KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja tal-Madonna tal-Mirakli
~ Lija ~

F’Ħal Lija nsibu Santwarju Marjan li apparti li hu devot man-nies ta’ dan il-lokal, igawdi devozzjoni ta’ nies minn postijiet oħra f’pajjizna. Dan is-Santwarju jinsab fin-naħa ta’ wara ta’ Ħal Lija, f’akkwata li qabel kienet tifforma r-raħal ta’ Ħal Bordi, raħal ċkejken li kien separat mit-tliet irħula ta’ Ħal Lija, Ħ’Attard u Ħal Balzan. Il-knisja li nsibu llum mhix dik oriġinali, imma tinsab xi mitt metru 'l bogħod minn fejn kienet tinsab l-oriġinali.

Il-Kappella l-Antika f’Ħal Bordi

Fejn qabel konna nsibu l-kappella l-original ta’ Ħal Bordi, llum minflokha hemm mibnija mitħna tar-riħ. Fatt li jikkonferma illi din l-mithna nbniet fis-sit oriġinali ta’ din l-kappella antika, huma l-għadam u l-oqbra li nstabu li kienu jagħmlu parti minnha. Dawn instabu meta kien qed jiġi mħaffer il-pedament tal-mitħna tar-riħ. Fil-knisja l-antika kien hemm trittiku, jew kwadru, maqsum fi tlett partijiet. Dan t-trittiku fl-injam hu ta’ skola Siċiljana u kien ġie attribwit għall-artist Corso di Buono u hu tat-tmiem s-seklu tlettax. Kwadri simili ta’ dan jinstabu f’mużewijiet Sqallin li jagħtu indikazzjoni dwar l-oriġini ta’ dan l-kwadru. Fit-trittiku nsibu lill-Madonna bil-qegħda fuq tron iżżomm lil Binha Ġesù Bambin f’ħoġorha. Ġesù f’id waħda għandu globu u bl-id il-leminija jidher ibierek – figura ta’ Ġesù Salvatur tad-dinja. Fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru nsibu lil San Pietru waqt li fuq n-naħa tax-xellug insibu lil San Nikola.

 

Ritratt: Noel Ciantar


Dan il-kwadru kellu devozzjoni tant kbira, li l-imħabba kbira tan-nies għal dan t-trittiku kient ġiet innotata  minn Monsinjur Dusina meta dan żar din il-knisja fl-1575. Dak iż-żmien din il-knisja kienet isservi bħala viċi-parroċċa taħt il-Kapillan ta’ Birkirkara, għal dawk is-60 ruħ li kienu joqgħodu madwarha. Skont Dusina il-knisja kellha titular tagħha ddedikat lil Sidtna Marija taħt l-invokazzjoni “tal-Madonna tax-xahar t’Awissu” għax f’dan ix-xahar hemm marbuta l-festi ta’ Santa Marija u tal-Madonna tas-Silġ. Monsinjur Duzina kien ordna li jsir paviment ġdid, jiġi rrangat fejn kien isir id-dfin u jsiru abiti sagri għal kuljum u għall-festi.
Il-Gran Mastru Nikol Kottoner jibni l-Knisja Ġdida

Il-Gran Mastru Nikola Kottoner fl-1664 ordna li tinbena knisja ikbar xi 100 metru 'l fuq mill-antika. Il-knisja l-ġdida kellha tinbena fuq stil Doriku u ġiet imħollija, skont xi wħud,  f’idejn Mastru Pietru Barbara minn Ħal Lija, li jiġi missier l-arkitett Giovanni Barbara. Leonard Mahoney jattribwixxi d-disinn tagħha  lil Lorenzo Gafa' (5000 Years of Architecture in Malta).

Snin wara, fl-1745, inbniet sagristija kbira biex tikkumplimenta l-knisja. Li hu interessanti hu li kif tidħol fis-sagristija hemm fonti ta’ ilma mbierek, li huwa dekorattiv ħafna. Li jagħmel dan interessanti huwa l-fatt li dan ġie maħdum min stalaktita. Insibu wkoll plakka fuq stil Biżantin li tikkomemora l-konsagrazzjoni tal-knisja.

Meta kienet qed tinbena l-knisja l-ġdida, inbniet ukoll dar biex fiha jkun jista’ joqgħod l-qassis li jieħu ħsiebha. Din id-dar, li nbniet fuq n-naħa tal-punent tal-knisja, tlestiet fl-1676.

Opri ġodda għall-Knisja l-Ġdida

Il-Gran Mastru Kottoner kompla żejjen din il-knisja bil-pittura titulari preżenti li tinsab fil-knisja. Fil-fatt hu ikkomissjona lill-pittur magħruf ta’ dak iż-żmien Mattia Preti biex jagħmel dan il-kwadru. Dan juri lill-Madonna iżżomm lil Binha Ġesù Bambin li qiegħed bil-wieqfa fuq irkubtejha, kif ukoll lil San Pietru u lil San Nikola ta’ Bari, bħalma fil-fatt kien hemm fit-trittiku l-antik. Fuq talba tal-Gran Mastru innifsu fil-kwadru ddaħħal ukoll l-Arkanġlu Rafel, li jinsab għarkubbtejh fin-nofs tal-kwadru. Nikola Kottoner xtaq li fil-kwadru jkun hemm flimkien San Nikola u l-Arkanġlu Rafel flimkien jagħtu qima lill-Madonna, għax ħuħ il-Gran Mastru Rafel kien miet fit-22 t’Ottubru tal-1663. Dan it-titular ta’ Mattia Preti jirrapreżenta lil Santa Marija jew il-Madonna tas-Silġ (niftakru li d-dedika oriġinali tal-knisja l-qadima kienet lill-Madonna "tax-xahar t'Awwissu"). Il-kwadru titulari huwa maħdum fuq l-iskur u b’partijiet importanti jispikkaw bid-dawl fuq stil magħruf bħala “Luce di Cantina”. Il-kwadru fih ħafna mid-drammatiċità assoċjata mal-Preti, u jista' jitqies bħala kapolavur ta’ dan l-artist.

Hekk kif intemm il-bini tal-knisja l-ġdida, ġie trasportat dak kollu li kien fiha l-kapella l-antika, li kienet diġà bdiet titmermer. Saħansitra nġarru ħafna mill-fdalijiet tal-mejtin li kienu midfuna fl-antika – imma mhux kollox bħalma rajna aktar 'l fuq. Benefattur ieħor ta’ din l-knisja kien il-Gran Mastru Vilhena li rregalalha lampier tal-fidda.

Artistiċi ħafna huma l-kwadri tal-Via Sagra li qabel ingħataw lil din l-knisja, kienu fi knisja żgħira tal-kjeriku Agius minn Ħal Lija. Dawn jikkonsistu fi kwadri taż-żejt, fini ħafna, maħduma bit-teknika tal-akkwarella.

Ritratt: Roderick Busuttil


Ġrajja li seħħet fl-1743

Ġrajja mirakoluża li seħħet fl-1743 kabbret bil-bosta d-devozzjoni ta’ dan il-kwadru u tal-knisja. Nirrakuntaw l-istorja fi kliem Achille Ferris stess, li kiteb l-istorja tal-knejjes f’Malta fl-1866. “Bosta snin ilu, ġurnata waħda, dak li kellu f’idejħ il-kura tal-knisja, mar jixgħel il-lampa quddiem ix-Xbieha Mqaddsa. Hu ra li fuq ix-xbin, fuq il-ħaddejn imqaddsa, fuq is-sider divin tal-Verġni, kienu jidhru qatriet kbar bħal għaraq qisu ilma. Għall-ewwel ħaseb li dan kien ġej mill-umdità; imma din l-umdità min fejn, la l-post ma kienx qrib xi umdu? Billi għarraf b’kollox lill-Awtoritajiet tal-Knisja, sar eżami tal-fatt, u sabu li dak kien għaraq bħal li kieku ħareġ minn ġisem ħaj ta’ bniedem ħaj. Dak in-nhar stess Malta ħasset ċaqliq minn terrimot kbir; x’aktarx dak tal-21 ta’ Frar, 1743”. Ġara li f’dak it-terrimot kbir li heżżeż lil Malta u Għawdex kollu ħadd ma tilef ħajtu.

L-Gran Mastru u l-Isqof ta’ Malta kkonkludew illi dan il-miraklu li ħadd ma tilef ħajtu, seħħ bl-interċessjoni ta’ Marija.  Għalhekk minn dakinhar il-Knisja bdiet tissejjaħ "tal-Mirakli", minħabba dan l-kwadru mirakoluż. Dan kollu baqa' mfisser fl-iskrizzjoni li hemm max-xbieha tal-Madonna.

Id-devozzjoni tkompli tikber

Wara dan il-fatt tal-għaġeb, ta’ min jinnota l-interess kbir li ħa l-Isqof Alpheran de Bussan fl-okkazzjoni tal-Viżta Pastorali tiegħu fl-1747, meta fir-rapport ta’ din l-viżta nsibu reġistrat – “il-Knisja kienet miżmuma b’devozzjoni kbira mill-kotra tan-nies li mill-inħawi kollha jiġu jinviżtawha, u hija għandha kull ma jinħtieġ u kull tiżjin sa lampier tal-fidda mogħti mill-Gran Mastru Vilhena. Fuq kollox de Bussan isemmi li fuq l-iskannel tal-altar hemm xbieha tal-Madonna msejħa tal-Mirakli pinġuta fuq l-injam, mgħottija bi ħġieġa u mdawra bi gwarniċ skolpit, miżmuma bl-akbar devozzjoni”. Isemmi ħafna oġġetti mdendlin mal-ħitan b’wegħdi (ex-voto). Waqt iż-żjara tiegħu l-Isqof de Bussan, biex juri d-devozzjoni għal dan is-Santwarju għażiż, dak in-nhar tal-viżta għamel hemm ordinazzjoni, tal-Ordni Minuri u tas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof lil 22 tifel u tifla.

Id-devozzjoni lejn x-xbieha tal-Madonna ssoktat tikber minħabba l-grazzji li kienu jaqilgħu dawk li kienu jirrikorru għand Sidtna Marija. Dan jixhduh il-ħafna kwadri ex-voto li hemm ikkonservati fl-istess knisja. Din il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Monsinjur Vincenzo Labini fit-23 ta’ Dicembru 1787. Din l-okkazzjoni baqgħet waħda mill-isbaħ festi li saru f’din il-knisja. L-Isqof  Labini, b’digriet tiegħu tal-24 ta’Lulju 1782 ta Indulġenzi lil min isellem lill-Madonna tal-Mirakli u min iżur din il-knisja fil-festi tat-twelid, tal-preżentazzjoni, tal-annunzjazzjoni, tal-viżitazzjoni u tal-purifikkazjoni ta’ Marija. Il-Papa Piu VI, b’digriet tat-8 ta’Lulju 1788, ikkonċeda Indulġenza Plenarja lil kull min iżur il-knisja fil-festa tal-Kunċizzjoni u l-Assunzjoni. L-altar ġie privilleġġjat b’Indulġenza Plenarja fl-Ottavarju kollu tal-Għid tal-Imwiet u fi tlett ijiem kull gimgħa tas-sena.

Ir-Relikwija ta’ Santa Mansweta

Fl-1840, Dun Pawl Grech Delicata minn Ħal Lija stess, żejjen lil din il-Knisja tal-Mirakli b’relikwija ta’ Santa Mansweta, li kienet mietet martri taħt l-persukuzzjoni tal-Imperatur Djoklezjanu li qatel ħafna Nsara minħabba ir-reliġjon Kristjana. Il-korp tal-kartapesta li juri lil din l-qaddisa bilqegħda fuq siġġu jżomm fih ir-relikwi qaddisa ta’ Santa Mansweta li jinstabu f’din il-Knisja.

Żjara tal-Kardinal Ferretti f’Malta

Fatt ieħor marbut ma’ din l-Knisja huwa meta fi żmien l-irvellijiet tal-Unifikkazzjoni tal-Italja, il-Kardinal Gabrijel Ferretti, li kien jiġi l-kuġin ta’ Papa Piju IX, ġie jistkenn f'Malta. Hu kien ġie ospitat fid-dar tal-familja Delicata, ftit 'il bogħod mill-Knisja tal-Mirakli. Il-Kardinal sar devot ħafna ta’ din il-knisja, tant li kien iqaddes fiha kuljum u kien jitlob ta’ spiss quddiem il-kwadru mirakoluż tal-Madonna biex tinħall il-kriżi fl-Italja. Wara ftit xhur meta l-kwestjoni irrisolviet ruħha mar lura l-Vatikan u rregala bukkett maħdum kollu minn arzell żgħir lill-Madonna talli ħarsitu meta kien f’Malta. Ta’ min jgħid li dan il-bukkett għadu jinstab fil-Muzew tal-Knisja tas-Salvatur f'Ħal Lija. F’dan il-mużew insibu oġġetti sagri oħra li qabel kienu jinstabu fil-Knisja tal-Mirakli, fosthom gwarniċ li fih qabel ma nsterqet kien hemm il-pittura tal-Gran Mastru Nikol Kottoner, maħdum minn Mattia Preti bħala omaġġ lill-Gran Mastru talli fdalu x-xogħol kollu fil-knisja, kif ukoll kurċifiss li huwa maħdum preċiż anatomikament, attribwit lil Melchiore Gafà.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-kappella tal-Madonna tal-Mirakli nbniet bejn is-snin 1662 u l-1671. Xi kittieba jiktbu li nbniet fuq disinn ta' Ġwanni Pietru Barbara, iżda Leonard Mahoney jattribwiha lil Lorenzo Gafa'. Din kienet l-ewwel kappella li nbniet f'forma kwadra u msaqqfa minn koppla. Minn barra tidher li għandha forma rettangolari. Dan għaliex mal-forma kwadra tal-kappella Gafa' żied sagristija u xi kmamar fuqha fuq in-naħa ta' wara, iżda fil-ħitan tal-ġenb jidhru l-pilastri simili bħal dawk tal-kantunieri tal-faċċata, li jiddelinjaw il-forma kwadra tal-kappella.
 

Ritratt: Noel Ciantar


Il-faċċata għandha erba' panewijiet u fil-kantunieri hemm pilastri għoljin ta' stil Doriku, li kif rajna huma rrepetuti fil-ħitan tal-ġenb iżda mhux fil-kantunieri ta' wara. Il-bieb hu kwadru u fuqu hemm pediment triangolari. Fuqu hemm gwarniċa li fiha iskrizzjoni u aktar 'l fuq hemm tieqa rettangolari li ftit snin ilu fiha tqiegħdet statwa tal-Madonna. Il-koppla baxxa hija kważi kollha moħbija f'tambur ottagonali. Fil-ħitan tal-ġenb hemm żewġ bibien pariġġ dak tal-faċċata,  iżda wieħed huwa mbarrat u fil-għoli jidhru żewġ twieqi. Fil-kantuniera ta' wara fuq is-sagristija hemm kampnar kwadru. Il-kappella għandha zuntier spazjuż li huwa mdawwar b'ħajt bil-balavostri.

Minn ġewwa l-kappella tieħu forma kwadra bi tmien pilastri ta' stil Doriku li jerfgħu erba arkuni u erba' pendentivi li minnhom titla' l-koppla semi-sferika. Il-pendentivi, l-arkuni u l-koppla huma kollha mpittra b'disinji floreali u emblemi tal-Litanija tal-Madonna. L-altar tal-irħam jinsab f'kor mhux fond ħafna li fih erba' pilastri oħra aktar baxxi ta' stil Doriku ukoll, li jerfgħu arkata u abside maqsum f'panewwijiet.

Il-kwadru titulari, xogħol Mattia Preti, qiegħed f'reredos magħmul minn żewġ kolonni u żewġ pilastri ta' stil Korint. Dawn kollha huma skolpiti u indurati. Fuqhom hemm l-entablatura skolpita wkoll u żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali maqsum. Fuq dawn it-tnejn jidhru żewġ anġli u fin-nofs arma tal-ġebel li darba kellha l-arma tal-Gran Mastru Nikola Cotoner li bena l-kappella, iżda li llum fiha iskrizzjoni. Fuqha tidher kuruna indurata. F'niċċa fil-ħajt tal-ġenb insibu t-trittiku mirakoluż.

Il-Knisja tal-Mirakli fis-Seklu Għoxrin

Fatt ieħor mirakoluz seħħ fit-tieni gwerra dinjija. Min jiftakar il-gwerra, jiftakar b’liema mod aħrax ġew ibbumbardjati l-inħawi tal-mitjar ta’ Ta’ Qali. Billi l-Knisja tal-Mirakli tinsab qrib ħafna ta’ Ta’ Qali, l-inħawi tal-knisja kienu fil-mira tal-ajruplani Taljani u Ġermaniżi li ħallew ħerba fiż-żona tal-knisja. Imma wara l-gwerra, mirakolożament, kienet biss il-Knisja tal-Mirakli, li bagħqet wieqfa f’dik iż-żona, fost ħerba kbira, u li ħelsitha mill-qilla tal-bombi li ntefgħu.

Tajjeb li wieħed imur lura lejn is-sena 1954 meta qabel ma ħalla l-parroċċa il-Kappillan Lia, kien ħalla il-prokura f’idejn Dun Ġużepp Tanti, dak iż-żmien qassis anżjan li kulħadd kien jaħseb li kien ser isir kappillan hu.

Intant Dun Ġużepp Tanti kien qassis li jaf imid idejh sewwa fuq ħafna snajja. L-ewwel ma kien għamel kien li l-biċċa art żdingata li kien hemm tmiss mal-kappella ra kif għamel biex nadafha u akkwistaha fuq talba biex isir post ta’ rikreazzjoni għan-nies tal-inħawi li kienet bdiet tiżdiet. F’Lulju tal-1955 il-Gvern kien taħ biċċa art biex isir żuntier madwar il-knisja, li kien dawwar hu bil-balavostri tal-konkos li kien għamel hu stess bl-għajnuna ta’ xi ħbieb.
 
Wara beda x-xogħol fuq il-kappella billi ħaseb biex jirranġa l-bjut għax kienu jagħmlu l-ilma, irranġa l-kampnar biex il-kappella tieħu d-dehra ta’ tempju li jixraq lill-Madonna. Imbagħad dar biex jirranġa ġewwa billi għamel installazzjoni tal-eletriku ġdida bl-għajnuna ta’ xi ħbieb – xi ħaġa li ma kienetx ħafifa. Dan kien xogħol li sar fi żmien relattiv qasir iżda b'mod professjonali, bi switchboard li jikkontrolla d-dwal mis-sagristija.

Wara dan beda' x-xogħol ta’ tibjid, ikkumplementat bl-induratura dehbija fejn kien meħtieġ, speċjalment mal-koppla biex il-kappella tkun kompluta minn kollox. Tajjeb wieħed isemmi diżgrazzja li kienet laqtet lill-kappella meta sajjetta kienet ħabtet mal-koppla u ħarqet l-induratura kollha tal-kappella. Wara li reġgħet saret l-induratura, Dun Ġużepp kien ħaseb biex issir kalamita biex ħsara iżjed mis-sajjetti ma ssirx. Barra dan kien sar ukoll l-irħam li jdawwar l-altar, għax qabel kien tal-franka.

Dun Ġużepp kien talab lill-Isqof Gonzi biex ssir in-niċċa li hemm illum għal kwadru tal-Madonna tal-Mirakli, li hu tal-injam, għax qabel dan il-kwadru kien fuq l-altar.   Fl-istess waqt, kien sar restawr fuq il-kwardu mill-Kavallier Rafel Cali.  Dun Ġużepp għalhekk kien ħaseb li l-kwadru kellu jieħu sura ta’ trittiku b’San Pietru u San Nikol fuq kull naħa tal-Madonna bil-Bambin fuq ħoġorha, kif narawh illum.

Sa dan iż-żmien il-kappella kien għada ma kienetx sagramentali, imma d-devozzjoni kienet hemm u ħafna kienu l-pellegrini li ħallew affarijiet ta’ deheb u fidda. Dun Ġużepp għalhekk kien għamel użu minn dan il-metal prezzjuż billi indura t-tabernaklu. Imma tajjeb li wieħed jgħid li l-bieba kienet tinqala’ u titpoġġa fi ġranet ta’ festa, għaliex quddies kuljum ma kienx isir.

L-arloġġ li hemm mal-kampnar kien ingħata minn Pawlu u ibnu Salvu Sammut li kienu xtraw mingħand is-servizzi Ingliżi li kienu skartawħ b’imbarazz qabel ma ħallew Malta.  Kien Dun Ġużepp stess li sewwa dan l-arloġġ u ġabu jaħdem, għaliex kif għidna qabel, dan il-qassis kien imidd idejħ kważi għal kollox. Saret ċerimonja ħelwa ħafna fejn l-Isqof Gerada kien qaddes u bierek dan l-arloġġ qabel ma tpoġġa f’postu. Kienet ċerimonja li ġibdet ħafna nies u anke l-kleru tal-parroċċa ta’ Ħal Lija kien preżenti.

Barra dawn Dun Ġużepp kompla jsebbaħ dan it-tempju li kompla jżid fil-popolarità tiegħu. Bis-sehem ta’ xi benefatturi oħrajn kien xtara abiti sagri, lavabo tal-irħam u l-gwardaroba li hemm fis-sgristija. Kien ukoll biddel is-siġġijiet għax għalkemm kien isewwi dawk li jiġrilhom il-ħsara kien wasal iż-żmien li jinbidlu. Inxtraw ukoll siġġijiet tal-ħadid. U b’dawn iż-żjidied u tiżjin kollha li saru b’ħidemt Dun Ġużepp il-kappella saret aktar frekwentata minn xi pellegrinaġġi li kienu jsiru minn kull parti ta’ Malta.

Fl-aħħar tas-sena 1987 kien jaħbat il-mitejn sena  minn meta l-knisja kienet ikkonsagrata mill-Isqof Labini. Għalhekk kienu saru festi kbar, fejn kellhom jintemmu b’pellegrinaġġ bir-Rużarju mmexxi mill-Kappillan Dun A. Xuereb bis-Salib u Dun Mose u Dun Anton Ebejer.  Il-pellegrinaġġ beda mill-parroċċa ta’ Ħal Lija u wara quddiesa kkonċelebrata, immexxija mill-Isqof Ġużeppi Merċieca mgħejjun minn Mons Vinċez Borg u l-kleru ta’ Ħal Lija. Kienu attendew bosta nies li mlew il-knisja u z-zuntier li kien imżejjen għall-okkażjoni.
 

Ritratt: Noel Ciantar


Din kienet ix-xewqa ta’ Dun Ġużepp Tanti, li jara li l-ħidma ( kważi 33 sena) tiegħu f’din il-kappella tħalli l-frott tagħha billi kabbar id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Mirakli. Dun Ġużepp ħalla dan il-wied tad-dmugħ fiż-17 ta’ Ġunju tal-istess sena, u żgur kien kuntent li x-xewqa tiegħu kienet qed timmaterjalizza.

Peress li fis-snin tmenin fiż-żona tal-Knisja tal-Mirakli beda jiżdied il-bini, fl-1988 l-Arċisqof Mercieca bagħat lil Dun Anton Ebejer minn Ħal Lija stess, biex jieħu ħsieb din l-knisja u jservi bħala ragħaj spiritwali ta’ dawk ir-residenti ta’ dik l-akkwata ta’ Ħal Lija, li tinsab kemmxejn 'l bogħod mill-Knisja Parrokkjali tas-Salvatur. Dun Anton Ebejer, mimli enerġija, mill-ewwel medd idejħ għax-xogħol u talab permess lill-Kurja biex l-għalqa li tinsab biswit il-Knisja tiġi żviluppata f’Sala. Il-Kurja wara xi arranġamenti meħtieġa, u wara li  dak li kien jieħu ħsieb din l-għalqa aċċetta li jagħti lura l-art lill-Kurja, fetħet it-triq biex jinbeda' x-xogħol biex tinbena din s-sala parrokjali tal-Mirakli, kif wara bdiet tissejjaħ. Ġie rranġat ġnien biex jikkumplimenta l-kumpless. Billi n-naħa tal-Knisja tal-Mirakli kienu marru joqgħodu ħafna familji żgħażagħ bi tfal żgħar, b’kuntrast ma' nħawi oħra f’Ħal Lija fejn kien hemm iktar anzjani, din s-sala bdiet tintuża wkoll biex isir tagħlim tad-duttrina għal-ewwel tqarbina, kif ukoll għall-Griżma tal-Isqof għat-tfal ta’ dawk l-inħawi.

Illum il-knisja hija sagramentali u jsir quddies kuljum u fil-Ħdud u l-festi, grazzi għal Dun Anton Ebejer, li hu ukoll għamel xogħol impezzabbli biex żied id-devozzjoni lejn il-Madonna meqjuma f'din il-Knisja.  Is-Santwarju jinstab f’kundizzjoni tajba u d-devozzjoni lejn il-kwadru mirakoluż tal-Madonna għadu sal-lum jiġbed ħafna nies biex imorru jitolbu quddiemu.


Kitba: Roderick Busuttil
Ħajr lil Anthony M. Brincat li żiedilna deskrizzjoni arkitettonika minn ġewwa u minn barra tal-knisja u lil Louis Fenech li żiedilna l-informazzjoni dwar il-knisja fis-Seklu Għoxrin.

Ritratti ta’ Noel Ciantar, Roderick Busuttil
Pittura ta’ Maris Zammit, użat bil-permess
 

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar

Il-Gran Mastru Nikola Kottoner fl-1664 ordna li tinbena knisja ikbar xi 100 metru 'l fuq mill-antika. Il-knisja l-ġdida kellha tinbena fuq stil Doriku u ġiet imħollija, skont xi wħud,  f’idejn Mastru Pietru Barbara minn Ħal Lija, li jiġi missier l-arkitett Giovanni Barbara. Leonard Mahoney jattribwixxi d-disinn tagħha  lil Lorenzo Gafa' (5000 Years of Architecture in Malta).

Ritratt: Roderick Buuttil
Riotratt: Roderick Busuttil

Dan [il-kwadru ta’ Mattia Preti] juri lill-Madonna iżżomm lil Binha Ġesù Bambin li qiegħed bil-wieqfa fuq irkubtejha, kif ukoll lil San Pietru u lil San Nikola ta’ Bari, bħalma fil-fatt kien hemm fit-trittiku l-antik. Fuq talba tal-Gran Mastru innifsu fil-kwadru ddaħħal ukoll l-Arkanġlu Rafel, li jinsab għarkubbtejh fin-nofs tal-kwadru. Nikola Kottoner xtaq li fil-kwadru jkun hemm flimkien San Nikola u l-Arkanġlu Rafel flimkien jagħtu qima lill-Madonna, għax ħuħ il-Gran Mastru Rafel kien miet fit-22 t’Ottubru tal-1663.

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil

Din kienet l-ewwel kappella li nbniet f'forma kwadra u msaqqfa minn koppla. Minn barra tidher li għandha forma rettangolari. Dan għaliex mal-forma kwadra tal-kappella Gafa' żied sagristija u xi kmamar fuqha fuq in-naħa ta' wara, iżda fil-ħitan tal-ġenb jidhru l-pilastri simili bħal dawk tal-kantunieri tal-faċċata, li jiddelinjaw il-forma kwadra tal-kappella.

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar

Peress li fis-snin tmenin fiż-żona tal-Knisja tal-Mirakli beda jiżdied il-bini, fl-1988 l-Arċisqof Mercieca bagħat lil Dun Anton Ebejer minn Ħal Lija stess, biex jieħu ħsieb din l-knisja u jservi bħala ragħaj spiritwali ta’ dawk ir-residenti ta’ dik l-akkwata ta’ Ħal Lija, li tinsab kemmxejn 'l bogħod mill-Knisja Parrokkjali tas-Salvatur.

Ritratt: Noel Ciantar

Pittura tal-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, ta’ Maris Zammit

Tal-Mirakli Chapel, Lija - Pittura ta' Maris Zammit

 

Ritratt antik tal-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli

Tal-Mirakli fl-Antik

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017