Ftit ‘il bogħod mill-knisja parrokkjali tal-Imqabba, fi pjazza żgħira, insibu l-knisja tad-Duluri, knisja żgħira imma mżejna bis-siġar taż-żebbuġ, palm u olejandri.
Oriġini
Il-knisja hija antika ħafna għax inbniet ħafna qabel l-1500. Għal bidu l-knisja kienet iddedikata lill-Assunta taħt l-isem Santa Marija tal-Faqqanija. Mhux magħruf eżatt għalfejn kienet tissejjaħ b’dan it-titlu għax il-Faqqanija kienet kemmxejn ‘il bogħod minnha.
Fil-pesta li ħakmet lil Malta bejn l-1592 u l-1593 kienu mietu għadd kbir ta’ nies; kienu mietu madwar 4000 ruħ. Fiċ-ċimiterju li kien hemm quddiem din il-knisja ndifnu għadd kbir ta’ mejtin. Illum dan iċ-ċimiterju m’ghadux jidher għax l-art ġiet miksija bil-madum u wara kienu nżergħu ħafna siġar.
![Ritratt - Noel Ciantar Ritratt - Noel Ciantar](../../../Il-Kappelli/Sett03/MQB_Duluri/Ritratt---Fr-Jonathan-Farrugia-l-Il-kwadru-titulari-Oratorju--5-.jpg) |
Żjarat Pastorali f’din l-knisja
Ħafna nformazzjoni li għandna fuq din il-knisja, bħal oħrajn bħalha, ġew minn fuq l-atti taż-żjarat pastorali li kienu jsiru kultant żmien. Ngħidu aħna fis-7 ta’ Diċembru tal-1600, il-Monsinjur Tumas Gargallo żar din il-knisja u fl-atti tiegħu nsibu li kien ordna biex jiġi rranġat il-ħajt tas-sejjieħ taċ-ċimiterju li kien hemm quddiem l-knisja. Jidher li Antonio Agius, li kien dak li jieħu ħsiebha, ma tantx ta każ din it-talba għax fiż-żjara li saret ħmistax-il sena wara, jiġifieri fl-1615, l-Isqof Baldassare Cagliares reġa’ ordna li jinbidel dan il-ħajt u ta lil Agius sitt xhur żmien biex jagħmel dan, inkella l-knisja kellha tingħalaq.
Il-knisja tinbena mill-ġdid
F’Mejju tal-1679 l-Isqof Gerolamo Molina waqt iż-żjara tiegħu nnota li din il-knisja kienet saret żgħira wisq għal bżonnijiet tan-nies ta’ dik l-akkwata u ħajjar lil żewġ saċerdoti, Rokku u Frangisk Agius, biex jibnu waħda ikbar biex il-knisja tkun tista’ taqdi aħjar lin-nies tal-inħawi.
Jidher li dawn iż-żewġ saċerdoti semgħu mill-parir li tahom l-isqof Molina għax il-knisja nbniet mill-ġdid sena wara, fl-1680. Iżda xi żmien wara l-knisja reġgħet intelqet u ġiet abbandunata sakemm xi 150 sena wara, jiġifieri fl-1814, l-isqof Ferdinando Mattei ta b’Jus Patronat il-knisja u l-artijiet ta’ madwarha lil l-Assessur tiegħu Dr. Giovanni Schembri li dara dawra sewwa u anki bidel id-dedika tal-knisja minn dik tal-Assunta għal dik tad-Duluri. L-altar ġie imżejjen bil-pittura ta` Antonio Grech magħruf bħala 'Naici'. Fost ix-xogħol li għamel Schembri kien li żied zuntier u bena kampnar żgħir u fih tpoġġiet qanpiena żgħira tal-bronż. Madwar il-knisja inżergħu numru ta’ siġar taż-żebbuġ biex jikkumplimentaw il-knisja.
Iktar tard il-knisja għaddiet f’idejn il-familja Pullicino permezz taż-żwieġ ta’ Marjanna, bint Dr. Schembri, lil Dr. Arcangelo Pullicino. Bis-saħħa ta’ Dr. Pullicino, fl-1851 kienet saret kripta taħt il-knisja fuq mudell tal-injam li kien sar qabel minn Dr. Schembri, missier il-mara tiegħu. Fis-dsatax-il seklu, meta l-Monsinjur Paolo Pullicino kien jieħu ħsieb il-knisja, din kompliet tiżżejjen b’iktar affarjiet. Fost dawn insibu li Monsinjur Pullicino żejjen lil knisja b’lampier u ostensorju tal-fidda kif ukoll b’tapit. Il-qanpiena l-antika tal-bronz li kienet saret fi zmien Dr. Schembri inbidlet qabel il-gwerra minn Sir Philip Pullicino.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-knisja llum jara li għandha saqaf imdawwar (troll), mibni fuq ħnejjiet u kampnar żgħir. Fuq il-bieb prinċipali tal-knisja, mal-faċċata, hemm niċċa bi statwa ħelwa tal-Madonna, li saret madwar 60 sena ilu. Ġewwa, fiha altar tal-ħaġar, b’tabernaklu tal-irħam. Hemm ukoll Via Sagra u relikwarju.
Il-knisja tkompli tiżżejjen b’aktar opri
Jidher li minn dejjem kien hemm qima kbira lejn din il-knisja imma jidher li din żdiedet b’mod specjali wara l-aħħar gwerra bis-saħħa tal-Leġjun ta’ Marija. Kienet daħlet drawwa li wara nofs in-nhar kollu, speċjalment meta tingħata l-barka sagramentali fil-Parroċċa ta’ Santa Marija, ħafna nies kienu jmorru flimkien biex jinvistaw lid-Duluri u jgħidu kurunella jew xi talb ieħor, immexxijin minn xi membri tal-Leġjun ta’ Marija.
![Ritratt - Noel Ciantar Ritratt - Noel Ciantar](../../../Il-Kappelli/Sett03/MQB_Duluri/Ritratt---Fr-Jonathan-Farrugia-l-Il-kwadru-titulari-Oratorju--4-.jpg)
Bis-saħħa tal-Leġjun ta’ Marija, u peress li kibret id-devozzjoni, żdiedu l-offerti u bis-saħħa tagħhom sar ħafna xogħol fil-knisja. Fost l-oħrajn sar pavimentar ġdid fil-knisja, sar ir-restawr tal-kwadru devot ta’ Marija Addolorata li bil-gwarniċ skolpit u l-indurar sewa ħafna flus. Żdiedu ukoll is-siġġijiet fil-knisja u sar ventaltar ġdid. Sar ukoll xi tibdil strutturali bħal tkabbir tat-twieqi ta’ wara, biex jagħtu aktar dawl lil din il-knisja.
Fis-sena 1950 inħadmet ukoll statwa tal-Madonna għan-niċċa li hemm mal-faċċata fuq il-bieb tal-knisja, li qabel kienet baqgħet battala. Ix-xogħol tal-istatwa ħelwa tal-ġebel ħallas għalih Franġisku Saliba u l-iskultur kien Marco Montebello. Ħafna minn dan ix-xogħol sar bit-tħabrik tar-rettur tal-knisja ta’ dak iż-żmien Dun Ġużepp Xuereb.
Sfortunatament, bħal ħafna knejjes oħra bħalha, il-knisja sofriet xi ħsarat fl-aħħar gwerra dinjija. Il-kampnar ġie milqut u mġarraf, imma dan reġa’ nbena akbar u aħjar wara l-gwerra mill-imgħallem Baskal Xuereb. Intilfu ukoll xi paramenti sagri meta dawn kellhom jitneħħew minn din il-knisja minħabba ċ-ċokon tagħha. Dawn l-affarjiet sagri ittieħdu lejn il-knisja parrokkjali tal-Imqabba li ġġarrfet u nqered kull ma’ kien fiha bil-gwerra. Ta’ min isemmi li matul il-gwerra din l-knisja kienet tintuża bħala skola primarja.
Il-knisja llum
Mill-inventarji, inkluż dak iddettaljat tal-1919, ma jidhirx li qatt kien hemm xi vara marbuta ma’ din il-kappella. L-istatwa tad-Duluri li tinħareġ fil-festa tad-Duluri kienet saret bl-inizjattiva tal-Kappillan Dun Anton Vella u kienet inħadmet mill-istatwarju Mqabbi Glormu Dingli. Din kienet tbierket fl-1977. Fl-istess żmien, jiġifieri fl-1977, saret il-pittura tas-saqaf mill-Imqabbi Rosario Zammit. Din il-pittura tirrafigura s-seba` duluri tal-Madonna.
Il-knisja llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, u tinfetaħ kuljum għall-adorazzjoni.
Kitba ta’ Roderick Busuttil Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Noel Cantar u Fr. Jonathan Farrugia
|