KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

WEB_CuriousSmall

Kurżitajiet: Kappella abbandunata taħt l-Imdina

Is-Sur Tony Bonello tana din l-informazzjoni

Din il-kappella hija kappella ta' ċimiterju. F'dan iċ-ċimiterju mitluq, sa fejn nista' niftakar, nismagħhom jgħidu, li kienu jidfnu lil-dawk li kienu jmutu bil-marda qerrieda tat-tuberkolożi kif ukoll dawk li mietu b'mard infettiv ieħor. Dawn kienu jkunu mill-isptar magħruf bħala l-'Inkurabbli' li l-poplu nġenerali kien idawwarha għall-'Kurabbli' li ma kien xejn ghajr l-Isptar ta' Santu Spirtu - illum is-sit tal-Arkivji Nazzjonali.

L-isptar l-ieħor tal-mard infettiv kien l-Isptar Connaught (li ġie magħluq fl-1956), illum il-Mużew tal-Istorja Naturali sewwasew kif tidħol l-Imdina. Missieri, li m'ilux wisq mejjet u kieku kien jagħalaq 100 sena fi ftit xhur oħra, kien jgħid illi xi Nanniet tieghu kienu midfuna hemm għax kienu mietu bit-Tuberkolożi, u billi aħna minn Ħad-Dingli, kull darba li konna ngħaddu bil-karozza fi triqitna lejn San Pawl il-Baħar konna ngħidu talba żgħira ghall-ruħhom. Dejjem niftakar u anke sa ftit ilu, xi ħadd kien jixgħel xi xemgħa u jdendilha mal-bieb tal-ħadid fuq barra.

Dan iċ-ċimiterju wieħed jista' jarah tajjeb ħafna minn fuq is-swar tal-Imdina u wieħed għandu jinnota li ħdejh hemm ċimiterju ieħor iżgħar ta' forma trijangolari. Qegħdin ħdejn xulxin b'miġra ta' Wied il-Ħemsija għaddeja bejniethom u eżatt ma' ġenb iċ-ċimiterju ż-żgħir. Dan ma jidhirlix li għandu kappella, imma tant hemm ħaxix ħażin li anqas biss tista' tidħol ġewwa u l-uniku mezz kif tara huwa li tarah mill-Imdina.

Kumbinazzjoni xi ġimgħatejn ilu mort ħadt xi ritratti fl-inħawi għax innotajt illi kien hemm xi xogħol għaddej f'dan iċ-ċimiterju tal-kappella. Sibt illi kienu qatgħu u naddfu il-post mill-ħaxix salvaġġ li kien kiber qies ta' siġar. Il-ħajt tal-lemin, li jifred iċ-ċimiterju mill-għalqa ta' ħdejh huwa mwaqqa' u sar ġbir ta' dan il-ġebel li qiegħed f'bruġ fit-tarf taċ-ċimiterju. Riċentement, xi ħadd poġġa xi qsari friski mqassmin mal-passaġġ tan-nofs li jwassal ghall-kappella.

F'dan iċ-ċimiterju ma jidhrux lapidi u għalkemm imqassam f'sezzjonijiet, m'hemm l-ebda marki. Ix-xogħol jidher li waqaf. Ħasra jekk jibqa' mitluq u miftuħ għax dan għandu jkun post sagru fejn hemm l-antenati tagħna.
 

Ritratt ta' Joseph Micallef
Ritratt ta' Joseph Micallef

Is-Sur Rene Attard qalilna hekk

Din il-kappella hi fil-fatt il-kapella taċ-ċimiterju tal-pesta li kien hemm (u għad hemm) fl-inħawi. Ma nafx jekk il-kappella hix tal-istess perjodu bħaċ-ċimiterju iżda dan hu wieħed minn żewġ ċimiterji li qegħdin tefa' ta' ġebla bogħod minn xulxin li kienu it-tnejn tal-pesta. Fil-fatt it-triq hi magħrufha bħala Triq tal-Infetti għax hekk kienu jsibuhom in-nies morda bil-pesta. Il-kappella u ċimiterju huma t-tnejn skedati (protetti) mill-MEPA u ilhom hekk mil-2001.

Is-Sur Anthony M. Brincat qalina hekk

Dawn ir-ritratti juri l-kappella ta' wieħed miċ-ċimiterji li hemm taħt is-swar tal-Imdina fit-triq li tati lejn il-Mosta u Ta' Qali fil-ħâra magħrufa bħala l-Ħmsija. F'dawn iċ-ċimiterji ndifnu dawk li kienu mietu bil-pesta (1813), bil-kolera (1837 u 1887) u l-marda tat-tuberkolożi. Dawn tal-aħħar kienu jmutu fl-isptar Connaught li kien hemm fil-Palazz Maġistrali fid-daħla tal-Imdina. Din il-kappella nbniet lejn it-tieni nofs tas-seklu dsatax.
 

Is-Sur Louis Fenech qalina hekk

Dik il-kappella li staqsew fuqha li hemm taħt l-Imdina tagħmel parti minn ċimiterju li kien jintuża fi żmien il-pesta. Il-kappella ma fiha xejn għaliex jiena dħalt m'ilhux għaliex qed inadfu ċ-ċimiterju u aktarx, skont informazzjoni li għandi, ser jerġa' jintuża. Fil-qobra għad hemm l-għadam u hemm tħarbita manja fihom għaliex barra l-għadam, sfaw mimlijin għeruq li infiltraw fihom kemm ilu abbandunat. Ma' ġembu hemm parti oħra ta' dan iċ-ċimiterju.

 

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com