KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Caroline Busutt

Il-knisja ta’ San Ġiljan
~ L-Isla ~

L-unika kappella li nsibu fil-belt tal-Isla hija dik iddedikata lil San Ġiljan, li tinsab fi Triq San Ġiljan kantuniera ma’ Triq iż-Żewġ Mini.

Oriġini

Waħda mill-knejjes antiki li hawn f’Malta, hija bla dubju, il-kappella ta’ San Ġiljan, ġewwa l-Isla. Din tmur lura għas-sena 1311, meta Malta kienet għadha taħt il-ħakma tal-Aragoniżi. Ma’ din il-knisja kien hemm ukoll ċimiterju. Din inbniet f’post li kien diġ msejjaħ l-Għolja ta’ San Ġiljan. Dan il-lokal hu ftit metri biss ’il fuq mil-livell tal-baħar. Dak iż-żmien l-Isla kienet kollha art mogħxa bi ftit siġar ’l hawn u ’l hinn.


Ritratt: Caroline Busuttil


’Il fuq minn mitejn sena wara, eżattament fl-1522, l-Ordni ta’ San Ġwann li kien qiegħed jiġġieled kontra t-Torok, tkeċċa minn Rodi, u wara ħafna taħbit, ingħataw Malta mill-Imperatur Karlu V ta’ Spanja.

Il-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien, L’Isle Adam, kien iħobb il-kwiet u l-kaċċa, u għalhekk beda jmur ħdejn din il-kappella biex jikkaċċja u jistrieħ. Fil-fatt insibu li dan il-Gran Mastru, iktar tard, bena dar kbira li saret magħrufa bħala Villa Sirena. Il-Gran Mastru ħawwel ukoll għadd kbir ta’ siġar taż-żebbuġ f’din il-biċċa art, u n-nies bdew issejħulha Buskett. Il-kavalieri bdew imorru hemm għall-kaċċa, għaliex sabuħ qrib ħafna tal-Birgu u setgħu imorru meta jridu.

Fl-1539, il-Kavallier Fra Diego Perez De Malfreire, Prijur tal-Portugal, u inġinier militari u arkitett tal-Ordni, ħa ħsieb li minn flusu jwaqqa’ u jibni mill-ġdid din il-kappella ħelwa fuq disinn u pjanti tiegħu stess.

Fl-1553, laħaq Gran Mastru l-Franċiż, Fra Claude de la Sengle, u dan beda jibni l-Isla. Beda wkoll jibni l-fortifikazzjonijiet tagħha, u ftit wara bdew imorru joqogħdu n-nies hemm. Tnax-il sena wara, jiġifieri fl-1565, seħħ l-Assedju l-Kbir ta’ Malta u matul dan iż-żmien din il-kappella serviet bħala knisja sagramentali, fejn is-sevizzi reliġjużi u l-priedki kienu jsiru b’devozzjoni kbira. F’dan il-perijodu din il-kappella kienet post ta’ faraġ spiritwali u ta’ refuġju għall-popolazzjoni Sengleana li kienet qed tiġi assedjata, kif ukoll għall-Kavallieri u s-suldati, li kienu qegħdin stazzjonati hemm.

Żjarat Appostoliċi f’din il-kappella

Il-Monsinjur Pietru Dusina żar lil din il-knisja ta’ San Ġiljan bħala Viżitatur Appostoliku fid-19 ta’ Frar tal-1575. In-nies tal-Isla ta’ dak iż-żmien talbuh il-permess biex iżommu bi flushom saċerdot approvat mill-Isqof biex ikun jista’ jqaddsilhom u jamministra s-Sagramenti f’din il-kappella, bi skomdu kbir għalih, billi ried iġib is-Santissmu Sagrament mill-Birgu. Iżda l-permess ingħatalhom. Mons. Dusina, hawn ukoll ħatar lil din il-Knisja ta’ San Ġiljan, bħala Viċi Parroċċa tal-Paroċċa tal-Birgu. Biss, inżamm id-dritt lejn il-Kappillan tal-Birgu biex hemm jiġi amministrat is-Sagrament tal-Magħmudija. Dan kien l-ewwel każ fejn knisja f’Malta tingħata dan it-titolu ta’ Viċi Parroċċa. Sentejn wara twaqqfet il-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament f’din il-knisja bl-iskop li xxerred id-devozzjoni lejn il-preżenza ta’ Ġes fl-Ewkaristija. Xi snin wara beda jsir it-tagħlim reliġjuż f’din il-kappella minn Dun Vinċenz Caruana li iktar tard laħaq it-tieni kappillan tal-Isla.

L-Isqof Baldassere Cagliares, fit-2 ta’ Novembru 1624, offra din il-knisja lill-patrijiet Agostinjani Skalzi, u dawn min-naħa tagħhom mill-ewwel aċċettaw li jieħdu ħsiebha. Iżda wara biss sitt xhur, għal xi raġuni jew oħra, ma baqgħux jieħdu ħsieb din il-kappella.

Raimondo di Domenico pitter kwadru artistiku ta’ daqs ċkejken ta’ San Ġiljan. Dan kien fl-1699. Dan il-kwadru, li kien juri lil dan il-qaddis minn qaddu ’l fuq, tpoġġa f’din il-kappella ddedikata lilu.

Ritratt: Victor Pulis


Il-knisja terġa’ tinbena mill-ġdid

F’Jannar tal-1693, terremot laqat lil Malta. Dan kien l-agħar terremot tal-istorja ta’ pajjiżna, u din il-kappella ta’ San Ġiljan ġarrbet ħsarat kbar. Sitt snin wara, fi żmien il-Kappillan Dun Mikiel Testaferrata, ġie deċiż li l-knisja ta’ San Ġiljan titwaqqa’ għal kollox, minħabba li ma kenitx fi stat tajjeb u li terġa’ tinbena mill-ġdid.

Wara li tlestew il-pjanti, beda x-xogħol fuq din il-knisja l-ġdida. Fl-1710 tlestiet parti sew minnha. Fl-1712 tlesta għal kollox il-bini mill-ġdid ta’ din il-kappella fuq pjanta tal-arkitett Malti Lorenzo Gaf. Dan l-arkitett żamm il-proporzjon u d-disinn ta’ Malfriere fil-faċċata. Fuq din il-faċċata tpoġġiet ukoll l-istemma tal-Isqof Davide Cocco Palmeri.

Fl-1729 tneħħiet arkata b’żewġ qniepen li kien hemm mal-faċċata tal-knisja u minflokha nbena kampnar fuq in-naħa ta’ Triq Iż-Żewġ Mini. Dan sar fuq id-disinn tal-arkitett Senglean Franġisku Azzopardi. Aktar tard fl-istess sena tkabbret ukoll is-sagristija.

L-Isqfijiet minn dejjem kellhom qima lejn din il-kappella u fis-27 ta’ Jannar tal-1730 l-Isqof Paolo Alferan de Bussan żar din il-knisja u onora bil-preżenza tiegħu, il-festa titulari ta’ San Ġiljan. Fi żmien l-Isqof Giov. Carmine Pellerano, fl-1774, twaqqfet il-Fratellanza tad-Duttrina Nisranija f’din il-knisja. B’rabta mat-twaqqif ta’ din il-Fratellanza, sar altar f’ġieħ San Vinċenz de Paule.

Fl-1808 ingħata bidu għal devozzjoni partikulari, lejn La Madonna della Mercede (Il-Madonna tas-Sokkors) li xbieha tagħha hija vvenerata fuq l-altar maġġur.

Il-kwadru titulari

Giovanni Baptista Bonomo pitter il-kwadru titulari ta’ San Ġiljan li nistgħu naraw illum. Il-kwadru juri lill-Qaddis liebes l-armatura ta’ Kavallier. Fl-isfond wieħed jista’ jara xena panoramika tal-Forti Sant’ Anġlu u l-Forti San Mikiel. Fuq dan il-kwadru naqraw il-kelmiet mill-Ktieb tal-Profeta Isaija “Protegam Civitatem Istam” (Jien ser nipproteġi din il-Belt). Fl-1868, Mastru Anton Busuttil naqax fil-ġebel l-istatwa ta’ San Pawl li hemm fil-kantuniera tal-Knisja ta’ San Ġiljan.

F’Marzu tal-1927, is-Santa Sede aċċettat it-talba u tat il-permess li fil-Knisja ta’ San Ġiljan issir il-liturġija tat-tberik tax-xemgħa fil-festa tal-Kandlora, il-liturġija tat-tberik tal-irmied f’Ras ir-Randan kif ukoll l-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u t-Tridu tal-Għid.

Fl-aħħar gwerra dinjija l-bini ta’ madwar il-Knisja ta’ San Ġiljan waqa’ kważi kollu bil-ħbit tal-għadu. Għalkemm il-Knisja innifisha baqgħet sħiħa, sofriet ħafna ħsarat mill-blast tal-bombi li waqgħu fuq id-djar fil-viċin.

Fl-1944, wara li l-istatwa mirakoluża ta’ Ġes Redentur inġiebet lura l-Isla mill-Kolleġġjata ta’ Birkirkara, fejn ittieħdet minħabba l-perikli tal-gwerra, inżammet għal xi żmien f’din il-knisja, sa ma tlestiet ir-rikostruzzjoni tal-Oratorju tal-Kurċifiss fl-1947.

Storja riċenti

Fl-1998 inħatt il-kampnar minħabba li kien fi stat dilapidat ħafna. Dan reġa’ nbena mill-ġdid fuq l-istess qisien u disinn oriġinali tiegħu. Dan il-kampnar fiħ erba’ qniepen. Waħda mill-qniepen li hemm fil-kampnar, dik li tħares lejn il-lvant, iġġib id-data 1723. Qanpiena oħra, dik li tħares lejn il-Punent, iġġib id-data 1905. It-tnejn l-oħra, dawk li jħarsu lejn it-Tramuntana u lejn in-Nofsinhar, iġibu d-data 1906.

Ritratt: Victor Pulis


Dan l-aħħar f’din il-kappella saru diversi tiswijiet. Per eżempju, fis-sena 2001 sar restawr estensiv tal-Knisja minn ġewwa, u fl-2003 sar restawr tal-prospettiva,  stil Barokk, li ddawwar il-kwadru titulari, kif ukoll restawr tal-istess kwadru.  Dawn naturalment qamu spejjeż kbar

Il-festa Titulari ta’ San Ġiljan tiġi ċċelebrata f’Jannar ta’ kull sena, u f’dik il-ġimgħa tal-festa, isiru diversi funzjonijiet reliġjużi f’din il-kappella, ad unur dan il-qaddis.


Kitba ta’ Fabian Mangion
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Fabian Mangion, u Victor Pulis

Ritratt: Caroline Busuttil
2013_01_20_7858Caroline
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
2013_01_20_7864Caroline
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Fabian Mangion
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017