KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Is-Santwarju tal-Madonna
tal-Ħerba
~ Birkirkara ~

IFil-parti l-antika ta’ Birkirkara wara l-Bażilika ta’ Sant’Elena nsibu Santwarju devot iddedidat lill-Madonna tal-Ħerba .

Oriġini u l-isem “Tal-Ħerba

Meta twaqqaf dan is-Santwarju tal-Madonna Tal-Ħerba ma nafux eżatt, imma li nafu fiż-żgur hu li fl-1575 kien digŕ magħruf għad-devozzjoni li kienet igawdi. Madankollu fir-rapport tal-vista pastorali ta’ Mons. Dusina li għalih talludi d-data msemmija, ma jissemmiex espressament bħala Tal-Ħerba .

Meta l-Isqof Malti Baldassare Cagliares,  ħaġa rari ħafna f’dawk iż-żminijiet, ġie jagħmel żjara pastorali fil-parroċċa ta’ Birkirkara  fl-1615, semma lill-knisja li kienet magħrufa bħala Tal-Ħerba. Dan l-isem jew laqam iġiegħel lil E. B. Vella jikkummenta li l-knisja allura għandu mnejn kienet inbniet ħafna snin qabel id-data msemmija. 

Dan l-isem jew laqam Tal-Ħerba dejjem qanqal ċerta kurżitŕ fost in-nies.  Mnejn u l-għala, ħadd ma sab ifisser sew, ħlief li Vella jasal biss biex jiskredita teorija li kien hemm sa fiż-żmien li kien qed jikteb hu, jiġifieri li ”Tal-Ħerba”  setgħet kienet ”Tal-Ħarba”, minħabba l-ħarba tat-Torok minn Malta, b’riferenza għall-Assedju l-Kbir tal-1565.

Kif juri dak li għad kif għedna aktar ’il fuq, huwa zgur li dan l-isem Tal-Ħerba  jmur lura għall-anqas sal-ewwel snin tas-seklu sbatax.  Isemmiha hekk ukoll Ġan Franġisk Abela fil-ktieb tiegħu tad-deskrizzjoni tal-gżejjer Maltin. Tal-Ħerba tfisser tar-rovina u gejja mill-verb ta’ origini Semitiku-Għarbi bil-għerq h-r-b. Dwar dan jaqblu l-istudjużi kollha tal-ilsien Malti li tkellmu fuq in-nisel ta’ din il-kelma minn Mikiel Anton Vassalli sa Ġuże Aquilina.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Miż-żjajjar tal-Isqof Cagliares insiru nafu li l-knisja hekk imsejħa kienet għall-qima tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna. Iżda l-kwadru kien juri aktar il-Madonna tal-Grazzja.  Hu ħalla miktub ukoll li kienu jmorru jżuruha ħafna nies u li fiha kien isir ħafna quddies matul is-sena.  Din il-knisja ma kinitx kbira. Kienet imsaqqfa bi tliet indani ta’ xorok fuq żewġ ħnejjiet, li allura jekk ix-xorok kienu tal-qasba, din setgħet kienet twila xi sitt metri biss. Kellha żewġ bibien, wieħed iħares lejn in-nofs inhar u ieħor b’zuntier kbir quddiemu jħares lejn il-punent. Jingħad ukoll li din il-knisja kienet ġiet imġedda fl-1640.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Dan is-Santwarju għandu zuntier kbir, miksi b’paviment rustiku li sar fl-1995. Iz-zuntier huwa spazjuż ħafna. ‘Il fuq mit-taraġ taz-zuntier, tara portiku, bl-istatwa ħelwa tal-Madonna. Kampnar fuq in-naħa tal-lemin, ta’ min ikun dieħel, ikompli jżejjen il-perspettiva tas-Santwarju. Togħla misluta u imponenti, koppla, li l-arkitett Andrea Vassallo fassal għal dan is-Santwarju, u li biha ħoloq bħal kuruna arkitettonika għall-binja tal-knisja kollha kemm hi. Fuq il-bieb tal-knisja hemm kurċifiss, ħaġa rari ħafna, jekk mhux unika hawn Malta. Quddiem il-bieb tas-Santwarju hemm paviment tal-irħam. F’nofshu hemm miktuba fl-irħam il-ġakulatorja “O Marija għallimni nħobb lil Ġesu’ kif kont tħobbu int”. Ħafna nies jgħidu din it-talba huma u deħlin fis-Santwarju.

Kif wieħed ikun dieħel mill-bieb tas-Santwarju jara taħt riġlejh kitba bil-Latin, imnaqqxa fl-irħam abjad li bil-Malti tgħid hekk :- “Inti u dieħel f’dan it-tempju ftakar illi l-Mulej qaddsu u Marija ħatritu għamara għaliha”. Malli tidħol fis-Santwarju f’sura ta’ salib Latin, illum issib ruħek fil-korsija ta’ knisja mdaqqsa, u mill-ewwel jiġi quddiem għajnejk il-kwadru mirakoluż tal-Madonna tal-Ħerba li jiddomina fuq l-altar fil-faċċata tal-kor. Kemm il-faċċata, kif ukoll l-altar huma miksija b’irħamijiet imżewqin u mqabblin fil-lewn tagħhom.

Is-Santwarju hu magħmul minn kappella fil-ġenb tal-lemin, li nbniet fis-seklu tmintax flok il-kappella oriġinali, u li warajha hemm sagristija pariġġ u maġenb dawn hemm sala li nbniet fis-snin ħamsin tas-seklu għoxrin flok il-bitħa tal-pellegrini u li fiha hemm il-kwadri tal-wiegħda. Fuq in-naħa l-oħra tal-korsija hemm oratorju żgħir, bil-kwadri ex-voto ukoll.

Ir-raġel bil-krozzi

Fost ir-rakkonti li jingħadu b’rabta ma’ Tal-Ħerba, jingħad li wieħed raġel mifluġ, imwieżen fuq il-krozzi, nzerta kien għaddej mill-inħawi ta’ din il-knisja ċkejkna, meta sema’ il-qanpiena ta’ din il-knisja ddoqq. Hu staqsa minn fejn kien ġej id-diwi ta’ din il-qanpiena, u qalulu li kienet ser toħroġ il-quddies f’Tal-Ħerba. Il-mifluġ ħaffef kemm seta` lejn il-knisja u kif medd riġlejh ġewwa, il-krozzi waqgħulu minn taħt spallejħ, u sab ruħu mfejjaq għal kollox mill-marda li kellu. Dan ir-raġel ħass bħal ferħ kbir. Inxteħet għarkubtejh quddien il-Madonna, u fost il-biki ta’ ferħ, beda jrodd ħajr lil Alla u lill-Madonna tal-grazzja kbira li kien qala’.

L-aħbar ta’ dan il-fejqan ġriet ma’ Malta kollha, u dan il-miraklu kien ix-xrara li tat in-nar lid-devozjoni tal-Maltin lejn il-Madonna Tal-Ħerba. Ġemgħat kbar ta’ nies minn Malta kollha bdew iżuru lil dan il-post b’qima kbira, u n-nies baqgħu ikomplu jaqilgħu l-grazzji. F’xi żminijiet ukoll bdew ġejjin anki xi barranin, bħal Sqallin, Taljani, Ingliżi, Franċiżi, u Spanjoli.

Wara li għadda xi żmien, in-nies komplew jiżdiedu, u għalhekk inħasset il-ħtiega li jitkabbar is-Santwarju.  Fl-1640 inħass il-bżonn li l-knisja tkun imkabbra, u li hu żgur hu li xi żmien qabel l-1644, filwaqt li ma ntmissitx il-knisja oriġinali, inbniet knisja oħra ġdida, quddiem il-bieb ewlieni tagħha. Dan jingħad  fiż-żjara tal-Isqof Luca Bueno. Jidher li maż-żmien il-knisja tal-Ħerba l-qadima tilfet ħafna mill-importanza tagħha hekk li fiż-żjara pastorali tal-1673 kien deċiż li ma tibqax tintuża għall-qima. Madankollu xi snin wara bdiet tintuża bħala sagristija għall-ġdida.      

Qima mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi

Miż-żjajjar pastorali tal-Isqfijiet ta’ Malta, ninnutaw illi dawn dejjem urew qima u ġieħ lejn il-Madonna tal-Ħerba meqjuma fis-santwarju tagħha tal-Ħerba. L-Isqof Mons. Vincenzo Labini fil-viżta pastorali tiegħu tal-1 ta’ Lulju 1783 kien ordna illi fil-jum tal-Ħdud u l-btajjel kollha, kif ukoll fil-jiem tal-obbligu tal-quddies, ħadd ma seta’ jqaddes fil-knejjes żgħar ħlief biss fil-knisja Tal-Ħerba.

L-għadd ta’ indulġenzi li taw l-isqfijiet lis-Santwarju Tal-Ħerba, juri mhux biss li huma kellhom qima lejh imma wkoll juri x-xewqa tagħhom illi l-qima tal-insara tikber ukoll u tissaħħaħ dejjem aktar. Xi wħud mill-isqfijiet bħala xhieda ta’ mħabbithom u tal-qima tagħhom lejn ix-xbieha mqaddsa tal-Madonna Tal-Ħerba, riedu jqaddsu quddiemha mhux biss fil-jiem tal-viżta pastorali, imma wkoll f’xi jiem oħra.
Il-Papiet min-naħa tagħhom ma qagħdux lura fil-qima tagħhom lejn il-Madonna tal-Ħerba, u nsibu li kienu ħafna l-papiet, li taw indulġenzi lil dan is-Santwarju. Insibu fil-fatt li l-artal ewlieni ta’ din il-knisja huwa privileġġjat kuljum u għal dejjem. Dan jidher mill-kitba ta’ rħama li tinsab biswit l-irħama l-oħra li turi il-konsagrazzjoni ta’ dan is-Santwarju. Din il-kitba li hija miktuba bil-Latin tgħid hekk bil-Malti:-

“Il-Papa Piju VI, lil din il-knisja msemmija ma’ Malta kollha għaż-żjajjar tal-insara, għoġbu jagħniha bi grazzji u privileġġi ġodda, li kull saċerdot, kull darba li jqaddes fl-altar tal-Madonna, għal xi ruħ nisranija, li tkun tinsab fil-purgatorju, din ir-ruħ tikseb l-indulġenza, bħala suffraġju. Dan il-privileġġ mogħti fil-31 ta’ Lulju 1776 jgħodd għal dejjem”.

Indulġenzi oħra ingħataw minn diversi Papiet bħal Papa Klement XIV, Papa Piju IX, Papa Ljun XIII, u l-Papa Piju X, u minn Isqfijiet Maltin bħal Mons. Vincenzo Labini, Mons. Gejtanu Pace Forno, u Mons Pietru Pace.

L-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Ħerba

Kienet ilha x-xewqa tar-Retturi ta’ din il-knisja u tal-Isqfijiet ta’ Malta li dan il-kwadru tal-Madonna tal-Ħerba jiġi inkurunat. L-Eċċellenza tiegħu Mons. Pietru Pace, Isqof ta’ Malta u Arċisqof ta’ Rodi, li sa minn dejjem wera xejn anqas mill-isqfijiet ta’ qablu qima u għożża kbira lejn ix-xbieha tal-Madonna tal-Ħerba, laqa’ tajjeb ħafna t-talba li r-Reverendissimu Kapitlu ta’ Birkirkara ressaqlu biex huwa jressaqha quddiem il-Kapitlu tal-Bażilka ta’ San Pietru, biex ikun jista’ jaqla’ d-digriet meħtieġ ħalli l-Madonna tal-Ħerba tiġi inkurunata.

Issa biex xbieha tkun tista’ tiġi inkurunata, jeħtieġ li x-xbieha tkun waħda antika, tkun imfittxija għall-qima min-nies u li jkunu saru xi għeġubijiet, jew ġew maqlugħin xi grazzji minħabba fiha.   Imma min kien jista’ jgħid li l-Madonna tal-Ħerba ma tissodisfax dawn it-tliet kondizjonijiet kollha?

L-imsemmi Isqof Mons. Pietru Pace ħadem kemm felaħ, biex din ix-xbieha mqaddsa, u tant għażiża għall-poplu Malti tiġi mogħtija dan il-ġieħ li kien jistħoqqilha. Għalhekk, mingħajr telf ta’ żmien, ressaq quddiem ir-Reverendissmu Kapitlu tal-Vatikan, it-talba maħduma bl-akbar reqqa mill-membri tal-Kapitlu ta’ Birkirkara, u fit-13 ta’ Frar 1910 l-imsemmi Kapitlu tal-Vatikan stqarr li x-xbieha ta’ Marija meqjuma fis-Santwarju tal-Ħerba jixirqilha tassew u jistħoqqilha tabilħaqq li tiġi inkurunata u fl-istess jum bagħat lill-Arċisqof ta’ Rodi, u Isqof ta’ Malta, Mons. Pietru Pace, id-diġriet tal-Inkurunazzjoni.

Iċ-ċeremonja tal-inkurunazzjoni, saret fost festi kbar li bdew il-Ħamis 4 t’Awwissu 1910 u spiċċaw il-Ħadd, 7 t’Awissu, fil-Kolleġġjata ta’ Sant Elena li kienet imżejna daqs li kieku kienet il-festa ta’ Sant Elena. Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet, kienu l-quddiesa solenni u wara naturalment l-inkurunazzjoni, li saret mill-Isqof Mons. Pietru Pace. Għal din iċ-ċerimonja attendew id-dinjitarji kollha Maltin, il-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina, il-kapitlu ta’ San Pawl tal-Belt, il-Kapitlu tal-Isla, il-Kapitlu tal-Birgu u l-Kapitlu ta’ Bormla. Wara ċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni, il-kwadru inkurunat twassal fis-Santwarju, f’pellegrinaġġ, mill-aktar devot u kommoventi.

Il-kuruna tad-deheb, li tqiegħdet u li għadha tidher illum fuq ras il-Madonna, saret bil-flus ta’ żewġ persuni twajba, li kienu n-negozjant Ġużeppi Borg, u s-sur Kostantinu Grech.  Filwaqt li l-kuruna tad-deheb li tidher fuq ras ix-xbieha ta’  Ġesů, saret bil-flus tal-Prepostu ta’ dak iż-żmien, Dun Alfons Borg. 

Opri artistiċi f’dan is-Santwarju

Dan is-Santwarju huwa mżejjen b’diversi opri tal-arti. Fost dawn l-opri nsibu l-pittura li minbarra t-titular, kemm id-dekorazzjoni tal-koppla u t-trollijiet, kif ukoll il-kwadri laterali tal-kor u dawk tal-artali kollha saru minn idejn il-pittur il-professur Karkariż Ġużeppi Briffa bejn 1926 u l-1959. F’għadd ta’ kwadri kbar, b’ilwien ħajjin, Briffa rnexxielu jġib għall-ħajja siltiet mill-episodji mill-ħajja tal-Verġni Mbierka, li jkomplu jdaħħlu fid-devozzjoni lil min iżur dan il-post għażiż.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

L-ewwel kwadri li pitter Briffa kienu dawk li hemm fil-kor. Wieħed, jurina it-twelid tal-Madonna, waqt li l-ieħor, jurina lil San Ġwakkin u Sant Anna meta ippreżentaw lill binthom fit-tempju. Dawn iġibu d-data tal-1926. Fl-istess sena, sar ukoll il-kwadru ta’ fuq l-altar tal-kappella tan-naħa tal-lemin. Fih naraw, meta Marija marret għand qaribitha Santa Eliżabbetta. Dan il-kwadru sar b’wiegħda. Fis-sena ta’ wara, sar il-kwadru ta’ fuq l-altar tan-naħa tax-xellug. Dan il-kwadru juri t-tieġ tal-Madonna ma’ San Ġużepp.

Il-professur Briffa ħareġ it-talenti tiegħu fil-pittura tal-korsija, tal-kappelluni, tal-kor u tal-koppla.  Naturalment ma tantx kellu għażla dwar x’suġġett kellu jpitter u għalhekk għażel li jiżviluppa t-tema tas-sehem tal-Madonna fl-istorja tas-Salvazzjoni.  Għalekk għażel li fil-koppla jpitter in-nisa tat-Testment il-Qadim li bit-tjubija tagħhom donnhom ippreċedew lil dik ta’ Marija bħalma kienu Esther, Ġuditta, Abigail u Ruth fost oħrajn.  Pitter ukoll il-preżentazzjoni ta’ Ġesů fit-Tempju fil-preżenza ta’ Xmun kif ukoll ix-xena ta’ Ġesů mitluf fit-Tempju jirraġuna mal-għorrief.  Temi oħra li hu tratta mill-ħajja tal-Madonna kienu l-Pentekoste u it-tlugħ glorjuż tal-Madonna fis-sema. 

Matul il-gwerra, tista’ tgħid li x-xogħol tal-pittura waqaf. Iżda fl-1946 nbeda x-xogħol tal-pittura fis-saqaf ta’ dan it-tempju. L-ewwel pittura li saret, kienet dik tal-kor li tlestiet fl-1949. Dan il-kwadru juri lill Madonna qed tiġi inkurunata mis-Santissima Trinitŕ. Din il-pittura, l-Professur Briffa għamilha b’wiegħda lill-Madonna.

Il-kwadru Titulari, li huwa kwadru antik ferm, sar bejn is-snin 1668 u 1679, u juri lill-Verġni Marija fuq is-sħab b'binha Ġesů  fi ħdanha bil-qegħda f'ħoġorha, b'dirgħajha tal-lemin, estiża lejn l-Anġlu Kustodju li jidher wieqaf iħares lejha waqt li qed jipproteġi lit-tfajjel. Fin-naħa t’isfel tal-kwadu, fin-nofs, jidhru l-erwieħ tal-Purgatorju, waqt li fuq ix-xellug, jidher San Ġwann il-Battista. Hu wkoll wieqaf, bl-istandard tal-Ordni tal-Kavallieri f’idejh.

Dan il-kwadru, kien impitter minflok wieħed eqdem, li issa jinsab fil-kappella tal-ġenb tal-istess Santwarju. Ma nafux min pitter dan il-kwadru l-antik, li sar bil-flus tal-Kavallier De Pierre, u nsibu wkoll fiħ l-arma tal-familja tiegħu, u x-xbiha tal-istess kavallier, iħares lejn il-Vergni Marija, bħal wieħed li qed jirringrazzjaha, għal xi grazzja li qala’.

Opri artistiċi oħra, huma l-ventartal tal-fidda immartellat, bl-arma tal-Kavallier Romwaldo Doż, il-kalċi u s-satla tal-fidda tal-Gran Mastru de Rohan, il-lampier tal-Gran Mastru Wignacourt, u oġġetti oħra prezzjużi.
 
Fost l-affarijiet prezjużi li jippossedi dan is-Santwarju insibu bukkett kbir bil-konkilji u bil-ganutell maħdum b’sengħa u reqqa kbira. F’nofs dan il-bukkett, tidher ix-xbiha ta’ Malta rebbieħa, b’bandiera f’idejha. Dan il-bukkett jingħad komunement li kien ġie mogħti mill-Gran Mastru de Valette wara r-rebħa tal-Assedju l-Kbir.
 

Ritratt - Melvin Farrugia     herba_0 2



Kwadri Ex-Voto

Bla dubju ta’ xejn, l-aqwa xhieda tal-protezzjoni u l-ħniena tal-Madonna lejn min jirrikorri lejha f’dan is-Santwarju, huma l-għadd kbir ta’ kwadri ‘ex voto’ li jinsabu għall-wiri ġo sala li kif għedna, tidħol Ritratt - Noel Ciantargħaliha mil-kappella tal-ġenb. Dawn jirrakkontaw diversi ġrajjiet, kważi bla tama, li sabu t-tama tagħhom fil-ħniena tal-Madonna tal-Ħerba. Fil-fatt f’dan is-Santwarju insibu l-ikbar numru ta’ kwadri ‘ex voto’, li teżisti fil-gżejjer Maltin, madwar ħames mitt kwadru, li minnhom hemm madwar mija u tlieta u tmenin kwadri marittimi. Dawn il-kwadri kollha ġew irrestawrati u enumerati.

Dawn il-kwadri kollha juruna diversi ġrajjiet koroh ta’ tempesti fuq il-baħar, ta’ battalji fuq il-baħar, ta’ mard li l-mediċina ma kellhiex il-ħila tfejjaq, ta’ ġrajjiet misterjużi ta’ safar f’artijiet tal-barbari, u ta’ diżgrazzji. Ma’ dawn il-kwadri, wieħed iried iżid, tifkiriet ta’ fejqan, bħal krozzi, idejn, riġlejn, u għajnejn tal-fidda, u tifkiriet ta’ ħelsien mill-jasar bħal ħbula, u ktajjen, li kollha jirrrakontaw ġrajjiet ta’ ħniena kbira li l-Madonna tal-Ħerba għandha lejn il-poplu Malti.

Is-Santwarju llum

Dan is-Santwarju jinsab f’kundizzjoni tajba hafna u jkun miftuh kuljum ghall-quddies.   Id-devozzjoni qawwija lejn il-Madpnna tal-Ħerba qatt ma naqset matul iż-żminijiet u għadek tara nies li jinvistaw dan is-Santwarju kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt barra f’xi okkażjonijiet speċjali matul is-sena wkoll.  Huwa lok fejn għadd ta’ koppji jagħżlu li jiżżewġu biex jibdew ħajjithom ta’ miżżewġin taħt il-ħarsien tal-Madonna.  Imbagħad meta jkollhom l-ulied tarahom ġejjin jippreżentawhom lill-Madonna.

Għal xi żmien, dan is-Santwarju kien il-lok fejn jiġi mgħallem il-katekiżmu fih ukoll.  Kienu jiltaqgħu fih kull xahar il- “Congregazione Mariana”  tal-membri tat-Terz’Ordni Karmelitan u anke tal-membri tal- “Fergħa Ewkaristika”.  Isiru wkoll irtiri għall-membri tal-Azzjoni Kattolika wkoll.  Kull min ikun irid isib lill-Madonna, dejjem sabha lesta hawn biex tilqgħu bil-ferħa.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba – Kronoloġija

1575

Żjara ta’ Mons. Pietro Dusina - diġŕ magħrufa għad-devozzjoni iżda mhux bhala “Tal-Ħerba”.

1615

Żjara tal-Isqof Cagliares – tissemma’ l-ewwel darba bħala “tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna Tal-Ħerba” - il-kwadru juri l-Madonna tal-Grazzja.

1640

Aktarx li l-knisja ġġeddet - iżda għadha bil-bieb lejn il-Punent.

1644

Inbniet knisja oħra quddiemha bil-bieb lejn in-Nofnsinhar,  Id-dedikazzjoni issa tissemma bħala tat-“Twelid tal-Madonna”.

1687

Niltaqgħu mal-ewwel deskrizzjoni tal-kwadru.

1733

Żjara tal-Isqof Alpheran de Bussan – jissemma’ li kellha l-kanċell jifred l-altar.

1774

Flok il-kappella l-qadima tinbena dik Rokoko li naraw illum.

1783

Konsagrazzjoni tas-Santwarju mill-Isqof Vincenzo Labini.

1797

Jinbena l-portiku tal-faċċata u l-kampnar.

1910

Issir l-Inkurunazzjoni Solenni tax-xbieha mirakoluża.

1923

Is-Santwarju jitkabbar għal kif hu llum.

1926-59

Il-Professur Ġużeppi Briffa jpitter fis-Santwarju.

1955

Tinbena s-sala għall-ex-voto minflok il-bitħa tal-pellegrini.

1960

Isiru ċelebrazzjonijiet f'għeluq il-50 sena mill-lnkurunazzjoni.

1985

Isiru ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-75 sena mill-lnkurunazzjoni.

1993

Isiru restawri u inizjattivi varji u l-biċċa l-kbira tal-kwadri ex-voto jitqiegħdu fis-sala.

2010

Isiru ċelebrazzjonijiet f'għeluq il-100 sena mill-Inkurunazzjoni.


Kitba ta’ Philip Xuereb
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Melvin Farrugia u mill-ktieb “Birkirkara - Storja, Kolleġġjata u Knejjes Filjali”, stampat minn P.E.G. fl-2005

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

mill-ktieb “Birkirkara - Storja, Kolleggjata u Knejjes Filjali”

mill-ktieb “Birkirkara - Storja, Kolleggjata u Knejjes Filjali”

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
mill-ktieb “Birkirkara - Storja, Kolleggjata u Knejjes Filjali”

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017