KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Is-Santwarju
tal-Madonna tal-Ħlas
~ Ħal Qormi ~

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Madonna magħrufa bħala “Santa Marija tal-Ħlas” tinsab f’Wied is-Sewda bejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ.  Għalkemm hi aktar viċin Ħaż-Żebbuġ, din il-knisja minn dejjem kienet tagħmel ma’ Ħal Qormi.  Ma’ dan il-fatt hemm marbuta diversi stejjer.

L-isem għall-Madonna tal-Ħlas

It-tradizzjoni tgħid li din il-knisja ssejħet hekk minħabba li wara t-talb, Malta nħelset mill-iskjavitł tas-Saraċini. Oħrajn isostnu li ġiet imsejħa hekk għax ħafna nisa li kienu ser iwelldu, kienu jmorru jitolbu hemmhekk. Wara li jwelldu ħafna minnhom imbagħad kienu jmorru jippreżentaw lit-trabi tagħhom f’dan is-Santwarju għażiż, biex iroddu ħajr lill-Madonna tal-grazzja maqlugħa. Din id-drawwa kienet diġa espressjoni tad-devozzjoni speċjali lejn l-maternitą divina.

L-art magħrufa bħala Tal-Ħlas ħadet isimha minn din il-knisja ddedikata lill-Madonna della Liberazione, kif kienu jsejħulha t-Taljani.

Oriġini tal-knisja

Din il-knisja hija antika ħafna. Fil-fatt jingħad li l-ewwel knisja ddedikata lil Santa Marija tal-Ħlas inbniet fis-seklu ħmistax, jiġifieri x’aktarx fi żmien meta r-Re Alfonso kien sultan tal-Aragoniżi.  Il-knisja jingħad li nbniet fl-1495, u kienet tikkonsisti fi knisja mdaqqsa, imma nieqsa mir-rikkezzi. Madankollu kienet ħelwa ħafna u kienet tiġbed l-attenzjoni tal-bdiewa. Il-knisja kienet popolari wkoll ma’ nies ta’ nħawi oħra għax billi kienet tiġi nofs triq bejn il-Birgu u l-Imdina, l-ibliet ewlenin ta’ Malta f’dak iż-żmien, ħafna kienu jieqfu hemm biex jistrieħu mit-triq twila u fil-mistrieħ jinvistaw lill-Madonna. Ħdejn il-knisja kien hemm ċimiterju żgħir u ħafna kienu jżuruh minn madwar Malta kollha. Jingħad ukoll li ħdejn dan iċ-ċimiterju għex għal żmien twil wieħed eremita li kien iqatta’ ħajtu jitlob għall-erwieħ.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Il-knisja terġa’ tinbena mill-ġdid

Jidher li lejn nofs tas-seklu sittax il-knisja kienet fi stat ħazin ħafna. Fis-sena 1560, it-teżorier tal-Ordni, Fra Kristofru Le Boulleur de Montgaurdi, li aktarx kien imur għall-kaċċa fl-inħawi magħrufa Tal-Ħlas, u li kien devot kbir tal-Madonna, iddeċieda li jibni l-knisja mill-ġdid. Hu bena wkoll kamra għar-rettur fil-ġnejna li hemm fil-qrib. Montgaurdi ukoll ħallas għall-kwadru l-qadim li juri l-Madonna fuq is-sħab u fil-ġnub, lil San Pawl, patrun ta’ Malta u San Ġwann il-Battista, patrun tal-Ordni, bl-arma tiegħu isfel nett, u d-data 1573 li turi meta sar il-kwadru. Apparti fuq dan il-kwadru, l-arma ta’ Montgaurdi nsibuha wkoll fil-knisja. Dan il-kwadru, li sar fuq l-injam, hu ta’ preġju artistiku kbir, u llum għadna narawh fis-sagristija tal-knisja ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi. Montgaurdi kien iżur din l-knisja qabel ma kien joħrog fuq ix-xwieni tal-Ordni, li tagħhom hu kien ġeneral, biex il-Madonna tħarsu minn kull periklu, u wara li jasal lura qawwi u sħiħ, kien jerġa’ jmur biex jirrinġrazzjaha.

Fiż-żjara tiegħu Monsinjur Dusina fl-1575, żar 22 knisja u kappella f’Ħal Qormi. Hu semma l-knisja li kienet tinsab fil-limiti magħrufa Tal-Ħlas u rrefera għaliha bħala l-knisja tal-Madonna tal-Kilas jew Kalas. Żjarat appostoliċi oħra saru mill-Isqof Malti Monsinjur Baldassare Cagliares fl-1616 u l-Isqof Monsinjur Balaguer fl-1656. Dawn kollha rrimarkaw li l-knisja Tal-Ħlas kellha devozzjoni kbira, kif ukoll tissemma’ l-ġenerozitą kbira tal-Kavallier Montgaurdi li kien beneffattur kbir ta’ din il-knisja.

Tibdil fil-knisja

Bejn l-aħħar tas-seklu sbatax u nofs is-seklu tmintax sar l-akbar tibdil f’din il-knisja. Mill-viżta ta’ Monsinjur Cocco Palmieri fl-1693, jidher li l-knisja nbniet mill-ġdid. Il-bini tal-knisja mill-ġdid sar fuq l-pjanta ta’ Lorenzo Gafą. Jidher li l-knisja giet irranġata minħabba li ġarrbet ħsara kbira fit-terrimot li kien inħass fl-1 ta’ Jannar tal-1693. Jidher li meta sar dan it-tibdil, il-knisja tkabbret fuq wara fejn illum insibu l-kampnar. Il-kapillan ta’ Ħal Qormi kiteb Ruma u kien qal li l-poplu Qormi kien lest li jħallas għall-ispejjeż, sakemm din tibqa’ tagħmel mal-paroċċa ta’ Ħal Qormi. Il-permess ingħata u għalhekk mal-faċċata tidher l-arma tal-Papa Klement XI. Fuq ġewwa kien hemm l-arma tal-Isqof Cocco Palmieri, li issa tinsab fis-sagristija.
Il-knisja llum

Minn meta l-knisja reġgħet inbniet lejn l-aħħar tas-seklu sbatax saru xi tibdiliet oħra. Is-saqaf tal-knisja huwa sabiħ ħafna, kif inhuma wkoll id-dettalji li fih. Is-saqaf huwa wieħed tond u mibni b’volti mibnijin fil-ġebel b’sengħa kbira. Dawn il-volti huma mserrħin fuq il-kustilji, li huma ħnejjiet kemmxejn kbar, li kienu saru biex jagħtu aktar saħħa lis-saqaf troll. Huwa interessanti li s-saqaf ta’ din il-knisja jixbaħ ħafna l-istil tas-saqaf tal-knejjes parrokkjali u dak ta’ saqaf ta’ knejjes filjali oħra madwar Malta. Dawn wisq probabbli nbnew fl-istess żminijiet.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Snin wara li nbniet il-knisja, inħass il-bżonn li jinbena portiku addattat. Ma nafux jekk Lorenzo Gafą inkorporax il-portiku fid-disinn tiegħu, għax minn pjanti ta’ knejjes oħra li ddisinja hu li fihom portiku, għandhom għamla differenti. Il-portiku li fiha din l-knisja iktar għandu għamla ta’ loġġa, u kien iservi biex il-bosta nies li kienu jimxu fit-tul biex iżuru dan is-santwarju jieħdu xi ftit tan-nifs u kenn mix-xemx Maltija.

Fuq wara tal-knisja nsibu kampnar imdaqqas, mgħammar b’żewġ qniepen, li għalkemm ċkejknin fid-daqs, jagħmlu wkoll parti mill-istorja ta’ din il-knisja. Fuq il-qanpiena l-kbira għad hemm is-sena 1699 u l-arma tal-Isqof Cocco Palmieri. Il-kampnar jinstab fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja u dan jindika li l-knisja, meta tkabbret, tħallitilha bla mittiefsa l-parti oriġinali ta’ quddiem.

Opri tal-arti f’din il-knisja

Fil-knisja tal-Madonna tal-Ħlas hemm diversi kwadri ta’ pittura, uħud minnhom ta’ preġju kbir. Barra mill-kwadru l-antik li kien ħallas għalih il-Kavallier Montgaurdi, li llum nsibuħ fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi, insibu t-titular il-ġdid tal-Assunta, li jingħad li hu xogħol tal-iskola ta’ Franġisku Zahra fl-1773 u li kien sar b’wegħda ta’ persuna devota. Fl-apside tal-knisja hemm pittura li turi l-inkoronazzjoni tal-Madonna, li saret fl-1719 mill-pittur Enrico Arnaud, kif jixhed l-Isqof Gori Mancini.  Kwadri oħra li darba konna nsibu fil-knisja huma ta’ San Tumas, San Sidor, San Pankrazju u d-Duluri.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Fis-sagristija nsibu għadd kbir ta’ kwadri tal-wegħdi jew ex-voto, uħud minnhom antiki u oħrajn iktar riċenti. Dawn jixhdu li nqalgħu grazzji ta’ fejqan mill-mard, ħelsien mill-għarqa u ħlas tajjeb. Insibu wkoll ilbiesi ta’ trabi li ntbaghtu b’wegħda mill-Kanada. Dan juri li din il-knisja għadha popolari ħafna mal-ommijiet waqt it-tqala.

Il-knisja tal-Madonna tal-Ħlas hi miksija b’għadd ġmielu ta’ graffiti storiċi li jirrappreżentaw l-istorja.

Fundazzjonijiet u l-festa tal-Assunta

Il-knisja, li hi benefizzju, għandha fundazzjonijiet ta’ żewġ għosrien u quddiesa kantata nhar l-festa tal-Assunta, fil-15 t’Awwissu.  Quddies ieħor tħalla minn Wistin Vial li kien ħalla legat ta’ 75 skud. Dak li jifdal mill-imgħax kellu jmur għall-ħtiġijiet tal-knisja, b’att tan-Nutar Ġan Battista Curvisieri. Fundazzjoni oħra għall-quddiesa, li tħalliet minn Dun Ġwann Cilia minn Ħal Qormi, kienet tgħid li l-ispejjeż tal-quddiesa jitħallsu minn fuq id-dar fi Triq Irjali, Ħal Qormi.

Il-festa ta’ Marija Assunta dari kienet issir fil-ġurnata tagħha, fil-15 t’Awwissu, imma wara bdiet issir Ħadd wara, b’pompa ikbar. Din kienet tiġbed ammont kbir ta’ nies minn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbug, kif ukoll minn inħawi oħra ta’ Malta.   Bħal xi wħud mill-knejjes tal-kampanja, fil-knisja tal-Ħlas, wara li tispiċċa l-funzjoni, kienu jitqassmu ħbejżiet, kagħak jew ġellewż u xi tazza nbid. Il-festa għadha ssir sal-lum, b’quddiesa u fiera fil-għaxija. Wara l-quddiesa li ssir fid-9.30 ta’ filgħodu jkun hemm l-preżentazzjoni tat-trabi, u jkunu mistednin ukoll dawk in-nies li ppreżentaw t-trabi matul dik is-sena.

Il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tinfetaħ kull tielet Ħadd tax-xahar, fejn tiġi ċċelebrata quddiesa bil-preżentazzjoni tat-trabi fl-4.30pm.

 

Tal-Hlas Chapel - Painting - Maris Zammit

 

Restawr riċenti

Dan l-aħħar (Ġunju 2008) għadu kemm tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata ta’ din il-knisja kif ukoll tal-loġoġ li hemm fuq kull naħa tal-knisja. Reġgħu saru mill-ġdid l-imwejjed taħt il-loġoġ, fejn il-pellegrini kienu jistrieħu ftit qabel jew wara li jinvistaw il-knisja. Ġiet ukoll irrestawrata l-istatwa ta’ Santa Marija li hemm quddiem l-knisja. Dan ix-xogħol sar mit-Taqsima tar-Restawr.


Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Carmelo Zammit Pulo u Tony Bonello
Pittura ta’ Maris Zammit

Ħajr lis-Sur Ġorġ Mangion li għal ħafna snin b’tant dedikazzjoni kien jieħu ħsieb din il-knisja u tana ħafna informazzjoni fuqha, waqt li wkoll dawwarna magħha.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Il-kappella originali - altar (sagristija tal-lum)  Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
TalHlas - Ritratt - Carmelo Zammit Pulo
014-19770403-Santa Marija tal-Hlas-Haz-Zebbug or Qormi-ZENIT-E+1on125s+F11+Inf+35mm

Ritratt: Carmel Zammit Pulo

Ritratt: Tony Bonello

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com