KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Messaġġ mill-Eċċellenza tiegħu Mons. Pawlu Cremona O.P. Arċisqof Emeritu ta' Malta

Il-gżejjer tagħna f'Malta għandhom wirt storiku kbir. Fost dan il-wirt, il-gżejjer tagħna juru kemm is-sentiment reliġjuż dejjem ħalla wirjiet tal-fidi tiegħu f'postijiet ta' qima. Dan jibda sa minn żminijiet preistoriċi.

Meta daħlet ir-reliġjon nisranija f'Malta permezz ta' Missierna San Pawl, il-postijiet ta'qima ħadu xejra nisranija. Sa mill-ewwel żminijiet tal-preżenza nisranija għandna katakombi li wrew kemm il-ħajja tal-Maltin kienet magħquda mal-fidi tagħhom. U tul iż-żminijiet kollha sa llum, il-komunità nisranija baqgħet turi l-qima tagħha lejn il-Mulej u x-xewqa tagħha li tiltaqa' biex tqimu, hekk li tatna monumenti verament sbieh mil-lat tal-arkitettura, skultura u pittura, hekk li saru parti importanti ħafna tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Biżżejjed insemmu l-Konkatidral ta' San Ġwann, fil-Belt Valletta.

Biss, hemm wirja speċjali ta' qima, anke jekk bħala arkitettura mhux daqshekk imponenti bħall-knejjes il-kbar, li turi aspett ieħor importanti tal-fidi nisranija. Hija x-xewqa ta' rħula żgħar li xorta riedu post qrib tagħhom, meta t-trasport kien diffiċli, biex ikunu jistgħu jiltaqgħu flimkien u jqimu lill-Mulej. Daw huma ħafna mill-kappelel li tant għandna minnhom hawn f'Malta, u juru aspett partikolari tal-Wirt ta' pajjiżna.

Jiena nifraħ għal din l-inizzjattiva tagħkom għaliex qiegħda turi rispett lejn l-antennati tagħna li bnew dawn il-kappelel b'tant sagrifiċju u b'tant imħabba; qiegħda tagħti ċ-ċans lill-Maltin kollha biex ikunu jistgħu igawdu anki dawk il-kappelel li forsi qatt ma żaru, u jkunu jistgħu jitgħallmu fuqhom. U naħseb ukoll li hija ħaġa tajba, għax permezz ta' din ir-riċerka, inkunu nistgħu nieħdu ħsiebhom aħjar, peress li xi wħud minnhom jinsabu fi stat ħażin.

Nirringrazzjakom ukoll, u nbierek din l-inizzjattiva tagħkom, għal din ir-rokna fl-internet li tagħti togħma u messaġġ nisrani, minbarra dak artistiku.
 

220px-Bishop_malta_paul_cremona - Minn Wikipaedia

[Id-dokument oriġinali]

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com