KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Neil Zammit

Santa Marija tal-Ftajjar
~ Luqa ~

Fir-raħal ċkejken ta’ Ħal Luqa fl-antik, bħal ħafna rħula oħra, kien hemm għadd ta' kappelli u knejjes żgħar. Iżda maż-żmien dawn il-knejjes kollha ġew ipprofanati mill-Isqfijiet tagħna għal xi raġuni jew oħra u matul il-medda tas-snin ħafna minnhom inħattu biex illum ma baqa' xejn biex jixhed l-eżistenza tagħhom.  Waħda mill-eqdem kappelli li għadna naraw fil-limiti ta' Ħal Luqa hi dik iddedikata lil Santa Marija magħrufa ukoll bħala “Tal-Ftajjar”.

Din il-kappella tinsab ftit metri 'l bogħod mill-knisja parrokkjali, eżattament fi Triq il-Karmnu.  Maġenb din il-kappella hemm oħra ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Mqaddsa, li llum qed tintuża bħala maħzen għall-armar tal-festa. Din il-parti tar-raħal fejn jinsibu dawn il-kappelli hija magħrufa bħala 'Wied il-Knejjes' u jingħad li f'dawk l-akwati kienu joqgħodu l-ewwel nies tal-parroċċa ta' Ħal Luqa.


Ritratt - Rayden Mizzi


Oriġini

Ħadd ma jaf eżatt meta nbniet din il-kappella, li hi ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tal-Assunta. Li nafu żgur hu li nbniet fil-bidu tas-seklu ħmistax. Kien fiha tliet altari, imma l-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina, fi żjara pastorali li għamel f’Ħal-Luqa fl-1575, ordna li ma jsirx quddies fuq iż-żewġ altari tal-ġnub.

Dun Simone Bonnici, li kien jieħu ħsieb din il-kappella, kellu għalqa f’Ħal Luqa, u kien obligat li bir-renti ta’ din l-għalqa jagħmel il-festa b’quddiesa u l-vespri. Fil-festa kienu jitqassmu wkoll xi ftajjar lill-foqra u b’hekk ħadet l-isem ta’ Santa Marija "tal-ftajjar".

Din il-kappella reġgħet inbniet fl-1613 bil-ġbir tan-nies ta' Ħal Luqa.  Inbniet fuq tliet ħnejjiet. L-altar, li kellu għamla ta' tribuna, kien taħt ħnejja u kellu kwadru qadim ħafna li juri 'l Madonna tielgħa s-sema u lill-Missier Etern. Il-ħitan tal-knisja kienu kollha mpittrin b’affreski li juru xbihat qaddisa.  Jissemmew is-Salvatur, il-Madonna, San Pawl, San Nikola, San Ġorġ u qaddisin oħra u l-erba' Evanġelisti.

Fl-1656 iż-żewġ kappelli ta’ San Nikola u tat-Twelid tal-Madonna, li kienu f’Wied il-Knejjes, ġew ipprofanati u l-isqof Balaguer ordna li l-altari taż-żewġ knejjes jitwaqqfu f’din il-knisja. Fl-1667 l-Isqof ordna li ssir pittura ġdida għax li kien hemm kienet spiċċat.  Imbagħad sar il-kwadru li hemm bħalissa.

Il-knisja

Il-knisja li naraw llum għandha faċċata sempliċi. Magħha, kif diġÓ semmejna, hemm tmiss il-kappella li hi ddedikata lit-Twelid tal-Madonna. Bejn dawn il-kappelli hemm kampnar li fih għadna naraw qanpiena.  Fuq il-bieb prinċipali hemm tieqa żgħira, jew oculus, li kienet tintuża biex iddawwal il-kappella minn ġewwa. Jidher ukoll salib fuq il-frontispizju li fuq il-pedestal tiegħu hemm is-simbolu tal-mewt (ras ta’ skeletru). Dan ifisser li f’din il-knisja kien isir id-dfin.

Il-knisja għandha forma rettangolari b'saqaf mibni b'xorok ċatti li jistrieħu fuq tliet arkati li huma kemxejn għall-ponta. Hemm apside nofs tond li fih hemm il-kwadru li hu xogħol tal-pittur Giuseppe D'Arena li għex bejn 1633-1719.


Ritratt - Rayden Mizzi


Dan il-kwadru ewlieni ta’ Santa Marija hu xogħol mill-isbaħ li jirrapreżenta lit-tlugħ fis-sema ta’ Marija Santissima li hija mdawwara bl-anġli. Dan sar fl-1679. Din il-pittura ħallas għalija Tumas Abela li bi flusu għamel ukoll il-ħawt tal-ilma mbierek. Kemm il-pittura ta’ Arena kif ukoll il-ħawt tal-ilma mbierek fortunatemnt għadna nistgħu ngawuhom fil-knisja sal-lum.

F’din il-kappella nsibu xi lapidi li qabel kienu jinstabu fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Imma meta sar il-pavimentar il-ġdid dawn ġew maqlugħa u ttieħdu f’din il-kappella.

Ta’ min isemmi li l-ħitan ta’ din il-kappella fl-antik kienu mpittra b'affreski li kienu għadhom jidhru sas-seklu 19.   Illum dawn sfortunatament spiċċaw u ntilfu.

Il-kappella u l-ImmunitÓ Ekleżjastika

Bis-saħħa tal-ImmunitÓ Ekleżjastika, f’din il-kappella bħal f’ħafna knejjes oħra Maltin ġieli stkennew fiha xi nies li jkunu xellfu duffrejhom mal-ġustizzja. Insibu li fil-25 ta’ Lulju 1652, Wistin Falzon ħarab biex jistkenn f’din il-knisja, wara li ftit qabel inżul ix-xemx fajjar daqtejn ta’ sikkina lil Ġann Pawl Scicluna fil-pjazza ta’ Ħal Luqa. F’din il-knisja ukoll stkenn Marozz Briffa.  Mhux l-ewwel darba li Briffa kien ittella' l-qorti, fost affarijiet oħra għax kien isawwat lil martu. Meta darba minnhom reġa' għamel l-istess, minn rajħ, mar igħix f’din il-knisja sakemm irranġa mal-mara.

Prokuraturi

Din il-kappella kellha diversi prokuraturi li mexxewha matul iż-żmienijiet. Fost dawn insibu lil Dun Simone Bonnici li fl-24 ta’ Jannar 1570 laħaq Kanonku tal-Katidral.  Fl-1577 Dun Simone irriżenja minn Kanonku biex isir Ġiżwita. Mar Ruma u hemm ingħaqad ma’ din is-soċjeta u baqa' jgħix f'Ruma. Mar-riżenja tiegħu ħuh, Dun Luca, laħaq kanonku minnfloku u beda' jieħu ħsieb il-knisja tal-Ftajjar hu. Maż-żmien Dun Simone laħaq penitenzier fil-knisja ta’ San Pietru f’Ruma u miet f’Macerata, fl-Italja, fil-15 ta’ Settembru 1589 b’fama ta’ qaddis.

Wara li miet il-kanonku Ġann Luqa Bonnici fl-1619, daħlu jieħdu ħsieb din il-knisja Franġisk Mallia u Ġorġ Bonnici. Mallia li kien joqgħod f’dar tmiss mal-knisja bla ma jħallas kera. Għalhekk kellu d-dmir li jieħu ħsieb ta' kollox matul is-sena u jixgħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt. Bonnici, li kien idaħħal il-qbiela ta' għalqa tal-istess knisja magħrufa bħala “ta’ Sinen” ħdejn San Tumas, kien jagħmel il-festa b’vespri u quddiesa.

Sa l-1634 iż-żewġ obbligi kienu f’idejn l-aħwa Mallia. Franġisk kien għadu joqgħod fl-istess dar u ħuh Benedittu ħa l-għalqa li qabel kienet f’idejn Bonnici. Fit-18 ta’ Jannar 1653 Benedittu waqqaf legat biex wara mewtu kuljum titqaddes quddiesa letta għar-ruħu fil-knisja tal-Assunta, imsejħa tal-Ftajjar.

Mal-mewt tal-aħwa Mallia indaħlet biex tieħu ħsieb il-knisja, Imperja, bint Franġisku Mallia. Żewġha ta d-dar ta’ ħdejn il-knisja lil Pietru Sciberras bil-patt li jieħu ħsieb jixgħel il-lampier hu kull nhar ta’ Sibt.  Fl-1673 l-għalqa ta’ Sinen kienet f’idejn it-tabib Danjel Abela, iben Imperja, u d-dar ta’ ħdejn il-knisja kien joqgħod fiha Dun Marju Sciberras. Il-werrieta ta’ Imperja għamlulu kawża biex jeħdulu d-dar, iżda ma rnexxilhomx.

Fl-1791 meta l-baruni Lorenzu Galea kien il-Prokuratur tal-knisja, kienet għadha ssir quddiesa kuljum fiha. Wara mewtu uliedu bdew jagħmlu biss sitt xhur quddies u aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jittraskuraw. Meta l-isqof Labini ra f’liema stat kienet waqgħet il-knisja, ma riedx li tibqa' tintuża. Il-quddies li s-soltu kien isier fiha beda jsir fil-knisja parrokjali ta’ Ħal-Luqa. Tal-Ftajjar reġgħet infetħet mill-ġdid fl-1817 wara li sarulha t-tiswijiet kollha li kellha bżonn.

Fis-seklu dsatax din il-knisja beda jagħmel minnha il-prokuratur tal-Kaxxa tal-Erwieħ minħabba fid-dfin li kien isir fiha. Fis-snin 1871-1877 Mikelanġ Sapiano (l-arluġġar), prokuratur tal-Erwieħ, nefaq 67 skud fuq tiswijiet f’din il-knisja u reġgħu ntefqu aktar flus fuq tiswijiet oħra f’ dan it-tempju.

Il-kappella llum

Din il-knisja għaddiet f’idejn il-Prokuratur tal-knisja parrokjali ta’ Ħal Luqa. Fl-1992 twaqqfet bħala ċentru ta’ ħidma pastorali. Illum din il-kappella tinsab miżmuma tajjeb ħafna u qiegħda tintuża regolarment għax fiha ssir l-Adorazzjoni Perpetwa għan-nies ta’ Ħal Luqa, u ta’ dawk li jgħaddu minn dawk l-inħawi. Tintuża wkoll biex f’lejlet il-festa ta’ Sant’Andrija tibda' it-Translazzjoni tal-relikwa tal-qaddis minnha.

Kitba ta’ Joe Brincat
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Neil Zammit u Reyden Mizzi

Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Neil Zammit
Ritratt - Neil Zammit
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017