Il-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes
- Floriana -
Min forsi qatt ma mar Lourdes u m’għandux opportunità li jmur, xorta waħda jista’ jħoss l-atmosfera ta’ Lourdes meta jżur il-kappella tal-Franġiskani Kapuċċini tal-Floriana. Din tinsab fil-pjazza tal-Kapuċċini ħdejn il-kunvent u l-knisja tas-Salib Imqaddes.
Id-Domma tal-Kunċizzjoni
Mir-raħal ċejken ta’ Lourdes, li jinsab ħdejn ix-xmara “Gave Du Pau”, qalb l-għoljiet tal-Pirinéj, preċiżament mill-Grotta ta’ Massabielle, mill-kelma Franċiża “vielle masse”, massa ta’ blat qadim, u f’riġlejn l-għerien ta’ Espelugues, kelma li ġejja minn “spelunca”, li tfisser “għar”, fis-sena 1858 dwiet il-frażi “JIENA JIEN L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI”. IL-Madonna dehret lil Bernardina, tifla ta’ 14-il sena għal 18-il darba.
Dawn it-18-il dehra tal-Madonna ikkonfermaw dak li kien iddefinixxa l-Papa Piju IX fit-8 ta’ Diċembru 1854 bil-bolla “Ineffabilis Deus” fejn stabilixxa li Marija hija bla ebda dnub lanqas tan-nisel. It-tnissil bla tebgħa tagħha u Hi huma ħaġa waħda. Il-qdusija tagħha u Hi huma ħaġa waħda. Hekk kien fil-ħsieb ta’ Alla minn dejjem. Hekk riedet tesprimi ruħha Marija lil Bernardina. Hekk emmnet il-Knisja.
L-Franġiskani u d-devozzjoni lejn Marija Immakulata
San Franġisk ma kienx xi bniedem ta’ skola kbira, u lanqas ma kien xi teologu li jikteb il-kotba u joqgħod jiddiskuti u jġib l-argumenti. Kien nisrani tajjeb li kien jaf u għex it-tagħlim tal-knisja. It-triq li għażel biex juri twemminu kienet dik tat-talb u tal-meditazzjoni
profonda dwar il-misteru ta’ Marija, u l-post ewlieni tagħha fl-Opra tal-Fidwa, fis-salvazzjoni tagħna. Kien propju f’kappella ċkejkna imsejħa “Porzjunkula “, il-kappella ta’ Sidtna Marija tal-Anġli li San Franġisk welled l-ordni tiegħu. San Franġisk kien iħobb dan il-post tal-Madonna aktar minn kull post ieħor u ried li l-aħwa jħarsuħ b’qima waħdanija.
L-Ordni Franġiskan dejjem mexa fuq il-passi ta’ dan il-fqajjar t’Assisi fid-devozzjoni tiegħu lejn Marija, u kien l-Ordni Franġiskan ukoll permezz tal-Beatu Ġwann Duns Scotus, li saħaq u nsista biex issir id-domma li Marija hija l-Immakulata Kunċizzjoni. Bir-raġun kollu Marija Immakulata hija l-Patruna tal-Ordni Franġiskan kollu.
Il-Franġiskani Kapuċċini fil-Floriana u l-Kappella Ta’ Lourdes
Il-kappella ta’ Lourdes fil-Floriana, sa qabel 90 sena ilu, ma konniex narawha fil-forma ħelwa u eleganti li għandha llum. Qabilha, fil-lok stess fejn tinstab din il-kappella kien hemm biss daqxejn ta’ niċċa tawwalija u quddiemha rixtellu tal-ħadid minn fejn wieħed kien jilmaħ l-istatwa tal-Madonna u lil Bernardina għarkubtejha quddiemha.
Qabel, fil-post kien hemm kappella oħra ddedikata lil Santa Marija Maddalena u li kienet inbniet fl-1709 mill Balliju tal-Ordni Fra Filippu Wolfgang von Guttenberg. Fl-1881 l-istatwa tal-Maddalena nbidlet ma' waħda tal-Madonna ta' Lourdes, 23 sena wara d-dehriet fil-belt Franciza. L-għar li hemm fejn fih hemm l-istatwi tal-Madonna u ta' Santa Bernadetta sar minn Duminku Busuttil.
Il-Provinċjal Patri Filippu Antonju mill-Belt ħaseb li jġib minn Franza din l-istatwa. Minn hawn nistgħu naraw li din l-istatwa hija fost dawk ewlenin tal-Madonna ta’ Lourdes, jekk mhux l-ewwel statwa li nġiebet Malta li bdiet tinxtered id-devozzjoni tagħha. Din in-niċċa ġibdet lejha ħafna devoti minn Malta kollha. Sa mill-bidu nett, meta kienu jmorru l-pellegrini Maltin ġewwa Lourdes, kienet id-drawwa li qabel jitilqu jiġu hawn biex isellmulha.
Il-Kappella terġa' tinbena
Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet tinxtered il-qima lejn Marija f’din in-niċċa, u għalhekk inħass il-bżonn li timbena kappella biex tkun ta’ kenn għan-nies kemm mix-xita u kemm mix-xemx. Dan kien jitlob ħafna spejjeż minħabba l-fatt li l-blat, li fuqu ried jitla’ l-pedament, jinsab ‘l isfel ħafna mit-triq fejn kienet in-niċċa.
Kellu jkun Patri Franġisk mill-Floriana li kien ilu ħafna jberren u jhewden biex jara kif jirnexxilu jagħmel xi ħaġa aħjar minn-niċċa l-qadima li dak iż-żmien kienet f’idejn Fra Bonaventura mill-Belt. Dan Patri Franġisk inzerta li kien jaf lil wieħed neguzjant, ċertu Franġisk Saverju Galea minn Ħal Qormi, li dan kien għamel wegħda mal-Madonna li jekk jaqlagħha jagħti somma flus għall-bini tal-kappella. Kif jidher sew, il-Madonna riditha l-kappella għax il-grazzja nqalgħet u mal-ewwel għarraf lil Patri Franġisk biex jieħu ħsieb ħalli x-xogħol jimxi ‘l quddiem.
Patri Franġisk għarraf lill-Provinċjal tiegħu, il-W.R.P. Ewsebju mill-Birgu. Il-Provinċjal flimkien mad-definitorju mhux biss tawh il-permess li jibda iżda wkoll tawh biċċa raba tal-kunvent biex fiha tinbena l-kappella l-ġdida.
Ġie mqabbad il-Perit Kav. Emmanuel Borg, ħabib tal-Kapuċċini u benefattur kbir tagħhom. Malli tlestiet il-pjanta, mal-ewwel bdiet tinħatt in-niċċa l-qadima u hekk insibu li f’Lulju 1918, beda l-bini l-ġdid. Ix-xogħol tal-bini kien fdat f’idejn l-imgħallem Piju Ebejer ta’ Ħal Balzan. Ix-xogħol beda tiela’ ġmielu tant li l-kappella kienet lesta f’qasir żmien. Tajjeb li nsemmu wkoll lill-artist Duminku Busuttil, li ħadem l-għar tal-Madonna, l-iskultur Ġuże’ Sammut,
lil Salvu Buhagiar li ħadem l-irħam u l- mastrudaxxi Ġużepp Azzoppardi u Pawlu Balzan.
Din il-kappella minn dejjem ġibdet lejha bosta benefattuni biex bi flushom isebbħu l-kappella. Fosthom tajjeb li nsemmu lill-Markiż Giovanni Scicluna li ħallas ir-raġġiera tal-fidda tal-Madonna. Insemmu wkoll lill-Onor. Sir Mikielanġ Refalo President tal-Qrati ta’ Malta, li ħallas il-paviment artistiku tal-irħham li jaqbel ħafna mal-istil tal-koppla. Ħuh, il-W.R. Akille Refalo, li flimkien mas-Sur Ġann Xuereb, għamel il-paviment l-ieħor tal-irħam taż-żewġt iġnub tal-Għar, is-Sinjorina Mary Zammit, is-Sinjura Karmena Cassar, is-Sun Anton DeBrincat u s-Sinjuri Augusta Denaro u Mary Manduca fost oħrajn.
Id-daħla solenni tal-Istatwa tal-Madonna fil-kappella tagħha
Sebaħ il-Ħadd, 26 ta Diċembru 1920. Il-Madonna ġiet meħuda filgħodu fil-knisja ta’ San Pubiju, minn fejn imbagħad, wara nofsinhar kellha toħroġ biex tmur fil-kappella tagħha għand il-Kapuċċini. Għall-ħabta ta’ 4:30 pm bdiet ħierġa l-purċissjoni li tmexxiet mill-Eċċ.Tiegħu Mons. Mawru Caruana, Arċisqof ta’ Malta. Fiha ħadu sehem il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, Qassisin, Terzjarji u ħafna nies li ġew minn kullimkien. It-toroq minn fejn għaddiet il-Madonna ġew imżejna bil-pavaljuni, bnadar u dwal. In-nies bdiet tixħet il-ward fit-toroq minn fejn kienet se tgħaddi l-Madonna. Hekk kif il-Madonna waslet ħdejn il-kappella, Mons. Luigi Farruga D.D. għamel kelmtejn tal-okkażjoni. Fost il-kliem li qal, Mons. Farrugia stieden lil Marija Verġni biex tidħol f’din il-kappella, li ulied il-fqajjar t’Assisi kienu ħejjewlha flimkien mal-benefatturi tagħhom, u biex mill-għar tagħha tissokta xxerred il-grazzji tagħha lil dawk ii jinħtiġuhom. Wara d-diskors, il-Madonna iddaħħlet fil-kappella fost il-kant tal-Ave Marija u ċ-ċapċip tan-nies. Il-kappella kienet ġiet imbierka dakinhar stess filgħodu mill-Isqof Mawru Caruana li wara t-tberik kien qaddes fiha l-ewwel quddiesa.
Il-Kappella minn barra u minn ġewwa
Mibnija fuq stil Ruman, il-kappella għandha pjanta ċorkolari, bħal rotunda ċkejkna bi tmien kolonni ta' stil Kompost jerfgħu l-attiku jew sekonda ordni u li minn fuqu titla' l-koppla semisferika li għandha tmien kustilji u lanterna. Bejn il-kolonni hemm 2 bibien, 2 twieqi u 2 niċeċ bi statwi tal-Qalb ta' Ġesù u ta' San Ġużepp.
Fil-fond jinsab l-għar tal-Madonna li jtik l-impressjoni li kien jeżisti diġà. Qabel il-gwerra kien hemm artal tal-irħam mgħasses minn żewg anġli kbar, li kien ikkonsagrat fid-9 ta’ Frar 1923 mill-Isqof Mawru Caruana u magħluq b’kanċell tal-irħam ukoll. Kemm l-artal u anki t-tabernaklu tal-irħam arġentat li għandu, saru mill-flus ta’ Franġisk Saverju Galea wkoll.
Biż-żmien, il-kappella bdiet titgħammar b’opri ġodda. Il-bażi tal-kolonni ġew miksija bi rħam iswed, li ħallas għalihom Salvu Tabone. Il-kaptelli tagħhom gew indurati bid-deheb. Saret il-pittura tal-parti ta' fuq il-koppla jew aħjar kif insejħulha, l-iskutella, minn Ramiro Calì fl-1923. Din saret bi spejjeż tas-Sur Anton Cassar Torreggiani O.B.E. Fl-1929 tkompliet il-bqija tal-pittura, u saret il-parti ta' taħt il-koppla u ż-żewġ anġli ta' fuq il-bieb mill-pittur Ġużeppi Briffa. Fl-1992-1993 inqalgħet il-pittura tal-koppla li tqiegħdet fis-sagristija tal-Knisja, u l-pittur Alfred Briffa pitter il-koppla mill-ġdid li turi l-Annunzjazzjoni u t-Twelid ta' Kristu fis-sekond ordni u fil-koppla l-Immakulata Kunċizzjoni, il-Proklama tad-Dogma tal-Kuncizzjoni fl-1854, is-Santwarju ta' Lourdes u Santa Bernadetta.
Minn barra l-kappella għandha arkittettura mill-isbaħ li mhix komuni f'pajjiżna. Għandha forma kwadra u ddominata mill-koppla li tistrieħ fuq tanbur ottagonali li fih tmien twieqi li iżda erbgħa minnhom huma magħluqa.
Fuq il-lanterna sa qabel l-aħħar Gwerra kien hemm statwa ta' anġlu bi ġwinħajh miftuħa. Il-gwarniċ tal-frontispiju jibqa' jdur mal-binja kollha u hu merfugħ minn numru ta' saljaturi. Il-bieb li ġej għan-nofs tond jinsab bejn erba' kolonni u li fuqhom hemm arkata li fiha l-kliem tal-Ave Maria.
Fil-ġenb tiegħu hemm żewġ irħamiet b-iskrizzjoni, li f'waħda minnhom hemm l-ismijiet ta' ħafna benefatturi fostom Franġisku Saverju Galea li għen ħafna lil Patri Franġisku fil-bini tal-kappella, Sir Michelangelo Refalo u l-Markiz Ġużeppi Scicluna.
|
Ritratt © Caroline Camenzuli
|
|

|

|
|
Il-Kappella fil-gwerra u warajha
Matul l-aħħar gwerra, din il-kappella ġarrbet xi ħsarat. Kienet inżammet magħiuqa minħabba l-ħsara mill-5 t’April 1942, għalkemm malajr kienet ġiet irranġata proviżorjament fit-2 t’Awissu tal-istess sena. Iżda l-istatwa tal-Madonna ftit wara li bdiet il-gwerra kienet ġiet merfugħa ġo “shelter” fil-Floriana. Tajjeb li ngħidu li wara li spiċċat il-gwerra, il-Madonna ġiet meħuda ħdejn id-dar ta’ Dun Manwel Magro, Triq l-Iljun, fil-Floriana. Hemmhekk fit-13, 14 u 15 ta Mejju 1946 sarilha Tridu ppridkat minn Patri Timotju OFMCap mill-Belt. Fis-16 ta’ Mejju ġiet meħuda fil-knisja parrokkjali u ġiet imbierka mill-provinċjal W.R. Patri Anton minn Għawdex. Fit-tlett ijiem li damet hemm, sarilha Tridu ieħor ippridkat minn Patri Felċjan mill-Floriana, Patri Timotju mill-Belt, u Patri Fidiel minn Għawdex.
|
Ritratti © Caroline Camenzuli
|
|

|

|
|
Qalb ta’ Ġesù
|
San Ġużepp
|
|
Iżda l-aqwa jum kien dak ta 19 ta Mejju. Fis-7.00am, fuq tribuna imwaqqfa apposta fuq il-wesa’ tal-Fosos ta’ ħdejn is-Salib tal-Franġiskani Kapuċċni saret quddiesa mill-Arċipriet Dun Anġelo Ghigo. Fl-4.00 pm il-Kapuċċini flimkien mat-Terzjarji u Benefatturi, telqu mill-kunvent għall-knisja ta’ San Publiju. Qabel il-purċissjoni, sar għasar solenni u priedka minn Patri Lawrenz minn Bormla. Il-purċissjoni kienet waħda sabiħa, akkumpanajta mill-Banda Vilhena u għadd kbir ta Patrijiet, Qassisin, tfal tal-istituti u Reliġjżi oħra rġiel u nisa, Terzjarji u l-Furjaniżi. Il-Madonna ġiet milquha b’tislima minn Patri Gerardo mill-Floriana fejn semma l-ġrajja kollha tal-kappella mill-25 sena tagħha.
Saret il-konsagrazzjoni lill-Qalb Safja ta’ Marija, tkanta “Te Deum” u ngħatat il-Barka Sagramentali. Wara l-istatwa ġiet imqiegħda fil-Grotta mill-ġdid. Mela dan ifisser li darbtejn l-istatwa ġiet meħuda l-parroċċa ta’ San Publiju u lura l-Kapuċċini proċessjonalment.
Wara l-gwerra, kellha ssir lanterna ġdida fuq disinn tal-imgħallem Lwiġi Ebejer ta’ Ħal Balzan li kien benefattur tal-Franġiskani Kapuċċni. Il-pittura wkoll kellha tiġi rrestawrata minħabba li ġralha xi ħsarat bil-blast. Ir-restawratur kien Patri Fawstinu mill-Belt. Kellu jsir ukoll manutenzjoni fi-irħam tal-paviment minnħabba l-ħsarat li ġarrab bit-tifrik tal-lanterna.
Saru wkoll xi tibdiliet fuq il-presbiterju. Il-kanċell tal-presbiterju tneħħa u ġie mogħti lill-knisja tal-Franġiskani Kapuċċini, Sant’Antnin, Għajn Dwieli. L-artal tal-irħam ġie mqiegħed fil-kappella tal-kunvent (dik li għandha t-tradizzjoni marbuta magħha li darba kien deher San Mikiel fiha lil Fra Adriano.) It-tabernaklu tqiegħed fil-kappella l-oħra tal-kunvent (dik li fiha l-patnjiet jitlobu l-Uffiċċju Divin.) L-anġli, ii kien hemm ħdejn l-artal, illum qegħdin jintramaw ma’ genb l-artal tar-repożizzjoni fil-knisja tas-Salib Imqaddes, fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Sar ukoll tabernaklu ieħor ġdid li joffri aktar sigurta għas-Sagrament Imqaddes.
Illum il-ġurnata hemm artal ieħor ii kien ġie kkonsagrat minn Mons. Isqof Ġużeppi Mercieca fl-11 ta’ Frar 1980. Dik antika tinsab merfugħa fis-sagristija tal-knisja. Il-kappella hija wkoll mgħammra bl-arja kkundizzjonata.
|
Ritratti © Caroline Camenzuli
|
|

|

|
|
Il-kappella minn dejjem kienet ċentru ta’ devozzjoni. Xena sabiħa kienet il-laqgħa kbira Ewkaristika-Marjana li fiha 460 marid minn kull rokna ta’ Malta ħadu sehem fil-pjazza ta’ quddiem il-Kappeila tal-Madonna, nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju tal-1963. Il-laqgħa kienet ġiet organizzata mill-membri tal-Azzjoni Kattolika bħala parti miċ-ċeiebrazzjonijiet f’għeluq il- 50 sena mill-Kungress Ewkaristiku li kien sar fl-1913. Kien sar ir-Rużarju, u wara l-Isqof Emmanuel Galea qaddes il-quddiesa, u ta l-Barka Sagramentali. Il-kappella għadha tiġbed devozzjoni kuljum. Bosta nies jiġu jżuru ‘l Madonna u jitolbu quddiemha r-Rużarju Mqaddes.
Il-Kappella llum
F’Settembru tal-2007, il-kappella reġgħet inżebgħat minn barra u minn ġewwa, grazzi lil dawk il-benefatturi li ħallsu għaliha, speċalment is-Sur Alfred Spiteri, is-Sur Luigi Gauci u s-Sur Tony Zammit Cutajar, u bosta benefatturi oħra li min ftit u min ħafna għenu kif setgħu. Il-kappella issa (2008) qiegħda ssirilha induratura ġdida bid-deheb fuq il-lavur mis-Sur Albert Galea u s-Sur Albert Borg, biex għall-festi tal-150 sena jkollha libsa eleganti u aktar attrajenti. L-istatwa saritilha kuruna tal-bronż biex tintlibes fuq rasha għal kuljum mis-Sur Charles Mamo.
Din il-kappella jsir fiha il-quddies kuljum fit-8:30 am u fi tmiem il-ġimgħa jsiru numru wkoll ta’ żwiġijiet. Kull nhar ta’ Tlieta fis-6:30 ta’ filgħaxija ssir quddiesa u wara Rużarju immeditat quddiem is-Sagrament espost, fejn isir talb għall-familji li għandhom problemi tal-mard jew inkwiet ieħor.
Kitba © ta’ Fr. Martin Mamo, OFM Cap. Deskrizzjoni arkitettonika ta' Anthony M. Brincat
Ritratti ©Caroline Camenzuli u Fr. Martin Mamo, OFM Cap
Ħajr lil Fr. Martin Mamo tal-informazzjoni li tana kif ukoll talli dawwarna mal-kappella.
L-aħħar tibdil sar
08 September 2010
Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009