KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Mudelli ta’ Knejjes Żgħar
magħmulin bl-injam
Anġlu Fenech

Ritratt:  Roderick BusuttilLil Anġlu diġà konna ltqajna miegħu xi ftit taż-żmien ilu meta flimkien ma’ Ġiġi Mallia kienu għamlu mudell kbir ta’ knisja li nsibuha ukoll fis-sezzjoni tal-Passatempi. Dan l-aħħar għaddieli għal-widnejja li Anġlu reġa’ daħal għall-biċċa xogħol ambizzjuza ħafna li għandha x’taqsam direttament mas-suġġett tal-website tagħna. Anġlu ddeċida li jipprova jagħmel mudell tal-injam tal-kappelli kollha li nsibu f’Malta u Għawdex u ma setgħax jonqos li jien mort s’għandu sabiex nara kif hu miexi x-xogħol.

Min hu Anġlu Fenech …

Bdejt l-intervista billi staqsejtu xi ħaġa żgħira fuqu. Anġlu Fenech twieled fit-30 t’Awwissu tal-1945. Hu miżżewweġ, għandu tlett itfal u tlett neputijiet. Anġlu hu min-Naxxar, imma joqgħod Birkirkara. Kien jaħdem bħala foreman mal-Waterworks. Anġlu qalli li hu minn dejjem kien dilettant tax-xogħol fl-injam u kien tgħallem s-sengħa ta’ mastrudaxxa.
L-imħabba li għandu għax-xogħol tal-mudelli tal-knejjes, x’aktarx li ħadha minngħand nannuh, li kien jagħmel l-istatwi. Anġlu rrimarkali li hu meta jagħmel ix-xogħol, ma jmurx ikejjel jew jew iħożż bil-lapes, imma dak li jaraw għajnejh jagħmlu idejh. Dan ifakkarna f’ħabib ieħor tagħna, il-Karkariż Frans Casha, li għamel mudell tal-Knisja ta’ Sant’Elena bil-ġebel – dan ukoll ħadem fuq għajnejħ mingħajr ma kejjel xejn u l-prodott finali ukoll hu sorprendentament preċiż. F’dan il-każ t’hawn, Anġlu iżda qed jirreferri għal xi ritratti sabiex ikun jista’ jara d-dettalji.

Kif iddeċieda li jibda b’dan il-progett …

Meta staqsejt lill-Anġlu kif tħajjar li jidħol għal din il-biċċa xogħol hu qalli li minn dejjem kien dilettant tal-knejjes u kif semmejna qabel diġà għamel diversi mudelli biex jintramaw bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Imma għedtlu jien x’fettillek taqbad il-kappelli? Qalli li hu kien trabba fejn il-Kappella tal-Kunċizzjoni tan-Naxxar u minn dejjem kienet għal qalbu. Issa li joqgħod Birkirkara ta’ spiss jgħaddi minn fejn il-Kappella ta’ Sant’ Antnin ta’ Birkirkara u kull meta kien jgħaddi minn quddiemha kien jgħid bejnu u bejn ruhu li xi darba ried jagħmel mudell tagħha bl-injam. Darba qal lil sieħbu Ġiġi biex jeħodlu ftit ritratti tagħha u minn hemm beda bix-xogħol. Iżda l-ewwel kappella li lesta kienet dik ta’ San Mikiel tas-Salini li qabel kienet tagħmel man-Naxxar. Beda bix-xogħol f’Lulju li għadda (Lulju 2009) u sal-lum, l-aħħar ta’ Settembru, diġà lesta 11-il kappella u għandu xi 4 oħra mmudellati. S’issa lesta 10 kappelli tan-Naxxar u waħda ta’ Birkirkara.

Ritratt:  Roderick Busuttil

Meta kont qed nitkellem ma’ Anġlu ma stajtx ma ninnotax l-imħabba li għandu lejn pajjiżna. Hu qalli li ma jistax jifhem kif ħafna nies meta jsiefru u jaraw affarjiet hemm erħilhom jiskantaw u jistagħaġgbu biex imbagħad il-wirt arkitettoniku kbir li hawn f’Malta tagħna xi kultant lanqas biss ikunu jafu bih.

 

Ritratt:  Roderick Busuttil

Ritratt:  Roderick Busuttil
Ritratt:  Roderick Busuttil

Il-Mudelli ...

Hawnhekk Anġlu beda jurini l-mudelli u jien bqajt skantat bid-dettall li fihom. Kif nagħmel is-soltu f’okkazzjonijiet bħal dawn għedtlu biex ma jgħidlix liema huma ħalli nipprova nagħarafhom jien. Irnexxili naqta’ ħafna minnhom, grazzi għad-dettallji preċiżi li fihom. Dan tella’ lil Anġlu fis-seba sema għax qalli li allura il-kappelli kienu jingħarfu u dan juri li x-xogħol qed jagħmlu sew. Il-mudelli tal-kappelli huma tal-injam u huma mdaqqsin. Fil-fatt Anġlu qed jaħdimhom ta’ 10 x 6 pulzieri jew 8 x 5 pulzieri bħala qies. B’hekk id-dettalji kollha tal-kappelli, inklużi l-qniepen, d-disinji tal-oculi, l-kampnari kif ukoll il-pilastri u l-gwarniċi joħorġu aħjar. Ix-xogħol qed isir kollu bl-injam ta’ tipi differenti u juża l-arkett biex jaqta certu dettall. Dan ix-xogħol jinvolvi ukoll qtugħ ta’ injam fiċ-ċokon bl-idejn.

Xi kappelli fil-faċċata għandhom statwi fin-niċeċ jew anki zuntier bil-balavostri. Għalhekk dan ikompli jżid ix-xogħol ta’ reqqa li jrid jaħdem bih. Anġlu qalli li f’dan ix-xogħol trid ikollok imaġinazzjoni biex tara li x-xogħol joħroġ kemm jista’ jkun viċin lejn l-oriġinal. Hu juża buttuni kif ukoll affarjiet oħra biex ikun jista’ jagħmel affarjiet li ma jkunx jista’ jagħmel bl-injam. F’dawn il-mudelli hu juża njam artab bħal-balsa u samba wood kif ukoll triplaj biex ikun jista jagħti l-forom meħtieġa.

Mhux qed juża kartun jew affarjiet oħra ħlief għall-bibien u t-twieqi tal-kappelli. Ix-xogħol qed iħalliħ bil-kulur oriġinali tal-injam li jagħti dehra verament sabiħa lil dawn il-mudelli.

Kemm idum biex ilesti kappella …

Anġlu qalli li bħalissa għaddej ġmielu bix-xogħol tant li jaħdem madwar 3 siegħat kuljum. Rigward kemm idum fuq kull kappella qalli li dan jiddependi mill-kappella li jkun qed jagħmel. Kappelli li għandhom faċċata lixxa bħal dawk ta’ San Mikiel tas-Salini u ta’ Santa Katerina ta’ Wied il-Għasel jeħlishom f’ġurnata jew inqas imma l-Kappella ta’ Sant’ Antnin ta’ Birkirkara li għandha faċċata fuq stil barrokk kumpless ħaditlu xahar. Anġlu qalli li m’hemmx għaġġla: l-importanti hu li x-xogħol isir bil-mogħod u sew ħalli l-prodott finali ikun iqarreb kemm jista’ jkun lejn kappella. Jien nista’ nikkonferma li b’li rajt qiegħed jirnexxilu jkun fidil ferm fil-mudelli lejn l-original sal-inqas dettall. Eżempju ta’ dan f’kappelli partikolari li lesta, fl-oriġinal din għandha nofs iz-zuntier bil-gebel tas-sejjieħ u n-nofs l-ieħor ġebel tal-franka. Anġlu ma qatax dritt u għazel tip minnhom u għamlu kollu hekk. Minflok, għamel iz-zuntier kif inhu fir-realta u għamlu nofsu tas-sejjieħ u nofsu tal-franka.

Ritratt:  Roderick Busuttil
Ritratt:  Roderick Busuttil
Ritratt:  Roderick Busuttil

 Kif jiddeċidi liema mudelli jagħmel …

Meta staqsejtu kif jiddeċieidi liema kappelli jagħmel hawn ħareġ il-karattru tiegħu. Qalli li hu Naxxari u għalhekk kien bir-raġun li jibda minn dawk il-kappelli li nsibu f’dan ir-raħal antik. S’issa għamel għaxar kappelli tan-Naxxar u bħalissa fadallu l-aħħar waħda, dik ta’ San Ġwann, li għandha forma kemmxejn oriġinali li tagħmilha iktar diffiċli biex wieħed jagħmilha. Imma għal Anġlu xejn mhu mpossibbli għax kif qalli hu stess dak li jaraw għajnejh jagħmlu idejh, u dan nista’ nikkonfermah jien stess minn xogħolijiet oħra li għandu fid-dar tiegħu. Saħansitra għandu wkoll mudell tat-Torri Eiffel ta’ Pariġi.

Mas-sett tal-kappelli tan-Naxxar daħħal ukoll żewġ kappelli li kien hemm fejn il-Knisja parrokkjali tal-lum li kellhom jitwaqqgħu meta nfetħet it-triq Labour Avenue. Dawn kienu ddedikati waħda lil San Bastjan u Santu Rokku u l-oħra lil Santa Margerita. Skond Anġlu, it-telfa ta’ dawn il-kappelli kienet ħasra kbira għax kienu ferm sbieħ u hu jiftakarhom sew meta kienu għadhom weqfin biswit il-Każin tal-Banda Peace tan-Naxxar. Li Anġlu hu Naxxari m’hemm l-ebda dubju għax fid-dar tiegħu għandu niċċa kbira bi statwa ta’ Marija Bambina, titular tan-Naxxar. Għandu wkoll mudell tal-knisja parrokkjali tan-Naxxar kif kienet qabel saru l-korsiji. Issa qed jerġa’ jagħmel dan il-mudell fuq skala ikbar

Il-kliem reġa’ waqa fuq il-kappelli u qalli li issa qed jagħmel il-kappelli ta’ Birkirkara. Kif diġà għedna, il-mudell tal-kappella ta’ Sant’ Antnin lestiha u issa qed jaħdem fuq dawk tal-Ħerba, ta’ Santu Rokku u ta’ San Pawl tal-Wied. Il-quddiem beħsiebu jagħmel ukoll dik tal-Vitorja li ma tinsabx wisq ‘il bogħod minn fejn joqgħod. Wara li jlesti dawk ta’ Birkirkara bi ħsiebu jibda l-kappelli tal-Mosta u wara ta’ Ħal Għargħur.
 
Xi problemi jiltaqa’ magħhom …

Anġlu qalli li waħda mill-problemi li jkollu hi biex imur jieħu r-ritratti tal-kappelli biex b’hekk ikun jista’ jagħmel il-mudell minn fuqhom. Iżda aħna ta’ www.kappellimaltin.com ser nibdew ngħinuh billi ngħaddulu xi ritratti li għandna anke ta’ xogħol li għadna ma ppublikajniex. Anġlu qalli li qabel jibda x-xogħol irid ikun mar jara l-kappella, idur dawra magħha biex jara d-dettalji kollha anki dawk tal-ġnub u minn hemm jibda x-xogħol.

Problema oħra hi dik tal-ispazju għax peress li hawn il-fuq minn 300 kappella. Fejn ser ipoġġihom meta jlestihom għadu ma jafx. Iżda hu ma jaqtax qalbu u qalli li lest anki jbattal kamra f’daru u jpoggihom fiha. .

Ritratt:  Roderick Busuttil
Ritratt:  Roderick Busuttil
Ritratt:  Roderick Busuttil

L-imħabba lejn il-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna …

Meta kont qed nitkellem ma’ Anġlu ma stajtx ma ninnotax l-imħabba li għandu lejn pajjiżna. Hu qalli li ma jistax jifhem kif ħafna nies meta jsiefru u jaraw affarjiet hemm erħilhom jiskantaw u jistagħaġgbu biex imbagħad il-wirt arkitettoniku kbir li hawn f’Malta tagħna xi kultant lanqas biss ikunu jafu bih. Qalli li din ħasra kbira u xi kultant m’aħniex napprezzaw dak li għandna. Semmili ukoll li fil-passat tlifna ħafna minħabba nuqqas ta’ attenzjoni bħalma ġara f’dawk iż-żewġ kappelli tan-Naxxar li twaqqgħu mingħajr ebda ħsieb. Iżda llum wieħed jieħu gost jara li x-xogħol tar-restawr qed joktor u jiżdied u dan jawgura tajjeb.

Hawnhekk iddeċidejt li nħalli lil Anġlu b’xogħlu. Hu qalli li min ikun irid jara dawn il-mudelli tal-kappelli hu lest jiftaħlu l-bieb ta’ daru (jista’ jikkuntattja lilna u aħna nkellmu lil Anġlu). Iżda hu deċiż li meta jkollu iktar mudelli lesti jibda jsib okkazjonijiet fejn jista jeħodhom f’esibizzjonijiet ħalli n-nies ikunu jistgħu japprezzaw ix-xogħol tiegħu.

Filwaqt li awgurajtlu u ergajt fraħtlu għal ġmiel u r-reqqa tal-mudelli ddettaljati li qed jagħmel, kif ħriġt mid-dar tiegħu jien u miexi fit-toroq imserpin fin-naħa antika ta’ Birkirkara bejni u bejn ruħi għedt kemm hawn min għandu doni sbieħ li permezz ta’ jdejh ikun kapaċi joħloq opri tal-arti. Tiskanta ukoll kemm is-sempliċità tal-kappelli tħajjar nies li jpittruhom u jagħmlu mudelli tagħhom b’diversi mezzi biex hekk ikollhom pittura jew mudell ta’ dawn l-imqades ċkejknin f’darhom.

J’Alla nibqgħu niltaqgħu ma’ aktar nies li jagħzlu li jkomplu jieħdu ħsieb u jgħozzu l-kappelli biex uliedna jkunu jistgħu jibqgħu jgħozzu dan il-wirt kbir li ħallewlna missirijietna.
 

Intervistat minn Roderick Busuttil.
Ritratti Roderick Busutti

Ritratt:  Roderick Busuttil

 

Ritratt:  Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com