KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja ta’ San Pawl tal-Wied
~ Birkirkara ~

Knisja ddedikata lill-Appostlu Missierna San Pawl tinsab fi Triq il-Wied f’Birkirkara, triq li llum hi traffikuża ħafna. Fl-antik din it-triq ma tantx kienet tintuża għax ir-raħal ta’ Birkirkara kien aktar iċċentrat fin-naħa fejn illum tinsab il-Bażilika ta’ Sant’Elena. Iżda meta nbniet il-Knisja Parrokkjali l-ġdida (il-knisja li llum hi magħrufa bħala “Il-Qadima”, li ma tantx kienet popolari mal-Karkariżi għax kienet kemxejn ’il bogħod mill-abitat), in-nies kienu jaqsmu l-pont biex imorru lejha, u kienu jgħaddu mill-inħawi tal-Knisja ta’ San Pawl.

Ritratt - Noel CiantarOriġini

Skont ma kien ħalla miktub l-Isqof Fra Pawlu Alpheran de Bussan fl-atti tal-ewwel Viżta Pastorali li kien għamel fis-sena 1728, il-knisja ta’ San Pawl fil-Wied ta’ Birkirkara kienet inbniet fis-sena 1538. Dan kien tmien snin biss wara l-miġja f’Malta tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, li seħħet fl-1530. Tas-sura u d-dehra ta’ din il-knisja nistgħu nieħdu ħjiel minn diversi sorsi. Għalkemm dawn huma ta’ żmien aktar tard mis-seklu sittax, jinkiseb tagħrif siewi fuqha billi din il-knisja baqgħet l-istess għal aktar minn 300 sena, sakemm inbniet mill-ġdid bejn l-1852-1854.

Mill-Viżta tal-Isqof Cagliares fl-1615, insiru nafu li din il-knisja kienet orjentata (tħares) l-istess bħall-knisja li hemm illum, u li quddiemha kien hemm ċimiterju mdawwar b’ħajt u kolonna b’salib fuqha, kollox tal-ġebel. Meta l-knisja ġġeddet fis-seklu dsatax, dan is-salib ma baqax fuq il-kolonna quddiem il-knisja, iżda llum qiegħed fuq l-opramorta ta’ fuq il-bieb tas-sagristija.

Dan is-salib iġib minquxa fuqu d-data 1611. Issa jista’ jkun li ċ-ċimiterju li jsemmi Cagliares, u li ma jissemmiex minn Dusina (1575), kien sar mal-knisja ta’ San Pawl tal-Wied qrib is-sena msemmija, sewwasew meta kienet bdiet tinbena l-Knisja l-Qadima tal-lum minflok dik parrokkjali medjevali. Allura temporanjament ma kienx qed isir dfin f’din u fiċ-ċimiterju li kellha madwarha. V. Borg jgħid li dan iċ-ċimiterju l-aħħar li jissemma kien fil-Viżta Pastorali ta’ Balaguer tal-1637 u ma jissemmiex aktar mill-1659 ’il quddiem. Sadanittant allura, billi l-Knisja l-Qadima kienet lesta, kien beda jerġa’ jsir id-dfin fil-knisja parrokkjali.

Fl-1637 meta l-Isqof Balaguer Camarasa għamel Viżta Pastorali f’Birkirkara u żar il-knisja filjali ta’ San Pawl fil-wied ta’ Birkirkara, kien innota li l-kwadru ta’ fuq l-artal kien wieħed antik ħafna. Fost affarijiet oħra li dan l-Isqof kien ordna li kellhom isiru minn Gio Maria Gilestri, li kien jieħu ħsieb il-knisja, kien li jibdel dak il-kwadru u jagħmel ieħor ġdid.

Il-Knisja

Minn dak li ħalla miktub l-Isqof Fra Davide Cocco Palmieri wara l-Viżta tal-1687, jidher li minn ġewwa l-knisja kellha tliet ħnejjiet u msaqqfa, kif normalment, bix-xorok. V. Borg jgħid li allura din il-knisja kienet ta’ xi ħmistax-il pied tul għax jikkalkula l-wisa’ bejn kull ħnejja għal ħames piedi. Borg hawn mhux eżatt, bħalma ma kienx E.B. Vella meta tkellem fuq l-ewwel knisja parrokkjali ta’ Santa Liena fil-Għargħar.


San Pawl tal-Wied, Birkirkara - Ritratt: Noel Ciantar



L-ewwel nett għax jekk il-knisja ta’ San Pawl kellha tliet ħnejjiet, ifisser li kellha erba’ ndani ta’ xorok u mhux tlieta. Issa jista’ jkun ukoll li din il-knisja kienet imsaqqfa b’xorok itwal minn ħames piedi, ngħidu aħna xorok tal-qasba (sitt piedi u nofs jew żewġ metri). Dan ifisser li l-ewwel knisja ta’ San Pawl tal-Wied setgħet kienet twila kważi xi 30 pied (kważi 9 metri) u mhux ħmistax-il pied. Jekk ix-xorok kienu tal-ħames piedi din kienet knisja ta’ madwar 22 pied. Fil-fatt kienet knisja tixbah ħafna lil dik ta’ Sant’Andrija ta’ ħdejn ix-Xarolla fiż-Żurrieq.


Ritratt: Caroline Busuttil


Minn viżta oħra fis-seklu ta’ wara, fl-1723, nieħdu li dil-knisja lanqas ma kellha sagristija, għax fiha stess kien hemm armarju biex fih jinżammu xi affarijiet meħtieġa għall-kult.

Akkwarell tas-Seklu Dsatax

Ta’ din il-knisja għad għandna dehra minn akkwarell li kien sar fis-snin tletin jew erbgħin tas-seklu dsatax, ftit qabel ma reġgħet inbniet mill-ġdid. Dan kien sar minn Reverendu Ingliż, kunjomu Markham. Akkwarell (301 x 202 mm) juri l-knisja ta' San Pawl tal-Wied f'Birkirkara, bit-titlu Village of Bircarcara, Malta. Aktarx tpinġa fl-1845-1846. Dan l-akwarell jinsab fil-kollezzjoni privata ta' Dr. Albert Ganado u dan l-aħħar ġie riprodott fil-faċċata fuq ktejjeb żgħir bl-isem “2000 sena minn twelidek San Pawl - Knisja Filjali San Pawl tal-Wied Birkirkara 2009”, editur Mario Gauci.

Minn dan l-akwarell jidher li kienet knisja sempliċi bħall-knejjes medjevali Maltin, bis-saqaf ftit għal ponta għax jogħla mal-ħnejjiet u fuq quddiem kien hemm kampnar grabja b’qanpiena li jissemma lejn nofs is-seklu tmintax. Il-bieb jidher li ma kienx għal ponta, bħalma kien ikun fil-knejjes medjevali. Dan seta’ nbidlitlu s-sura aktar tard, kif ġara fi knejjes oħra tal-epoka li għadhom jeżistu. Il-bieb tal-injam innifsu, skont l-akkwarell, fil-parti ta’ fuq tiegħu kien speċi ta’ grada.

Fil-faċċata, bejn il-bieb u l-kampnar kien hemm bħal rewwieħa jew tieqa żgħira u dejqa, qisha bħal dik ta’ San Mikiel is-San Ċir barra r-Rabat. Kellha wkoll l-imwieżeb għall-ilma tax-xita, aktarx tnejn fuq kull ġenb. Ir-rifdiet li jidher li kellha fuq il-ġnub, bħall-waħda li għad hemm mal-knisja ta’ Santu Rokku n-naħa ta’ Triq San Ġiljan, aktarx li saru biex isaħħuha wara t-terremot tal-1693. Dan jidher mill-Viżti Pastorali tal-Isqof Cocco Palmieri tal-1693 stess u tal-1699 meta fl-ewwel waħda kienu ngħataw struzzjonijiet biex tissewwa u f’tal-aħħar kien irrappurtat li dan kien sar.

F’dan l-akkwarell jidher li s-salib fuq il-kolonna quddiem il-knisja, li semmejna aktar ’il fuq kien għadu hemm. Hemm ukoll statwa ta’ San Pawl fuq pedistall għoli, li kellha magħha fanal quddiem ix-xbieha. Din ukoll, meta nbidlet il-knisja, tneħħiet minn hemm, u issa, jekk inhija l-istess statwa, qiegħda fuq il-frontispizju tal-knisja. Madankollu minn tagħrif personali li kienu għaddewli xi snin ilu, ma kinitx ittellgħet mill-ewwel hemm fuq, iżda kienet għamlet xi żmien fin-naħa fejn il-wied jaqbad ma’ Triq in-Naxxar. Skrizzjoni bit-Taljan fuq irħama mal-blata tal-bieb issemmi l-indulġenzi li kienu ngħataw mill-Isqof Fra Ferdinandu Mattei, għal min jitlob quddiem ix-xbieha tal-Appostlu. Fl-akkwarell ma jidhirx iċ-ċimiterju li kien hemm darba quddiem il-knisja, li aktarx kien tneħħa fis-seklu sbatax.

Rabta ma’ Sengħa Antika

Lura għall-Isqof Balaguer u mill-atti tal-Viżta li għamel fl-1659, jidher li Gilestri kien għamel dak li kien ordnalu ħafna snin qabel rigward il-kwadru, għax jissemma wieħed ġdid. Dan kien jirrappreżenta lil San Pawl fil-parti ta’ fuq, waqt li fil-parti t’isfel kienu jidhru fih San Krispin u San Krispinjanu. Dawn il-qaddisin, minn żmien antik ħafna, jitqiesu bħala l-patruni ta’ dawk li jaħdmu fil-ġild u tal-iskrapan.

V - Il-Martirju ta' S Krispin u S Krispinjanu

Mhux magħruf sew x’konnessjonijiet kellhom nies ta’ dawn is-snajja’ mal-knisja ta’ San Pawl tal-Wied. Imma fl-isem ta’ waħda mit-toroq ta’ Birkirkara, għad hemm ħjiel ċkejken dwar x’setgħet kienet din il-konnessjoni. Dejjem jekk dan l-istess isem imur lura għal dawk iż-żminijiet.

Ta’ min jgħid f’dan l-istadju, li fil-knisja ta’ San Pawl tal-Belt Valletta, fl-1614 diġ kien hemm artal u fratellanza f’ġieħ dawn il-qaddisin aħwa martri. Il-fratellanza kienet tiġbor fiha lill-iskrapan u dawk li jaħdmu x-xedd għall-bhejjem tat-tagħbija. Issa hu magħruf ukoll li dawk li jbiegħu l-irkaptu , jiġifieri l-ġild u l-bqija tal-affarijiet li jkunu meħtieġa għal dan il-mestier, sal-bieraħ kienu jinsabu f’dik li tissejjaħ It-Telgħa tal-Masri, dik il-parti wieqfa ta’ Triq San Pawl, qrib il-Berġa ta’ Kastilja.

Issa f’Birkirkara, mhux bogħod mill-knisja ta’ San Pawl tal-Wied, hemm waħda mill-aktar toroq antiki tal-lokal li hija magħrufa bħala Sqaq Qrejżu. Din il-kelma hija ta’ oriġini Għarbija u tfisser dak li jikkonza l-ġild bit-tanina u mill-għerq tagħha joħroġ kliem ieħor b’rabta mat-tanina. Din it-tanina kienet tinkiseb mill-qoxra ta’ ċerti siġar bħal tal-gazzija, tal-ballut jew ix-xumakk; din tal-aħħar magħrufa wkoll bħala tal-konza. Dis-siġra llum hi rari f’Malta u tikber f’postijiet bil-blat u widien. Jerġa’ l-post jew ħanut fejn dawn il-kunzara kienu jaħdmu, kemm jista’ jkun, kien ikun qrib xi sors tal-ilma, minħabba li dan ikun meħtieġ sew fil-proċess.

Monsinjur Vincenz Borg jispekula li forsi l-imsemmi Gio Maria Gilestri seta’ kien skarpan hu nnifsu jew li seta’ kien megħjun minn xi skrapan jew nies li jaħdmu fil-ġild, biex iwettaq l-ordni li kien tah l-Isqof fl-1637 u jagħmel kwadru ġdid għall-knisja ta’ San Pawl tal-Wied. Monsinjur Borg jgħid ukoll li San Krispin u Krispinjanu kienu baqgħu jissemmew fid-deskrizzjonijiet tal-kwadru fil-Viżti Pastorali sal-1679. Wara dis-sena jissemma biss li l-kwadru ta’ dil-knisja kien juri l-konverżjoni ta’ San Pawl. Madankollu mhux eskluż li seta’ baqa’ l-istess kwadru. Il-kwadru preżenti, wara kollox, kien sar fit-tieni nofs tas-seklu dsatax minn Giuseppe Calleja, wara li l-knisja nfisha kienet inbniet mill-ġdid (1852-1854).

Il-Knisja Llum

Il-knisja ta’ San Pawl kif inhi llum kienet reġgħet inbniet bejn l-1852 u 1854. Il-perit kien Giuseppe Bonavia (li kien għamel ukoll l-ewwel knisja tal-Balluta u l-bini tal-Borsa fi Strada Rjali ’l isfel, il-Belt). Ta’ min jinnota d-dekorazzjoni li tixbah dik ta’ madwar il-knisja tal-Mosta. L-arloġġ hu tal-magħruf Mikielang Sapiano u sar fl-1891 u fih żewġ kwadranti, wieħed fil-kampnar, li fih 5 qniepen u fejn tinsab ukoll il-magna, u l-iehor fil-faċċata. Il-kwadru titulari hu kopja minn Giuseppe Calleja ta’ dak li hemm fil-knisja tat-Tre Fontane f’Ruma. Il-kolonni tal-prospettiva kienu nġabu mill-kappellun tal-Kurċifiss tal-Knisja l-Qadima, li dak iż-żmien kienet imġarrfa - illum f’din tal-aħħar saru kopji minn fuq dawk li kienu nġabu fil-knisja ta’ San Pawl tal-Wied. Il-pittura tas-saqaf hija tal-Karkariż Ġużeppi Briffa u saret bejn is-snin 1944 u 1961. L-istatwa titulari tal-injam inġabet fl-1952 minn Bolzano, fl-Italja, biex tieħu post oħra akbar tal-kartapesta li kienet saret xi 30 sena qabel minn Wistin Camilleri t’Għawdex.

Il-Knisja ta’ San Pawl illum tinsab fi stat tajjeb u fiha jsir il-quddies. Ta’ kull sena għadha tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Missierna San Pawl.

Kitba ta’ Philip Xuereb
Proof Reading ta’ Tony Bonello
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Noel Ciantar u Anthony M. Brincat

L-Arlogg - xoghol ta' Mikelang Sapiano tal-1891 - Ritratt: Noel Ciantar
2007_0618BKara4Kappelli0079
It-Titular - Ritratt: Caroline Busuttil
Kwadru mportanti fis-Sagristija.  Juri lil Madonna bil-Bambin ma' San Gwann u San Anton Abbati..  Fl-1997 gie attribwit, fuq xebh stilistiku, lil Stefano Erardi minn Bernardine Scicluna.  Ritratt: Caroline Busuttil
St Paul B'kara vault - Ritratt: Anthony M. Brincat
Akkwarell (301 x 202 mm) li juri l-knisja ta' San Pawl tal-Wied f'Birkirkara, bit-titlu Village of Bircarcara, Malta. Aktarx tpingiet fl-1845-1846. Din tinsab fil-kollezzjoni privata ta' Dr. Albert Ganado.
Ritratt: Caroline Busuttil
L-istatwa ta' San Pawl, xoghol ta' Ferdinando Stuflesser minnOrtisei fl-Italja ta' fuq.  Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
St Paul B'kara apse: Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Caroline Busuttil
Birkirkara - Valley Road In The Old Days
Birkirkara - San Pawl tal-Wied

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017