Il-Knisja
L-arkittetura ta’ din il-knisja tixbaħ ħafna lill-knejjes tar-reliġjużi, u fiha ma jeżistix kor, iżda biss korsija, żewg kappelluni, sagristija u koppla kbira bit-twieqi. Il-koppla ta’ din il-knisja hija waħda mill-ewwel eżempji f’Malta ta’ koppla għamla ta’ plattin u bit-twieqi bit-tambur. Hawnhekk għall-ewwel darba it-tambur sar il-mezz ewlieni li jagħti d-dawl lill-knisja. Din il-knisja, bil-gwarniċun maħruġ ‘l barra għat-tambur u l-wiċċ lixx tal-bini, ifakkrek f’eżempji aktar bikrija fi Sqallija.
Il-kappelluni ta’ tmiem is-seklu sittax baqgħu jidhru fi knejjes antiki bħal din tas-Salvatur. Din il-knisja hija waħda mill-ewwel eżempji ta’ knisja parrokkjali li ġiet imkabbra fil-bini ta’ fergħat jew “kappelluni” li jaqsmu min-naħa għal oħra tat-tarf tal-Lvant. Dan sar biex ikun hemm iktar wisgħa għall-altar maġġur.
Jidher li t-tibdil arkitettoniku li sar f’din il-knisja kien ix-xogħol tal-perit famuż Malti Tumas Dingli. L-iskultura tant sabiħa f'forma ta’ bizzilla li naraw f’din il-knisja fosthom l-altari, il-kolonni, il-bibien, niċeċ u strutturi oħrajn ħarġu minn idejn l-istess l-artist Tumas Dingli, li żejjen il-knisja l-qadima ta’ Birkirkara u dik parrokkjali ta’ Ħ'Attard.
Interessanti ħafna f’din il-knisja huwa garigor tas-seklu sittax. B’xorti ħażina dan mhux mitmum, iżda l-ħsibijiet tal-bennej jidhru sew f’din il-ħaġa. Il-kappellun tan-nofs in-nhar għandu bieb li jieħu għat-taraġ. Hawnhekk naraw trijangolu mnaqqax fuq il-ġebel tal-bieb, b’tieqa tonda b’disinn imqassam bħal warda.
Opri f’din il-Knisja
Fl-imgħoddi, skont iż-żjara tal-Isqof Molina lejn l-aħħar tas-seklu sbatax, f’din il-knisja jisemma' li kien fiha sitt altari u fiha kienu jitqaddsu sitt quddisiet kuljum. Illum fil-knisja nsibu biss żewġ altari.
L-altar maġġur għandu prospettiva mill-isbaħ, xogħol ta’ Tumas Dingli, li jinkludi niċċa fuq kull naħa. Il-kwadru titulari li naraw fuq l-altar maġġur hu tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesų. Dan juri lil Ġesų fin-nofs, flimkien ma' Elija u Mosč fuq it-Tabor, u taħthom jidhru t-tlett Appostli maħbubin jgħattu għajnejhom mid-dija. Dan il-kwadru hu sabiħ ħafna.
Fil-knisja nsibu kwadri oħrajn fosthom dawk tal-kappelluni li juru l-martirju ta’ San Pawl, xogħol ta’ Mattia Preti. Kwadru ieħor juri l-martirju ta’ Sant’Agata, xogħol ta’ Ġużeppi d’Arena. Insibu wkoll statwa antika tal-Madonna tar-Rużarju maħduma fl-injam.
Hemm ukoll altar bi prospettiva sabiħa li għandu kwadru bil-Madonna flimkien ma' Santu Rokku u San Bastjan. Dan sar biex ifakkar it-titular tal-knisja li kellha titwaqqa meta tkabbret tas-Salvatur l-antik.
|