KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

San Ġwann Evanġelista
~ Ħal Millieri, l/o Żurrieq ~

Mitlufa qalb ir-raba fil-limiti taż-Żurrieq, insibu żewġ kappelli li jinsabu f’dak li qabel kien ir-raħal ta’ Ħal Millieri. L-iktar magħrufa hija dik iddedikata lill-Lunzjata, li hi ta’ oriġini medjevali, u li ġo fiha nsibu affreski uniċi. Ftit ‘il fuq mid-daħla taċ-ċimiterju li twassal lejn il-kappella tal-Lunzjata, b’fetħa quddiemha,  insibu l-kappella oħra, dik ta’ San Ġwann Evanġelista, li hi waħda mill-erba’ kappelli li konna nsibu f’Ħal Millieri.

Ħal Millieri

Ħal Millieri kien raħal li kien jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Malta, bejn l-irħula taż-Żurrieq, l-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Kirkop. Jidher li dan ir-raħal hu antik ħafna u jmur lura għal żmien ir-Rumani. Dan il-fdal Ruman seta’ wkoll baqa’ jeżisti anki fi żmien meta l-Arab kienu ħakmu l-gżira fis-sena 870 W.K.

Google Earth Hal Millieri


L-ewwel dokument li nsibu fuq Ħal Millieri jeħodna lura sas-sena 1419, fil-medjuevu tardiv, meta jidher li f’dawn l-inħawi kien hemm xi 14-il familja, li setgħu kienu dixxendenti ta’ dawk li kienu jgħixu fl-inħawi fi żmien l-Arab.  In-nies li kienu jgħixu fl-inħawi kienu jaħdmu l-għelieqi, f’art li jidher li kienet fertili ħafna. Il-fatt li f’din iż-żona nstabu ammont ta’ ċisterni u bjar tal-ilma, li kienu importanti ħafna f’raħal agrikolu, ikompli jikkonferma li Ħal Millieri f’dawk iż-żminijiet kien abitat mill-bdiewa.

Fis-seklu sittax iż-żewġ irħula jew “casali” ta’ Ħal Millieri u Ħal Armanin kienu magħqudin flimkien bħala rappreżentazzjoni quddiem il-kunsill tal-UniversitÓ tal-Mdina.

Ħal Millieri kien jikkonsisti f’4 knejjes jiġifieri dawk it-tnejn li għadna naraw sal-lum tal-Lunzjata u ta’ San Ġwann Evanġelista u tnejn l-oħra li spiċċaw, jiġifieridik tal-Viżitazzjoni li għadna naraw il-fdal tagħha maġenb dik tal-Lunzjata, u l-oħra ta’ San Mikiel li kienet tmiss ma’ dik ta’ San Ġwann Evanġelista.

Mid-dokumenti li nstabu u li ġew ippubblikati fil-ktieb ta’ Luttrell, jidher li r-raħal kien idur mal-knisja ta’ San Ġwann Evanġelista.  Fil-fatt il-pjazza prinċipali tar-raħal kienet quddiem din il-knisja. Il-popolazzjoni tar-raħal jidher li baqgħat l-istess fil-bidu tas-seklu sbatax, biex imbagħad din naqset b’mod drastiku lejn tmiem dak is-seklu fejn l-aħħar twelid dokumentat kien fl-1711.  Minn hemm ‘l quddiem jidher li raħal spiċċa diżabitat u llum kull ma fadal minnu huma ż-żewg kappelli ta’ San Ġwann Evanġelista u tal-Lunzjata, li jinsabu qalb l-għelieqi li kienu jifformaw dan ir-raħal.

Il-kappella ta’ San Ġwann Evanġelista

Il-knisja li naraw illum ġiet mibnija mill-ġdid fl-1640, imma jidher li minfloka diġÓ kien hemm waħda li tmur lura sas-sena 1481. Meta Monsinjur Pietro Dusina żar din il-kappella fl-1575 sabha fi stat ħażin u pprofanaha.  Iżda fl-1822, Dun Ġakbu Gauci tħajjar jirranġaha mill-ġdid, u qabbad lil neputih il-bennej Franġisku Gauci biex jagħmel dan.  Jidher fis-seklu għoxrin l-knisja ġiet imkabbra mill-ġdid fi żmien Dun Ġuzepp Gauci mit-tifel ta’ Franġisku Gauci.  Ix-xogħol tlesta fl-1961 u l-knisja ġiet imbierka mill-isqof Gaetano Pace Forno.


Ritratt - Noel Ciantar


Il-knisja minn barra tikkonsisti f’zuntier sabiħ, li jingħad li qabel kien tal-knisja parrokkjali taż-Żurrieq.  Il-knisja għandha forma kwadra u hi twila 15 il-pied. Is-saqaf tagħha jistrieħ fuq żewġ arkati. Il-knisja tikkonsisti f’altar wieħed u jinsab f’arkata sabiħa ħafna.  Il-pittura titulari turi lil San Ġwann Evanġelista jikteb il-ktieb tar-Revelazzjoni, magħruf ukoll bħala l-Appokalissi.  Fil-kwadru tidher ukoll il-Verġni Mqaddsa f’apparizzjoni.  Dan il-kwadru sabiħ kellu jitneħħa minn din il-knisja u jittieħed fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq għal raġunijiet tas-sigurtÓ, peress li l-inħawi sfortunatament kienu ġew vandaliżżati għal diversi drabi.

Meta deher għall-ewwel darba dan l-artiklu konna għidna li minflok dan il-kwadru titulari konna nsibu żewġ "stampi", waħda tal-Qalb ta’ Ġes¨ u l-oħra ta’ San Ġużepp bil-Bambin f’idu.

 

Ritratt - Noel Ciantar


Issa bi pjaċir ngħidu li fil-post tpoġġiet kopja tal-kwadru oriġinali biex b’hekk ġiet irrispettata l-karatteristika tal-kappella u l-ambjent ġewwieni tagħha.

Fl-antik ma’ ġenb din il-knisja kien hemm kappella oħra, dik iddedikata lil San Mikiel Arkanġlu. Il-knisja kienet tmiss ma’ dik ta’ San Ġwann Evanġelista tant li kellhom zuntier komuni quddiemhom.  Il-kappella ġiet profanata fl-1667 mill-isqof Buenos, u biż-żmien intelqet u ġġarfet.  Maġenb l-kappella ta’ San Ġwann Evanġelista naraw salib fuq kolonna, jew kif jissejħu ukoll Salib tad-Dejma, li jfakkar il-knisja ta’ San Mikiel.

Il-knisja tinsab fi stat tajjeb u ġieli tkun miftuħa fuq bieb tal-hadid.  Iż-żona fejn hemm din il-knisja hi mgħassa b’kameras tas-sigurta, minħabba atti vandali minn nies irresponsabbli li kienu jiġru fil-passat

Kitba ta’ Roderick Busuttil fuq informazzjoni mgħoddija minn Anthony Mangion.
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Nikol Ciantar, Caroline Busuttil, Claudia Bartolo, Lino Spiteri u Google Earth
 

Ritratt  Lino Spiteri - Hal Millieri - Dettall Pressa taz-Zejt
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt Nikol Ciantar, mehud f'Jannar tal-2002
Ritratt Claudia Bartolo - Titular San Gwann Evangelista
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt  Lino Spiteri - Hal Millieri - San Gwann Evangelista

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com