella

Ritratt: Carmelo Vella
Dar fl-inhawi - Ritratt: Caroline Busuttil

Fir-rapport tiegħu l-Isqof Pietru Dusina kien innota li kienet diġà teżisti waħda ddedikata lill-konverżjoni ta’ San Pawl. Huwa jgħid li kienet fin-nofs tar-raħal, iżda nafu li kienet eżattament f’Ħal Miselmiet, allura fuq San Pawl tat-Tarġa.

It-Titular ta' San Pawl tat-Targa - Fl-imghoddi attribwit lil Francesco Zahra izda llum attribwit lil Guzeppi Arena.  Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Mas-snin sittin tas-seklu għoxrin bdiet era ġdida għall-kappella. Il-Markiż John Scicluna, li issa kien qed jgħix fil-villa tiegħu f’San Pawl tat-Tarġa, kien għamel fundazzjoni  perpetwa biex isir il-quddies fil-kappella kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kmandati. Fl-1963 il-Markiż għamel legat ieħor biex tibda ssir quddiesa nhar l-ewwel ġimgħa tax-xahar. Il-Markiż ma waqafx hawn. Nistgħu ngħidu li issa hu kien il-padrun ta’ din il-kappella u għamel għaliha dak kollu li kien hemm bżonn.

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com