KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja tal-Lunzjata
~ Ħal Millieri, l/o Żurrieq ~

Mitlufa qalb ir-raba fil-limiti taż-Żurrieq, insibu waħda mill-iktar kappelli medjevali importanti li għandna fil-gżejjer tagħna. Din il-kappella hi ddedikata lill-Lunzjata, u tinsab fil-fdalijiet ta’ raħal li m’għadux jeżisti, dak ta' Ħal Millieri. Biex tidħol f’din il-kappella trid tgħaddi minn entratura li twassal għaċ-ċimiterju tal-pesta li hemm biswit din il-kappella. Ftit 'il bogħod minnha nsibu kappella oħra, iddedikata lil San Ġwann Evanġelista. Għal deskrizzjoni u aktar tagħrif dwar din l-aħħar kappella u dwar l-istorja tar-raħal ta' Ħal Millieri ara l-paġna tal-kappella ta' San Ġwann Evanġelista hawn.


Google Earth Hal Millieri


Oriġini

L-kappella ddedikata lil Lunzjata bla dubju hi l-iktar waħda importanti mit-tnejn li għadna naraw. Din il-kappella li hi l-iktar waħda antika li kien hemm f’Ħal Millieri. L-ewwel kappella li nbniet f’dan il-post tmur lura sas-seklu tlettax u mill-iskavi li saru jidher li kellha l-istess qies ta’ dik li naraw llum.  Il-knisja kellha wkoll apside u kienet imżejna bl-affreski, għax matul l-iskavi li saru nstabu traċċi tagħhom mal-ħitan. Minħabba dan kollu jidher li din il-kappella kienet ġuspatronat ta’ xi familja għanja, għax kienet tippermetti ċertu tiżjin li ma tantx issibu f’kappelli oħra ta’ żmienha. Dan ikompli jikkonfermah il-fatt li fiha nstab qabar wieħed biss, li juri li s-sidien tal-kappella kellhom il-jedd li jindifnu fiha.

Il-kappella li naraw llum jidher li nbniet lejn l-aħħar tas-seklu ħmistax għal ħabta tas-sena 1480. Din il-knisja nbniet fl-istess post fejn kien hemm il-knisja ta’ qabilha, u fil-post fejn qabel kien hemm il-villa Rumana.

L-ewwel deskrizzjoni ta’ din il-kappella ingħatat mid-delegat appostoliku il-Monsinjur Pietro Dusina fiż-żjara tiegħu f’Ħal Millieri fl-1575. Hu sab lil din il-kappella nieqsa mill-ħwejjeġ meħtieġa u fi stat ħazin ħafna.  Iktar tard fl-1781 fiż-żjara tiegħu l-isqof Labini sabha fi stat ħażin ukoll u pprofanaha.  Ftit taż-żmien wara, fil-bidu tas-seklu dsatax ċertu Ġuze Magro miż-Żurrieq irranġaha u għammarha bl-affarjiet meħtieġa biex din reġgħet tbierket minn Dun Gejtan Buttigieg, fi zmien l-isqof Mattei fl-1809.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Minn barra l-knisja għandha stil sempliċi forma ta’ kaxxa, u m’għandiex tieqa jew l-oculus li naraw f’ħafna mill-kappelli.  Għandha kampnar fejn fil-passat kien hemm qanpiena waħda mdendla. Fuq il-bieb tal-knisja, li fl-antik kien b’forma ta’ arkata, naraw gwarniċa skolpita.


Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja li hi ta’ oriġini medjevali, hi twila 7.3 metri b’wisgħa ta’ 5.2 metri. Biex tidħol f’din il-knisja mill-fdalijiet taz-zuntier, trid tinżel tlett tarġiet, li kienet użanza li tikkaratteristika knejjes medjevali. Skont Dr. Mario Buhagiar dan kien isir biex il-knisja tiġi "ankrata" simbolikament fl-art u tingħata impressjoni b’mod simboliku li qisek dieħel f’għar, li hu l-post fejn twieled u ndifen Ġesų Kristu.

Il-knisja minn ġewwa tikkonsisti f’erbgħa arkati li fin-nofs ġejjin għal ponta, li huma ta’ stil Sikulo-Normann. Dawn l-arkati, jibqgħu niżlin sal-art, stil li nsibuħ ukoll fi knejjes medjevali tal-epoka. L-aħħar arkata li twassal għal altar, jew l-apside, għad għandha jidhru fejn kien hemm grada, jew kif inhi magħrufa aħjar “iconostasis”, li kienet tifred il-parti tal-altar mill-kumplament tal-knisja.  Din il-grada kienet tkun tal-injam, u kienet komuni ħafna fi knejjes antiki Griegi.  Dan ikompli jixħet iktar dawl dwar l-influenzi tal-kult Grieg-Biżantin li kien hawn fi gżiritna l-iżjed fi żminijiet medjevali.

Il-knisja għandha altar wieħed, għalkemm jidher li qabel kellha iktar. Il-pittura li naraw illum fuq l-altar prinċipali hija moderna u saret mill-artist Renč Sacco fl-2003.  Il-kompożizzjoni ta’ dan il-kwadru, li juri t-tħabbira tal-Anġlu Gabriel lill-Madonna, hi bbażżata fuq il-kwadru klassiku ta’ Beato Fra Angelico, imma l-artist tah xeħta kontemporanja. Din il-pittura hija biż-żejt fuq qafas tal-“marine plywood” u ġiet inawgurata nhar it-23 ta’ Marzu, 2003.

L-art ta’ din il-knisja hija taċ-ċangatura u bejn l-arkati nsibu id-dukini, jew bankijiet tal-ġebel, fejn wieħed seta' joqgħod bil-qegħda.

Fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja hemm bieb li kien jgħaqqad din il-knisja, ma’ dik li kien hemm maġenbha, iddedikata lil Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżebetta. Din il-knisja, li kienet inbniet lejn l-aħħar tas-seklu ħmistax, ġiet dekonsagrata mill-isqof Buenos f’Ġunju tal-1667.  Il-fdalijiet ta’ din il-knisja għadhom jistgħu jidhru maġenb il-knisja tal-Lunzjata.


Ritratt - Stanlet Spiteri


Oqbra fil-knisja

Quddiem din il-knisja għadna nistgħu naraw fdalijiet ta’ dak li kien iz-zuntier tal-knisja tal-Lunzjata, li fih kien isir id-dfin.

Jidher li minn dejjem kien isir id-dfin f’din il-knisja, anki fl-ewwel knisja, għax wara l-altar taħt iċ-ċangatura nstab qabar ta’ tfajla ta’ sittax-il sena mat-tarbija tagħha. Kif għedna qabel dan jista' jfisser li dak iz-żmien din il-knisja kienet ġusptronat ta’ xi familja għanja li kellhom id-dritt li jindfnu fiha.

Fil-knisja li naraw illum ukoll nstabu ħafna oqbra. Fuq in-naħa tal-lemin int u dieħel fil-knisja nsibu osswarju li kien jilqa' fih ħafna għadam minn diversi oqbra. Jidher li nstabu ħafna oqbra f’din il-knisja, peress li din kienet tgawdi devozzjoni kbira u għalhekk diversi nies kienu jkunu jridu jindifnu ġo fiha jew fiċ-ċimiterju ta’ maġenbha.

Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja hemm il-bieb li minnu tista toħroġ għaċ-ċimeterju li hemm imiss magħha. Wara l-flaġell tal-pesta tal-1813 n-nies li mietu minħabba din il-marda infettiva ġew midfuna f’dan iċ-ċimiterju, u dan nissel biża’ kbir fin-nies li ma riedux jirfsu iktar fl-inħawi u għalhekk l-kappella spiċċat fi stat t’abbandun kbir.

L-affreski

Din il-knisja l-iktar li hi magħrufa minħabba l-ħdax- il affresk li naraw fiha. Dawn l-affreski uniċi tas-seklu ħmistax li nsibu f’din il-knisja jidher li huma kopji minn artist li reġa' pitter replika ta’ dak li kien hemm fil-knisja ta’ qabilha. Dan jikkonfermah il-fatt li l-qaddisin irrafigurati fl-affreski jirrapreżentaw qaddisin tal-kult Grieg-Biżantin, li l-qima lejhom kienet iktar komuni fis-seklu tlettax milli meta attwalment tpittru. .

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil  - Kappella Vizitazzjoni_Hal Millieri
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Dawn l-affreski jinsabu bejn l-arkati fuq iż-żewġ naħat tal-ħitan tal-knisja. L-affreski li jinsabu fuq kull naħa tal-altar jirrapreżentaw lil San Leonardo ta’ Siponto fuq il-lemin, u lil San Nikola ta’ Bari fuq ix-xellug. Dawn iż-żewġ affreski li jinsabu fl-iktar post devot tal-knisja maġenb l-altar huma mżejna ukoll b’disinji forma ta’ purtiera.

L-affreski l-oħrajn li jinsabu l-barra mill-arkata li fiha kien hemm imwaħħla l-“iconostasis” jirrapreżentaw tlett appostli, fuq l-lemin San Andrija, San Ġakbu (St. James the Elder), lil San Lawrenz u San Ġwann l-Evanġelista rrafigurati flimkien u lil San Vinċenz. Fuq in-naħa tax-xellug mill-“iconostasis” ‘il barra nsibu l-affreski li jirrapreżentaw lil Sant’Agata u San Blas flimkien, Santu Wistin, u San Anton Abbati. Fuq kull naħa tal-bieb ta’ barra fil-ġenb insibu żewġ affreski, nistgħu ngħidu identiċi, li juru lil San Ġorġ Martri fuq iż-żiemel.

Il-qaddisin irrafigurati fl-affreski huma kollha mpittrin bil-wieqfa, u kollha bi ktieb f’idejhom. Ħafna minnhom qegħdin b’idhom mogħlija li tirrapreżenta sinjal ta’ benedizzjoni. L-affreski ma fihomx simboli, imma kollha juru l-isem tal-qaddis b’kitba tal-ħmistax il-seklu. Taħt l-affresk ta’ San Blas u Sant’ Agata naraw l-firma tal-artist bl-isem ta’ Garinu. Dawn l-affreski kienu nstabu fir-restawr tal-knisja li kien sar fis-snin sebgħin.

Ir-restawr tal-knisja

Sa qabel is-snin sittin, din il-knisja li kienet qed tintuża bħala maħzen għall-għalf tal-bhejjem, kienet waslet fi stat imminenti li tiġġarraf. Kien f’dan iż-żmien illi l-knisja giet mgħoddija “in trust” lill-għaqda non-governattiva “Din l-Art Helwa”, biex tiġi rrestawrata. Minnha nħarġu iktar minn erbatax trakk żibel.

L-iktar ħaġa mportanti fil-proċess ta’ restawr kienet bla dubju meta tnaddfet il-knisja u ġew irrestawrati l-affreski uniċi li għadna nistgħu ingawdu sal-lum. Il-Professoressa Paola Zanolini irrestawrat dawn l-affreski fl-1974.  Fil-każ ta’ tnejn minnhom dawn ġew maqlugħin għal kollox minn mal-ħajt, biex imbagħad tpoġġew mill-ġdid fuq panew.
 
Wara li sar dan it-tindif u r-restawr kompla bl-iskavar minn arkeoloġisti mill-Universita ta’ Malta u dik ta’ Oxford. Instabu ammont ta’ skeletri fl-oqbra tagħhom, fejn dawn ġew studjati u urew fatti interessanti bħal deformazzjonijiet fl-għadam, li setgħu kienu minħabba dieta bbażata fuq ħxejjex u nieqsa minn elementi nutrittivi oħra.  Instabu ukoll ħafna muniti tal-medju evu,  kif ukoll ammont kbir ta’ fuħħar fuq tlett livelli. Dawn tefgħu dawl ġdid fuq iż-żmien ta’ meta nbniet din il-knisja, dik ta’ qabilha u l-fdal ruman li nstab taħt.

Instabu ukoll il-pedamenti tal-knisja ta’ qabilha, li jmorru lura sat-tlettax-il seklu fi żmien ir-rikristjaniżazzjoni ta’ Malta fi żmien l-Imperatur Federiku II. Il-knisja tal-lum hi mibnija fuq l-pedamenti ta’ ħaġar kbir li kienu jiffurmaw il-villa Rumana, li sal-lum għadha ma ġietx skavata. Iżda maġenb il-knisja għadhom jistgħu jidhru diversi fdalijiet ta’ din il-villa. Instab ukoll mehriez kbir li kien jintuża biex jinagħsar iż-żebbuġ.

Il-knisja llum

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u min hu dilettant tal-kappelli ma jistax ma jżurhiex. Il-knisja tinfetaħ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar bejn id-9.00 am u 12.00 pm. Hemmhekk wieħed ikun jista’ jiltaqa' mas-Sur Anthony Mangion, li b’tant dedikazzjoni jieħu ħsieb din il-ġawrha tal-arti. Il-festa tal-Lunzjata f’din il-knisja għadha tiġi ċelebrata Ħadd wara l-25 ta’ Marzu, fejn tiġi ċelebrata quddiesa filgħodu, bil-knisja armata għal okkażżjoni.


Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ħajr Anthony Mangion għall-informazzjoni li għaddilna
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttul u Stanley Spiteri

Hal Millieri Plan
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017