KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Pedestall: Statwa Madonna tat-Triq  - Ritratt: Roderick Busuttil

IIl-knisja tal-Madonna ta' Itria
~ Binġemma - l/o Mġarr ~

F’parti mill-isbaħ tal-Imġarr f’Malta, kollha ħdura, bis-siġar tal-frott u b’raba’ mill-aqwa, bi ftit irziezet qodma għad-dell tal-għolja tan-Nadur u mxabbta magħha, fin-naħa tax-Xlokk, hemm iż-żona msejħa Ta’ Binġemma.

Fit-tarf tal-irdum insibu kappella ħelwa, pittoreska bl-isem stramb tal-Madonna ta’ Itria. Xi wħud isejħulha bħala “Il-Madonna tal-Ittra”, imma mhux il-każ għaliex propjament din il-kappella hija ddedikata lill-Madonna ta’ Hodegitria.

Binġemma

Binġemma huwa post pittoresk ħafna u l-parti fejn hemm din il-kappella hija wkoll sit storiku u arkeoloġiku. Fil-wied ta’ Binġemma li hemm jaqsam dan il-lokal, insibu diversi oqbra Puniċi Rumani, u għerien fejn kienu jgħixu n-nies primittivi. Aktar ’il fuq insibu l-fortizza Binġemma, li kienet mibnija fil-bidu ta’ żmien l-Ingliżi. Taħt l-għelieqi ta’ faċċata tal-kappella huwa maħsub li hemm xi fdalijiet Rumani għaliex fil-ħamrija għammiela ta’ dawn l-għelieqi wieħed jista’ faċilment isib biċċiet tal-fuħħar.
 

Bingemma - Ritratt: Roderick Busuttil


Minbarra dawn, f’dan il-lokal jeżistu fdalijiet aktar antiki, li huma l-kanali fil-blat magħrufin bħala l-”cart ruts”. Dawn imorru lura għal żmien preistoriku u għalkemm jeżistu diversi teoriji ta’ kif setgħu saru u għal xiex kienu jservu, xejn mhu ppruvat.

L-istorja tal-kappella

L-ewwel kappella li kien hemm f’dan il-lokal inbniet fl-1600 min-nobbli Giovanni Maria Xara f’waħda mill-artijiet tiegħu. Din il-knisja, li kienet iddedikata lill-Beata Verġni Marija ta’ Itria (Hodegitria), kellha ċimiterju żgħir quddiemha u kienet miżmuma kif jixraq.

F’din il-kappella kien hemm altar wieħed tal-ġebel, u fuqu kien hemm kwadru tal-Madonna ta’ Kostantinopli. Kellha qanpiena tal-bronż, imma kienet nieqsa minn kull ħaġa oħra. Kienet issir il-festa tal-Madonna fit-tielet Ħadd wara l-Pentekoste. L-Isqof ordna li jsirilha bieb u li tiġi mgħammra b’kulma kien meħtieġ biex fiha jkun jista’ jsir il-quddies għall-bdiewa u r-raħħala li kienu jgħixu f’dak il-lokal. Il-werrieta ġew imwissija biex ikomplu l-obbligi li kellhom fil-wirt.

Din il-knisja ġiet xi ftit ittraskurata u qdiemet għal kollox u kienet ser taqa’ u fl-1658, l-Isqof Molina pprofanaha.  Iżda fl-1680, in-neputi ta’ Giovanni, il-Baruni Stanislaw Xara, li kien il-kaptan tal-Virga tal-Imdina bejn 1671 u l-1673, iddeċieda li minn butu jħott din il-knisja ċkejkna u bl-istess ġebel u xi ġebel ieħor jibni oħra ikbar; u hekk inbniet din il-kappella ħelwa li hemm illum, ftit akbar mill-oħra, u ftit ‘il bogħod minn fejn kienet il-knisja ta’ qabel.

Il-Baruni Stanislaw Xara ntrabat u waqqaf benefizzju ta’ ġuspatronat, marbut mal-knisja l-qadima, u rabat il-ġid kollu tiegħu f’Malta u Għawdex biex jagħmel tajjeb għal dan. Huwa ntrabat li jekk il-knisja taqa’ u tinbena oħra minflokha bl-istess titolu u qrib l-istess post, il-benefizzju u t-tagħmir kollu jgħaddi għal din il-knisja l-ġdida. Huwa żamm biss il-kundizzjoni li din il-knisja u kull waħda oħra minflokha tkun meħlusa minn taħt idejn il-kappillan u l-parroċċa u tkun soġġetta biss għall-Isqof tad-djoċesi.

Din il-kappella ġiet iddedikata lill-Madonna ta’ Itria, jew kif tfisser bil-Malti, il-Madonna tat-Triq (“li turina t-Triq”), titlu li f’dawk iż-żminijiet kien popolari ħafna.  Fil-fatt kien hawn diversi kappelli ddedikati hekk, fosthom il-kappella tal-Griegi li kienet tinsab ħdejn il-bieb tal-Griegi fl-Imdina. Maż-żmien, din id-devozzjoni ntilfet, u llum kulma baqa’ hawn Malta hija biss din il-kappella li ġġib dan it-titolu.
 

Ritratt: Roderick Busuttil


Fl-1722 l-isqof Gori Mancini sab il-knisja l-ġdida mgħammra tajjeb ħafna bl-istess kwadru titulari li kien hemm qabel u bil-lampier jixgħel quddiemu.  Il-fundazzjoni tal-quddies magħmula mill-Baruni Stanislaw Xara kienet qiegħda ssir regolarment. Wara din il-knisja huwa mar jara l-fdalijiet tal-knisja l-qadima li skont il-liġi kanonika, kellhom ikunu mdawrin b’ħajt tal-ġebel b’salib tal-injam f’nofsha.

Il-kappella baqgħet dejjem tinżamm tajjeb mis-sinjuri Xara u l-werrieta tagħhom u baqgħet tiġi moqdija minn saċerdot għall-quddiesa fil-Ħdud u l-festi. L-isqfijiet kienu jagħmlu żjara lil din il-knisja fil-viżti pastorali minħabba li kienet knisja marbuta ma’ benefiċċju. Dejjem sabu miżmuma tajjeb l-affarijiet meħtieġa għall-quddiesa u r-reġistri tal-quddies, kif ordnat mill-isqof Cocco Palmieri.

Fl-1870, il-Kontessa Marija Antonia Sant waqqfet l-istazzjonijiet tal-Via Sagra bl-approvazzjoni tal-Papa, mogħtija b’digriet tat-28 ta’ Diċembru 1870.

Il-kappella minn barra

Il-kappella tikkonsisti fil-knisja, sagristija żgħira mibnija mal-ġenb tal-knisja, u li għandha bieb għal barra, u kamra żgħira fuq is-sagristija, li kienet isservi bħala post fejn jistrieħ il-qassis li kien imur iqaddes f’din il-kappella. Jidher ċar li s-sagristija u l-kamra li hemm fuqha nbnew wara, għax it-travi tas-soqfa huma tal-ħadid.

Din il-kappella qiegħda mibnija fuq xifer il-blat, fejn taħtha hemm għaddej il-Wied ta’ Binġemma. Eżatt taħt din il-kappella hemm qabar Puniku mħaffer fil-blat, li l-parti ta’ barra tiegħu, xi żmien ilu, ġiet imċarrta min-nies tal-inħawi biex saret forma ta’ għar.  Dan l-għar kien iservi biex il-qassis li kien jitla’ mill-Mosta fuq il-ħmar mis-Sibt filgħaxija, ikollu fejn iserraħ din il-bhima għal matul il-lejl. Fil-fatt, fl-għar jidher ukoll fejn kien jorbot il-ħmar.

Il-knisja għandha zuntier żgħir ħelu ħafna, b’erba’ tarġiet fin-nofs, li minnhom tidħol fil-knisja. Fil-bieb prinċipali tal-kappella hemm żewġ twieqi waħda f’kull bieba sabiex wieħed ikun jista’ jittawwal fil-knisja anke meta l-bieb ikun magħluq. Il-faċċata hija sempliċi, bit-tarf imqabbeż ftit ’il barra forma ta’ disinn. Fuq il-bieb hemm tieqa tonda, u fuq din it-tieqa hemm arma ġentilizja bi tliet siġriet tal-Baruni Stanislaw Xara, li bena din il-knisja. Fuq il-knisja hemm kampnar forma ta’ arkata b’salib fuqu. Fil-kampnar hemm qanpiena tal-bronż.   Fil-kantunieri tal- faċċata, fuq nett, hemm disinji triangolari tal-ġebel li jagħtu l-kappella l-impronta karatteristika tagħha u li jagħmluha tingħaraf mill-ewwel.

Il-kappella minn ġewwa

Il-kappella minn ġewwa hija sempliċi ħafna f’dik li hi arti sagra, bħall-knejjes l-oħra ta’ qalb il-kampanja, iżda hija ħelwa ħafna. Għandha altar wieħed tal-ġebel, u quddiemu hemm altar żgħir f’forma ta’ mejda tal-injam. Hemm ukoll il-Via Sagra li diġą semmejna u hemm ukoll pittura ex-voto.  Fuq it-tieqa tonda ta’ fuq il-bieb insibu lapida li fuqha hemm miktub bil-Latin: “Aedem in honorem bvm de Itria Gio Maria Xara Alibi Aedificatam 1600 Baro. Stanislaus Xara nepos dotavit 1680 ed ad hvnc transtulit locum ac amplioriem formam a fudamentio erexit” li tikkommemora t-twaqqif tal-ewwel kappella tal-1600 u l-bini mill-ġdid tal-kappella l-ġdida fil-viċin minn Giovanni Maria Xara u Stanislaw Xara rispettivament. Il-knisja għandha saqaf troll u ħdejn il-gwarniċun tal-kwadru titulari hemm żewġ twieqi żgħar ħafna, biex ikomplu jagħtu d-dawl lil din il-kappella.


Ritratt: Roderick Busuttil


Il-kwadru titulari li jinsab fil-kappella llum huwa sempliċiment ritratt, kopja stampata ta’ dak oriġinali li kien tpitter minn Stefano Erardi fl-1681. Dan il-kwadru jirrappreżenta lill-Madonna u Ġesł Bambin li qegħdin fuq tron li qiegħed miżmum fil-parti t’isfel mill-qaddisin San Pawl, San Franġisk t’Assisi, San Ġakbu, San Duminku, Sant Antnin ta’ Padova u Santa Roża li huma qaddisin kbar li mxew wara Ġesł fit-triq it-tajba. Il-pittura oriġinali tinsab fil-mużew ta’ Sant’Agata. Jidher li dan il-kwadru tneħħa minn din il-kappella minħabba l-biża’ li dan jista’ jinsteraq, kif sfortunatament ġara lill-pitturi oħra f’kappelli oħrajn tal-kampanja.

Attivitajiet fil-kappella

Fis-sena 2000 fl-okkażjoni tal-bidu ta’ millenju l-ġdid, fl-għalqa ta’ quddiem il-knisja tpoġġiet statwa tal-Madonna b’Ġesł Bambin f’dirgħajha, imlaqqma l-Istatwa tal-Millenju. Din kienet saret b’wegħda.

Il-festa titulari ta’ din il-kappella għadha tiġi ċċelebrata bil-kbir fl-aħħar Ħadd t’Ottubru. Il-festi jinkludu anki tlett ijiem ta’ tridu, biex imbagħad is-Sibt lejlet il-festa, issir ħuġġieġa tradizzjonali quddiem il-kappella. F’nhar il-festa l-kappella tkun miftuħa l-ġurnata kollha, u wara nofs in-nhar issir purċissjoni żgħira akkumpanjata minn banda fejn jitkantaw Innjiet Marjani u tingħad it-talba tar-Rużarju. Wara hemm tradizzjoni fejn kulħadd iġib xi ħaġa tal-ikel miegħu biex imbagħad isir festin żgħir li jagħlaq il-festa.

Il-kappella hija miżmuma tajjeb ħafna u llum qiegħda f’idejn is-Soċjetą Missjunarja ta’ San Pawl.  Ir-Rettur preżenti tagħha huwa Fr. Gerald Bonello MSSP. Fiha jsir quddies kull nhar ta’ Ħadd u fil-festi kmandati fis-7.00 ta’ filgħodu għall-bdiewa u raħħala li għadhom joqogħdu f’dawn l-inħawi.

Ħajr lil Fr. Victor Zammit MSSP talli tana ħafna informazzjoni u qagħad idawwarna mal-kappella.

Kitba ta’ Joe Brincat
Proof Reading ta’ Tony Bonello
Ritratti ta’ Roderick Busuttil, u Dorianne Buttigieg

Dettal faccata - Ritratt: Roderick Busuttil
Kopja ta' ikona tal-Madonna ta' Itria - Ritratt: Roderick Busuttil
Titular Madonna ta' Itrea - Ritratt: Roderick Busuttil
Ghar fejn kien hemm qabar puniku taht knisja - Ritratt: Roderick Busuttil
Lapida - Ritratt: Roderick Busuttil
Exvoto - Ritratt: Roderick Busuttil
Madonna tat-Triq - Ritratt: Roderick Busuttil
Is-saqaf troll - Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Dorianne Buttigieg

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017