KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Carmelo Vella

Il-Knisja ta’ San Ġwann
l-Evanġelista
~ Naxxar, Baħar iċ-Ċagħaq ~

Din il-kappella żgħira iżda sabiħa tinsab fuq ix-xellug tan-niżla li tagħti għal Baħar iċ-Ċagħaq sewwasew taħt id-dar tal-Irtiri magħrufa bħala l-Porzjunkola, li hi f’idejn il-Patrijiet Franġiskani magħrufa bħala Ta’ Ġieżu.

Oriġini

Ma nafux eżatt f’liema sena nbniet, iżda dan kien lejn in-nofs tas-seklu tmintax. Marbuta mal-bini tagħha hemm storja interessanti. L-istoriku Francis Pace fil-ktieb tiegħu “Il-Gargur - In-Nies u l-Knejjes tiegħu” u kif ukoll Achille Ferres fid-”Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo” jiktbu li wieħed kjeriku mill-Gargur, Giovanni Portelli, kien għani ħafna u kellu ħafna artijiet u għelieqi f’Baħar iċ-Ċagħaq, fejn kien imur biex jaħdimhom. Lejla waħda sab ruħu mdawwar minn ċorma furbani. Hu ġera lejn siġra u staħba fil-friegħi tagħha u għamel wegħda lil San Ġwann Evanġelista li jekk jeħles minn dawk il-furbani, u ma jaqax skjav tagħhom, jibni knisja ddedikata lilu fl-istess post fejn kien qed jistaħba. Hu kien ġie ttradut minn wieħed mill-iskjavi tiegħu. Il-grazzja qalagħha u l-knisja nbniet (ma nafux eżatt meta) iżda fil-5 t’Awwissu 1759 Portelli ddotaha b’dak kollu li kienet tinħtieġ. L-art li fuqha nbniet din il-kappellla kienet tissejjaħ ‘Ta’ Birsilotta’ jew ‘Tal-Paspur’. Beda jsir il-quddies nhar San Ġwann u fil-festi ta’ San Pawl u San Lawrenz, li tagħhom hemm inkwatri fil-ġenb tat-titular.

 

Ritratt: Caroline Busuttil



Il-kappella

Minn ġewwa din il-kappella għandha pjanta kwadra, fejn erba’ pilastri maġġuri, kemxejn twal għaċ-ċokon tagħha, jerfgħu l-arkuni u l-pendentivi, li fuqhom tistrieħ il-koppla. L-altar jinsab f’kor nofs tond, li fih perspettiva sabiħa ħafna skolpita b’disinji stil rokoko, anġli, l-ajkla (emblema ta’ San Ġwann Evanġelista), il-monogramma Marjana, weraq tal-palm u sħab. Fl-arzella skolpita wkoll hemm kwadru pittura fuq l-injam tal-Missier Etern. Maż-żewġ pilastri maġġuri hemm skolpiti waħda fuq kull naħa l-arma tal-familja Portelli. Żewġ twieqi mal-ħitan tal-ġenb jagħtu d-dawl lill-kappella filwaqt li żewġ bibien jagħtu għas-sagristija li tinsab wara l-altar.

Minn barra l-kappella hi mibnija fuq zuntier b’erba’ tarġiet. Il-faċċata għandha żewġ pilastri għoljin ta’ stil Doriku li jerfgħu l-entablatura u li fuqha hemm pediment ta’ stil Vignola u li ġewwa fih hemm niċċa bi statwa ta’ San Ġwann. Fit-truf naraw żewġ piramidi forma ta’ bajda. Il-bieb għandu gwarniċa fuqu u tieqa aktar ’il fuq. Ħaġa kurjuża ħafna hi li din il-kappella m’għandhiex kampnar, iżda hemm qanpiena waħda li fuqha hemm id-data tal-1792 li qiegħda mdendla fil-lanterna tal-koppla li hi mingħajr twieqi. Fl-entablatura hemm l-arma tal-familja Portelli.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat



Kwadri

Fil-kappella hemm erba’ kwadri sbieħ li fortunatament ġew irrestawrati tajjeb ħafna dan l-aħħar. It-titular juri lill-Evanġelista qed jikteb dik is-silta mill-Apokalissi fejn jgħid li qed jara “Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apokalissi XII.1). Ħdejh hemm żewġ anġli u warajh tidher l-ajkla. Aktar ’il fuq hemm xbieha tal-Kunċizzjoni. Ma nafux sew min pitter dan il-kwadru iżda hawn min jattribwixxieh lill-iskola ta’ Francesco Zahra (1710-1773) u fil-kwadru naraw id-data 1757. Mal-ġenb tiegħu hemm żewġ kwadri, wieħed ta’ San Pawl u l-ieħor ta’ San Lawrenz. F’daħla f’wieħed mill-ħitan hemm kwadru tal-Madonna tal-Bon Kunsill, pittura antika tas-seklu sbatax.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat

Ritratt: Anthony M. Brincat


Il-kappella llum

Il-kappella jieħdu ħsiebha l-Patrijiet Franġiskani Ta’ Ġieżu. Dan l-aħħar sar ħafna xogħol ta’ restawr minn ġewwa. Inbarxu u tkaħħlu l-ħitan u l-koppla u nżebgħat il-perspettiva ta’ wara l-altar. Saru wkoll bibien ġodda. Dan ix-xogħol sar kollu miż-żgħażagħ tal-Fondazzjoni Youth Alive mmexxija minn Patri Mark Caruana O.F.M. Iżda hemm bżonn li jinsab xi benefattur biex jgħin fir-restawr tal-ħitan ta’ barra u l-faċċata.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Proof Reading minn Tony Bonello
Ritratti: Caroline Busuttil, Anthony Brincat u Carmelo Vella

CarolineSan Gwann_Baharic-caghaqCaroline
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Anthony M. Brincat

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017