KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta’ Santa Marija
ta’ Bir Miftuħ
~ Gudja ~

Ritratt - Noel Ciantar

Faċċata tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta, fl-inħawi tal-Gudja, wieħed isib il-knisja ta' Bir Miftuħ, knisja mdawra bis-siġar taż-żebbuġ illi mill-ewwel tiġbed l-għajn ta’ min jgħaddi minn din in-naħa. Din il-knisja, li hi ddedikata lil Santa Marija, hi waħda mill-aktar antiki li nsibu f’dawn l-gżejjer. Xi ftit snin ilu ġiet irrestawrata u bħalissa tinsab fi stat tajjeb ħafna. Il-knisja għandha importanza kemm storika kif ukoll arkitettonika minħabba l-affarjiet li nstabu fiha matul r-restawr estensiv li sar fiha.

Oriġini

Meta fl-1436 l-Isqof Senatore de Mello irrefera għall-għaxar parroċċi antiki li sab f’dawn l-gżejjer fl-atti tiegħu  (l-hekk imsejjaħ “Rollo”), dawn kienu jinkludu dik ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ. Dan ifisser li sa din id-data din il-knisja kienet diġÓ teżisti u diġÓ kienet parroċċa iżda jista’ jingħad fiż-żgur li l-knisja ta’ Bir Miftuħ kienet ilha sservi ta’ parroċċa minn ħafna snin qabel. Din kellha limiti estensivi ħafna li kienu jinkludu l-Gudja, Ħal-Kirkop, Ħal-Safi, l-Imqabba, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, Ħal Farruġ u Birzebbuġa.

Ritratt - Noel Ciantar

 

Il-knisja li kienet iddedikata lil Santa Marija jingħad li nbniet iktar minn 600 sena ilu, jiġifieri fis-seklu ħmistax. Il-knisja kienet ikbar minn dik li naraw illum u ċċekknet fid-daqs fl-1512. Jingħad li ma’ ġemb din il-knisja kien hemm diversi knejjes żgħar oħrajn bħalma kien ħafna drabi jiġri.  Fost dan insibu tal-Assunta, tan-NativitÓ ta’ Sidtna Marija, ta’ San Bastjan, ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Katerina, li maż-żmien ġew abbandunati u ġġarfu.
 
Iż-żjara ta’ Monsinjur Dusina f’Bir Miftuħ

Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann waslu f’Malta huma kienu waqqfu kmand tad-difiża f’Bir Miftuħ. Il-knisja ġiet iddisakrata fl-1565 matul l-Assedju l-Kbir kontra t-Torok.

Meta d-Delegat Appostoliku Monsinjur Dusina żar lil Bir Miftuħ fl-1575 sab lil din il-knisja fi stat tajjeb ħafna biex isservi l-Ufficcju Divin. Hu semma li l-knisja kellha żewġ altari li t-tnejn kienu ddedikati lil Assunta.  Hu rrakkomanda li wieħed minnhom kellha tinbidillu d-dedika.  Monsinjur Dusina sab li s-sagrament kien jinżamm ġo armarju sempliċi fuq l-altar.  Għalhekk hu ta kmand li jinħadem tabernaklu ġdid biex fih jitpoġġa s-sagrament. Billi din il-knisja, bħal oħrajn bħalha kienet tintuża għad-dfin, Monsinjur Dusina rrimarka li  għandhom jitħaffru oqbra aktar addattati minn dawk li kien hemm f’nofs il-knisja.

Fi żmien iż-żjara tal-Monsinjur Dusina fl-1575 insibu li l-parroċċa ta’  Bir Miftuħ kellha 55 knisja filjali li kienu 5 f'Bir Miftuħ, 9 fil-Gudja, 5 Ħal Tarxien, 3 f’Ħal Kirkop, 8 fl-Imqabba, 4 f’Ħal Safi, 2 f’Ħal Farruġ u 11 f'diversi limiti ta' dawk l-inħawi.

 

Ritratt - Victor Pulis

 

Il-knisja tiġi attakkata u misruqa għal diversi drabi
 
Din il- knisja ma kienetx f’xi ċentru tar-raħal iżda fost il-kampanja qalb l-għelieqi u r-raba u għalhekk kienet esposta għal attakki u serq.  Sfortunatament din il-knisja ġiet attakkata għal iktar minn darba mill-furbani Torok.   Dwar dawn l-attakki nsibu diversi stejjer u tradizzjonijiet fosthom li minħabba s-serq ta’ spiss li kien isir minn din il-knisja,  it-teżori li kienu jinstabu fiha, kienu ġew moħbija f’oqbra fil-knisja.  Skont storja oħra dawn ġew mitfuha ġo bir viċin il-knisja flimkien mal-qniepen l-antiki li kien hemm fuq il-kampnar tagħha – u naturalment, bħal dejjem, dawn qatt ma kienu nstabu ...

Minħabba l-biża tal-attakki mil-furbani in-nies tal-inħawi tal-knisja kienet aktar daħlet tgħammar 'l ġewwa lejn in-naħat magħrufa bħala tal-Gudja, b'riżultat li fix-xitwa nħolqu diversi inkonvenjenzi minħabba l-wied li kien hemm bejn ir-raħal tal-Gudja u Bir Miftuħ.  Fl-1656 l-isqof Balaguer aċċetta t-talba tan-nies li kienu jgħammru fil-Gudja li tinbena knisja oħra fil-qalba tar-raħal bil-kundizzjoni li l-parroċċa tibqa’ Bir Miftuħ bl-amministrazzjoni tas-Sagramenti.  Kienu bosta raġunijiet validi li resqu l-Gudjani, fosthom li kien qiegħed issir spiss serq minn Bir Miftuħ, (f'perjodu ta' 35 sena kienu saru ħames serqiet mill-knisja), serq mill-kaxxa tal-offerti, paramenti tal-altari kif ukoll kien hemm serq akkumpanjat bi vjolenza.

Jinsteraq pissidi bl-ostji ikkonsagrati mill-knisja ta’ Bir Miftuħ

Serqa kbira kienet dik tas-24 ta' Jannar 1663, fejn kien insterqu diversi affarijiet u fost dawn kien hemm pissidi b'ostji ikkonsagrati. Dan is-sagrileġġ kbir ġiegħel lill-Gran Mastru ta’ dak iż-żmien Rafel Kottoner u l-Isqof Balaguer li jikkundannaw dan l-att gravi u ħarġet l-iskomunika lil dawk li għamlu dan l-att faħxi. Dan il-pissidi kien instab fil-knisja ta' San Ġakbu l-Belt (l-ewwel waħda, mhux dik li hemm illum) vojt mingħajr ostji wara tlett ijiem. Il-piena għal dawn l-ħallelin kieku nqabdu kienet tkun il-mewt, għax f’dak iż-żmien l-Inkwizzizzjoni kienet tat is-sentenza tal-mewt għall-offiżi ħafna inqas gravi. Din is-serqa kienet ġiet investigata b’mod l-iktar rigoruż mill-Inkwizitur, imma l-ħallelin qatt ma kienu nqabdu. Dan minkejja li dak iż-żmien f’Malta kien hawn tlett awtoritajiet reliġjużi ewlenin li kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann , l-Isqof u l-Inkwizitur li għamlu dak kollu possibbli biex ikunu huma li jaqbdu lil dawk li għamlu dan l-att sagrilegu. Ta’ min jgħid li dawn l-ostji li qatt ma nstabu, kien maħsub li intużaw għal riti sataniċi li ġieli kienu ġew irrappurtati li kienu jsiru f’Malta dak iż-żmien.

Żgur li dan il-każ qawwa aktar il-qlub tal-Gudjani biex bil-bżulija u l-ħidma tagħhom il-knisja l-ġdida fil-misraħ tal-Gudja tkun lesta mill-aktar fis possibli. Ta’ min isemmi li dan l-fatt storiku tas-serq tal-pissidi mill-knisja ta’ Bir Miftuħ ispira lill-kittieb Malti Mikiel Spiteri magħruf aħjar bħala Kilin biex jikteb r-rumanz storiku tiegħu “L-Għafrid”, li fuq din l-grajja bbaża storja li tkexkex.

Parroċċi li ħarġu mill-knisja ta’ Bir Miftuħ u mill-Parroċċa tal-Gudja

Kif semmejna qabel il-knisja ta’ Bir Miftuħ kellha limiti estensivi li kienu jinkludu l-Gudja, Ħal Kirkop, Ħal Safi, l-Imqabba, Ħal Tarxien, Ħal Luqa u  Ħal Farruġ. Fis-seklu sbatax insibu li Ħal Farruġ ftit li xejn baqa' abitabli. Ħal Tarxien u Ħal Kirkop saru parroċċi fil-1592, Ħal Safi u l-Imqabba fil-1598 u Ħal Luqa fil-1634. Meta l-amministrazzjoni tal-parroċċa ta’ Bir Miftuħ giet ittrasferita lejn il-parroċċa tal-Gudja minn din ħarġet il-paroċċa ta’ Birżebbuġia fl-1913. Iktar tard mill-parroċċa ta' Ħal Tarxien ħarġu l-parroċċi ta' Raħal Ġdid u aktar tard ħarġet il-parroċċa ta' Lourdes. B'hekk il-parroċċa tal-Gudja bdiet tissejjaħ Arċimatriċi u bir-raġun kollu li l-motto magħżul ta' din il-parroċċa huwa Plurebus Parens, li jfisser “omm ta' bosta wlied’.  Il-knisja ta’ Bir Miftuħ baqgħet iservi bħala parroċċa sa l-1676.

Il-knisja

Il-knisja ta’ Bir Miftuħ hija eżempju mill-aqwa ta' arkitettura Medjevali. Il-pjanta hija sempliċi u mingħajr l-ebda elaborazzjoni. L-arkati tagħha jitilgħu għall-ponta u hija msaqqfa b'xorok twal tal-ġebla tal-franka. L-altar li hemm fil-kappella inħadem fit-18-il seklu u nġieb minn Ħal Farruġ (ir-raħal u d-djar ta' Ħal Farruġ ġew imwittija mill-Gvern Kolonjali biex saret l-airstrip fuq in-naħa tal-Imqabba).

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Din il-knisja  hi ddedikata lil Santa Marija tax-xahar t'Awissu, għanda altar wieħed, b’titular li jirrapreżenta lill-Missier Etern iżomm salib u mdawwar bl-anġli. Fl-ispazju ta’ taħtu hemm xena ta’ għolja fejn il-Madonna bil-Bambin tidher bil-qiegħda fuq is-sħab, filwaqt li wieħed fuq kull naħa jidhru San Pietru u San Pawl. L-altar maġġur kien ġie kkonsagrat fis-26 ta' Marzu  tal-1591 mill-Isqof Tumas Gargallo. Fuq il-bieb prinċipali nsibu affreski li jmorru lura għal qabel nofs is-seklu sittax. Dawn l-affreski kienu ġew restawrati bil-ħidma ta' Din l-Art Ħelwa u l-Ħal Millieri Bir-Miftuħ Trust.

Fost il-kappillani li kellha din il-kappella nsemmu lil Dun Bartolomeo Mangion li kien jagħmilha ta' Locum Tenens fl-assenza tal-Isqof Gargallo. Tifkira tiegħu hija lapida b'mitra fuqha li tinsab fil-knisja parrokkjali tal-Gudja. F'din il-knisja, twaqqfu minn Monsinjur Dusina l-ewwel tliet fratellanzi fir-raħal tal-Gudja. Dawn huma tas-Santissmu Sagrament, dik tar-Rużarju u l-fratellanza tal-Agunija.

Fl-1830 l-Baronessa Bettina Muscat Cassia D’Aurel irrestawrat din il-knisja. Dan kien imfakkar b’emblema tal-familja tagħha li kienet fuq wieħed mill-bibien tal-knisja. Sfortunatament din l-emblema nsterqet mill-knisja xi snin ilu.

Fid 9 t'April 1942, il-knisja ta’ Bir Miftuħ ġarrbet ħsara kbira meta nofs is-saqaf waqa' iżda imbagħad aktar tard ġie msewwi mill-kapillan tal-Gudja Dun Rapa. Huwa kien ukoll għamel paviment ġdid fil-knisja.

Ta’ min jgħid illi l-knisja kienet mitluqa sakemm fl-1970 il-knisja Maltija afdatha "in trust" lill-għaqda volontarja Din l-Art Ħelwa.

Restrawr estensiv minn Din l-Art Ħelwa f’Bir Miftuħ

Minħabba t-telqa kbira li kienet waqgħet fiha din il-knisja, l-awtoritajiet Ekklesjastiċi Maltin għaddew din il-knisja f’idejn l-għaqda volontarja Din l-Art Ħelwa. Dawn mill-ewwel għarfu li din il-knisja kienet teżor kbir u middew għonqom għax-xogħol ta’ restawr. Matul ir-restawr tal-knisja li nbeda fl-1973, wara tneħħew sitt saffi ta’ kisi, inkixef affresk fuq il-faċċata tal-bieb ta' barra. L-affresk imur lura għas-seklu sittax. Dan l-affresk inkixef bejn l-1978 u l-1980. Għalkemm baqgħalna biss ftit biċċiet mill-affresk oriġinali, m'hemmx dubju li s-suġġett huwa l-Ġudizzju Universali tal-aħħar tad-dinja. Dan huwa mqassam fi tliet saffi ta’ figuri.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Fuq il-ħajt tat-tramuntana hemm pittura ta’ mara b’ġiljuwa f’idha u tipponta lejn il-pittura prinċipali fuq l-altar. Il-ħwejjeġ li liebsa din il-figura femminili kienu komuni fil-bidu tas-seklu sittax.  X’aktarx il-beneffatturi ta’ dan l-affresk kienu l-familja Bonici għax l-emblema tagħhom hija l-fjura tal-ġilju.

L-affreski uniċi li nstabu f’din il-knisja kienu rrestawrati minn George Farrugia li ħa l-istudji tiegħu fl-Istitut tar-Restawr ta’ Ruma.

Ir-restawr tal-knisja kompla billi tneħħa l-pavimentar tal-knisja li kien sar fl-1942 u floku tpoġġiet ċangatura kemm fil-knisja nfisha, kif ukoll fuq l-passaġġ li jwassal għaliha. Minn żmien għal żmien esperti tar-restawr tal-affreski iżuru l-knisja biex jispezzjonnaw d-deterjorament tagħhom. Finalment fis-sena 2004 tlesta x-xogħol kollu ta’ restawr fil-knisja, kif ukoll fl-inħawi ta’ madwarha.

Fil-preżent, il-kumpannija Malta International Airport (MIA) qiegħda tikkontribwixxi għall-manteniment u r-restawr tal-knisja ta’ Bir Miftuħ.   Fl-2009 l-MIA irrestawrat it-titular tal-knisja kif ukoll l-altar maġġur tal-ġebel tal-franka li hemm taħtu.  It-titular jinsab ġo gwarniċ tal-ġebel skolpit u hu maħdum bit-tempera u ż-żejt fuq l-injam.  Ma nafux wisq fuq dan il-kwadru iżda jidher li sar fit-tieni nofs tas-seklu sittax.  Il-proċess ta’ restawr kien diffiċli minħabba li hu mpinġi fuq l-injam li kkawża qsim fil-ġonot.  Ir-restawraturi ħolqu sistema fejn l-injam seta’ jespandi u jiċkien mingħajr ma jagħmel ħsara lill-pittura.  L-ewwel nett kellhom ukoll ineħħu l-interventi ta’ restawr ta’ emerġenza li kien sar qabel matul iż-żmien.  Huma imbagħad użaw it-teknika moderna tar-restawr li kienet żviluppata ftit wara l-aħħar gwerra dinjija imsejjħa “tratteggio” jew “rigatino” fejn jitpinġu linji rqaq vertikali tal-kuluri tal-bażi biex jimtlew il-fili.  Meta l-pittura taraha mill-bogħod, tidher sħiħa iżda tħalli lok għal ċaqlieq mingħajr ħsara.  Għandha l-vantaġġ ukoll li fejn isir l-intervent jibqa’ evidenti meta l-pittura tkun  spezzjonata mill-viċin.  L-altar tal-ġebel tal-franka wkoll kien irrestawrat u miżbugħ mill-ġdid fil-kuluri oriġinali tiegħu.  Ir-restawr sar mid-Ditta Sante Guido e Giuseppe Mantella Restauro Opere d’Arte.

Fil-knisja wkoll, sikwit isiru kunċerti minn gruppi mużikali Maltin kif ukoll barranin, bl-iskop li jinġabru iktar fondi għar-restawr tal-knisja. Fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira tintrama mejda tal-Appostli fuq stil Lhudi. Din l-Art Ħelwa torganizza guided tours għat-turisti fil-Ħdud. B’dan il-mod, il-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin qiegħed dejjem iktar jingħata għarfien, kemm lokali kif ukoll barrani.

Għeluq

Hu ta’ min jammira u jfaħħar ix-xogħol kbir li għamlu l-membri tal-għaqda Din l-Art Ħelwa li minn mindu ħadu f’idejhom din il-knisja biddluha minn l-istat diżastruż li kienet fiha għal waħda f’kundizzjoni perfetta.

B’dan f’moħħna j’Alla li aktar għaqdiet bħal Din l-Art Ħelwa li apparti din il-knisja rrestawraw ħafna iktar knejjes żgħar u fortifikkazzjonijiet madwar Malta, jidħlu għal dan ix-xogħol ta’ restawr biex dan il-wirt arkitettoniku storiku uniku li għandna jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Carmelo Vella, Victor Pulis, Andrea Gatt

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Carmelo Vella

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt -  Andrea Gatt
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017