KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Madonna ta’ Loretu
~ Gudja ~

Waħda mill-knejjes filjali tal-parroċċa tal-Gudja hija dik tal-Madonna ta' Loretu. Din tinsab fil-periferija ta' dan ir-raħal, mal-ġenb tar-runway, fejn fl-antik dawn l-inħawi kienu magħrufa bħala r-Raħal il-Qadim. Din il-knisja kienet fil-periklu li tiġġarraf meta kien qed jinbena l-mitjar il-ġdid li hemm fil-viċin. Jingħad ukoll li mit-tliet knejjes f’Malta u f’Għawdex li huma ddedikati lill-Madonna ta' Loretu, jiġifieri dik ta' Għajnsielem f’Għawdex, tas-sorijiet tal-Ursolini fi Gwardamanġa u din li nsibu fil-parroċċa tal-Gudja, din tal-Gudja hija l-eqdem waħda fosthom fejn tissemma din id-devozzjoni.

Il-Kavallier Morines u l-knisja ta’ Loretu

Skont ma jingħad, l-ewwel knisja mibnija f'dan il-lokal saret b'wegħda mill-kavallier tal-Ordni ta' San Ġwann u Prijur ta' Auvergne, Fra Imberto de Morines. Jidher li l-wegħda kienet saret għax dan il-kavallier distint kellu f’idejħ il-kmand tal-Gudja, jew Bir Miftuħ kif kien magħruf dak iż-żmien, u f’dawn l-inħawi saret taqtiegħa ħarxa kontra t-Torok, li kienu spiss iħebbu għall-gżejjer Maltin. Wara r-rebħa li kiseb Morines bena knisja votiva lil Sidtna Marija ta’ Loretu, li llum isservi bħala sagristija għall-knisja attwali. Ħa ħsieb ukoll li jipprovdi dik l-knisja bl-armar kollu meħtieġ. Dan seħħ fl-1548, jiġifieri fi żmien bejn wieħed u ieħor bejn id-data tal-wasla tal-Kavallieri ta' San Ġwann f'Malta u l-Assedju l-Kbir.  Jingħad ukoll li wara din il-knisja kien hemm żewġ ibraġġ kbar tal-ġebel li kienu jgħattu l-iġsma tat-Torok li mietu f’din il-battalja.

Bħala ringrazzjament lill-Madonna hu ikkummissjona kwadru li ma nafux min pittru. Dan il-kwadru, b'forma t'arkata Normanna, hu xogħol maħdum fuq l-injam. F'dan il-kwadru naraw 'il Madonna bil-Bambin jistrieħu fuq is-Santwarju ta’ Loretu u fuq rasha tidher kuruna miżmuma minn żewġ anġli. Fuq il-lemin tagħha jidher San Ġwann il-Battista li huwa ukoll il-qaddis patrun tal-Kavalieri ta' San Ġwann u l-Kavallier Fra Imberto de Molines. Illum wieħed għadu jista' jammira dan il-kwadru fis-sagristija ta' din il-knisja. Fil-kwadru hemm kitba li ssemmi l-isem ta’ dan il-kavallier u d-data tal-1548. Jingħad li l-knisja li hemm impinġija fil-kwadru, id-Dar ta’ Loretu, kienet il-knisja li ra f’viżjoni il-kavallier Morines.

Qima lejn din il-knisja

Jidher li minn meta nbniet din il-knisja ħelwa kibret il-qima lejha. Kienu bdew jiġu jżuruha ħafna nies, fosthom għadd kbir ta' kavallieri. Kienu jsiru ħafna pellegrinaġġi nhar ta’ Sibt wara nofs in-nhar. Biex dawn il-pellegrini jkollhom fejn jistkennu, il-prokuratur ta’ din il-knisja Luqa Vella bena żewġ loġoġ li għadhom hemm sal-lum. Dan tikkonfermaħ lapida li hemm bl-isem ta’ Luqa Vella u li ġġib id-data tat-2 ta’ Lulju tal-1550. Instabet ukoll parċmina li ssemmi d-devozzjoni li kellhom il-kavallieri lejn din il-knisja.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-pesta u t-tkabbir tal-knisja ta’ Loretu

Fl-1676, il-gżejjer Maltin għaddew mill-flagell tal-pesta. Din il-passa tal-pesta, li għalkemm ma kinitx qerrieda daqs dik tal-1592, ġarret magħha 11,000 persuna.  In-nies tal-Gudja għamlu wegħda mal-Madonna ta’ Loretu li jekk ir-raħal ma jsofrix wisq minn din il-pesta, tiġi mkabbra din l-knisja. Wara li spiċċat il-pesta hekk sar bħala radd ta' ħajr, u l-knisja tkabbret. Dan jixhed ukoll id-devozzjoni li kien hemm f'dawk iż-żminijiet lejn il-Madonna taħt it-titlu ta' Loretu. Il-bini ta' din il-knisja kien sar bit-tħabrik tal-kappillan tal-parroċċa tal-Gudja Dun Vincenz Grixti u jidher li din kienet mibnija wara s-sena 1679. Il-Gran Mastri Nikola Cottoner, Gregorio Caraffa kif ukoll Katerina Calleja l-armla ta' Valerio Calleja, ħallsu l-parti l-kbira tal-ispejjeż involuti fil-bini tagħha.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Din il-knisja għandha faċċata fuq stil sempliċi.  Fuq il-bieb prinċipali hemm tieqa li flimkien ma' oħrajn li hemm fil-ġnub igħinu biex idawwlu kemm jista' jkun il-knisja. Aktar 'il fuq mit-tieqa tal-faċċata nsibu kampnar b'salib fuqu u qanpiena żgħira. Fuq kull naħa tal-kampnar insibu żewġ fjammi tal-ġebel.

Pjanta li ġġib id-data tal-1 ta' Dicembru tal-1923 turi li kien hemm il-ħsieb li l-kampnar magħruf ta' William Baker li nsibu mal-knisja parrokkjali, jinħatt u jsir jinbena mill-ġdid fuq il-faċċata ta' din il-knisja.

F’din il-knisja nsibu żewġ altari. L-altar maġġur hu mibni bl-irħam u hu ddedikat lill-Madonna ta' Loretu.  L-ieħor huwa ddedikat lill-viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta. Il-kwadru titulari li naraw illum huwa sabiħ ħafna u huwa ddedikat lill-Madonna ta’ Loretu.  Dan juri 'l Madonna fuq is-sħab imdawwra bl-anġli u fil-ġnub t'isfel jidhru San Ġwann il-Battista, San Adriano u Santa Monika (jew Santa Rita).
 

Ritratt - Caroline Busuttil


F'din il-knisja nsibu wkoll statwa żgħira ta’ San Ġużepp, xogħol fil-kartapesta. Din kienet ingħatat mill-kappillan ta' Ħal Kirkop, Dun Ġużepp Barbara fl-1926. Din l-istatwa nħadmet qabel l-1884 u kienet tinsab fil-knisja matriċi tal-parroċċa ta' Ħal Kirkop minflok dik li naraw illum.

Ħwejjeġ ta’ devozzjoni marbuta ma' din il-knisja

Ta’ min isemmi ħwejjeġ ta’ devozzjoni bikrin li nstabu f’din il-knisja fosthom platt taċ-ċeramika antika tal-isqof  Tommaso Gargallo, kif ukoll statwa tal-Madonna bil-Bambin maħduma fl-alabastru. L-esperti jgħidu li din l-istatwa hi tas-seklu 16, meta nbniet din il-knisja, u x’aktarx kienet għotja tal-Kaptan Warsbergh, li f’idejħ kellu il-milizzja ta’ Bir Miftuħ. Din l-istatwa li hija magħrufa bħala l-Madonna ta' Trapani u hija xogħol ta' mgħallem Sqalli. Skont ma huwa magħruf mit-tradizzjoni, din l-istatwa għamlet żmien mitlufa, iżda kienet instabet fil-bidu tas-seklu għoxrin f'bir viċin din il-knisja. Jintqal ukoll li din kienet miżmuma f'dan il-bir biex tinħeles mis-serq tal-ħallelin. Fil-pedistall, li jista' jkun li huwa magħmul minn irħam Għawdxi, tidher parti mill-kitba li tgħid “E. H. Warsbergh……Capitan  di Birm” (għal Birmiftuħ), u “Anno 35”, x’aktarx għas-sena 1535. Minħabba l-valur artistiku ta’ din l-istatwa ġiet esebita fil-Wirja tal-Arti Marjana fl-okkazzjoni tad-Disa' Kungress Marjologiku u s-Sittax il-Kungress Marjan Internazzjonali li nżamm f’Malta f’Settembru tal-1983.

Kienu diversi l-wegħdiet li saru u li jesprimu d-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu ta' Loretu. Fost in-numru ta' ex-voti, wieħed isib kwadru kbir li juri ż-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta u li qiegħed fuq l-altar tal-ġenb. Ex-voto ieħor li naraw f'din il-knisja huwa magħmul mill-kaptan Francesco Azzopardi. Dan huwa mpitter fuq biċċa għuda, u juri 'l Madonna ssalva bastiment merkantili Ingliz mill-għarqa f'tempesta. Dan iġib id-data tas-26 ta' Dicembru tal-1849.

Restawr, indulġenzi u festi

Fl-1820 il-knisja tal-Madonna ta’ Loretu ġiet irrestawrata minn Dun Ġwann Bonnici. Il-knisja ġiet mogħnija b’digrieti speċjali fosthom dak tas-seba' festi ta’ Marija, li dari kienu jsiru f’diversi Santwarji Marjani. B’reskritt tal-20 ta’ Frar 1837, il-Papa Gregorju XVI ta lil din il-knisja diversi indulgenzi. Il-festa tal-Madonna ta’ Loretu għadha tkun iċċelebrata Ħadd fuq il-festa liturgika tal-10 ta' Diċembru. Fl-imgħoddi fil-festa kienu jsiru ġimgħa funzjonijiet reliġjużi li jilħqu l-qofol tagħhom il-Ħadd b'quddiesa kantata.

Il-knisja fil-gwerra

Matul l-aħħar gwerra din il-knisja waqgħet f’idejn il-militar Ingliż. Billi kienet ħdejn l-ajruport il-knisja kienet fil-mira tal-għadu iżda għalkemm intlaqtet fuq il-ġenb ta’ wara, il-bomba b’għaġeb ta’ kulħadd ftit għamlet ħsara. Matul dan iż-żmien il-knisja kellha tiġi pprofanata.

Iżda wara xi tlett snin il-knisja reġgħet tbierket solennement mill-kapillan tal-Gudja Dun Anton Rapa, delegat tal-isqof Mikiel Gonzi li kien dak iż-żmien ko-adjutur tal-isqof Mawru Caruana. Dan sar nhar it-8 ta’ Diċembru tal-1943. Waqt it-tberik tal-knisja tal-Madonna ta’ Loretu, li hi l-protettriċi tal-avjaturi, b’għaġeb kbir is-sema mtela' b’qatgħa kbira ta’ ajruplani, għax kien wasal f'Malta l-President tal-Amerika Theodore Roosevelt.

Ritratt - Caroline Busuttil Il-knisja u t-tkabbir tal-mitjar ta’ Malta

Minkejja li din il-Knisja tant ħelwa ħelsitha mill-mijjiet ta’ bombi li ntefgħu mill-għadu fil-gwerra, il-knisja kienet ser titwaqqa' minna l-Maltin stess biex tagħmel spazju għat-tkabbir tal-ajruport. Kienet tkun ħasra kbira li kieku ġara hekk, iżda intervent f'waqtu u kollettiv mill-arċisqof ta’ Malta Mikiel Gonzi, l-isqof Gerada u l-kapillan tal-Gudja, il-kanonku Dun Vincent Balzan, din il-ġawrha ta’ knisja ġiet providenzjalment salvata biex ikomplu jgawduha ukoll dawk li ġejjin warajna. Ta’ min isemmi li Monsinjur Mikiel Gonzi kien ta’ spiss imur iżur din il-knisja.

Fit-trejqa li twassal għal din il-knisja hemm niċċa tal-Madonna ta’ Loretu li qabel kienet tinsab fuq in-naħa l-oħra qrib il-knisja. Ukoll minħabba l-proġett tal-ajruport, in-niċċa kienet inħattet ġebla ġebla biex imbagħad reġgħet inbniet mill-ġdid bl-istess ġebel antik fejn hija llum. Din in-niċċa ġġib id-data tal-1763.

Dellimara

Din il-knisja mill-ġenb tħares lejn Dellimara, u s-sajjieda l-ewwel ħaġa li jaraw huma u deħlin fil-port ta’ Marsaxlokk, huwa d-dawl li jinxtegħel kuljum mit-tieqa ta’ din il-Knisja. Mela ejjew meta nkunu fuq l-ajruplan qabel nibdew jew meta nkunu ġejjin minn xi safra u naraw din il-knisja ħelwa quddiemna, ngħidu talba ġo qalbna lil Ommna Marija ta’ Loretu biex twassalna fis-sliem. Inkella, meta nkunu wasalna, nirringrazzjawha talli żammet idejha fuqna fil-vjaġġ li nkunu għamilna.

Għeluq

Il-knisja llum tinsab fis-stat tajjeb u l-kampanja ta' madwarha għadha tħaddan dik l-atmosfera ta' paċi u ħemda miksura biss minn xi għasfur jew xi ħoss ta' ajruplan li jkun tiela' jew nieżel fil-mitjar tal-qrib. Din il-knisja tkun miftuħa fuq ir-rixtellu kull nhar ta' Ħadd. Għalkemm fiha ma jsirx quddies, għajr xi tieġ jew anniversarju ta' tieġ, gruppi ta' għaqdiet matul is-sena jorganizzaw diversi laqgħat ta' talb fiha.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil
Pittura ta’ Maris Zammit

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Pittura - Maris Zammit
Ritratt - Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017