Taraha żgur. Ma tistax ma tagħtix kasha. Taraha sew jekk tasal Għawdex bil-baħar kif ukoll jekk tasal bil-ħelikopter. Jekk tasal b’dan l-aħħar mezz modern ta’ trasport inti u nieżel Għawdex tgħaddi kważi kważi tmiss mas-saqaf tagħha.

Tinsab sewwa sew fi Sqaq il-Merkant, illum magħrufa bħala Trejqet il-Ħeliport, inti u ħiereġ mill-ħeliport tkun fuq il-lemin tiegħek. Jekk tasal bil-baħar, inti u tiela’ mill-Imġarr tkun fuq ix-xellug tiegħek, kważi faċċata ta’ l-istabiliment Gozo Heritage. Aktarx li ma tarahiex ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn. Faċilment tista’ taħsibha kamra imdaqsa f’għalqa. Ħdejha jiddomina u għahekk parzjalment ineħħi l-attenzjoni minn fuqha it-torri ta’ Santa Ċilja mibni fl-1613.

Iżda dik il-kamra mhix għajr il-kappella ta’ Santa Ċeċilja — l-eqdem kappella li għadha wieqfa f’Għawdex fl-istat oriġinali tagħha.


cecilia_chapel



Il-Bidu tal-Kappella

CarloSaraceni1610StCeciliaSanta Ċeċilja hi qaddisa li qajla nafu dwarha. Il-kult lejha beda f’Ruma fis-seklu ħamsa meta nbniet kappella f’ġieħa. Il-kult inxtered bħal-leħħa ta’ berqa, l-iktar minħabba r-rakkont tat-tbatijiet kbar li minnhom għaddiet, rakkont li kien ġie msejjaħ Il-Passjoni ta’ Santa Ċeċilja. F’dan ir-rakkont, li mhux awtentiku, Santa Ċeċilja hi eżaltata bħala l-eżempju perfett ta’ mara nisranija. Ħaddnet il-verġnità u mietet martri għal Kristu. Peress li l-imsemmija passjoni tgħid li kienet tgħaddi ħinha tkanta lil Alla f’qalbha, mis-seklu sittax ‘il quddiem saret il-patruna tal-mużiċisti.

Dwar il-bidu tal-kappella f’Għawdex qajla wkoll nafu. Kienet l-unika ddedikata lil din il-qaddisa li kienet wieqfa fil-gżira. Ma tissemmiex fil-Viżta Appostolika ta’ Mons. Pietru Dusina ta’ l-1575. Wisq probbabli tant kienet fi stat medjokri li lanqas kellha xejn x’jindika li kienet kappella u għalhekk ebda Viżitatur ma nddenja ruħu jagħmlilha żjara. Mhux l-ewwel darba li ġara hekk.

L-ewwel darba li niltaqgħu magħha hi fil-Viżta Pastorali ta’ l-Isqof Baldassar Cagliares ta’ l-1615. Il-kappella kienet reġgħet ħadet il-forma, minħabba l-interess ta’ ċertu Paskal Muscat li kien joqgħod fl-inħawi u li kien ukoll devot kbir ta’ Santa Ċeċilja. Kien qiegħed jieħu ħsiebha kemm seta’ fil-faqar tiegħu u kien ukoll qiegħed iħallas qassis biex nhar il-festa, li taħbat fit-22 ta’ Novembru, jagħmel quddiesa fil-kappella (Cf Arkivju Episkopali ta’ Għawdex (AEG), Visitatio Pastoralis (1615) 40r).

st_cecilia_insideKellha artal tal-ġebel u mal-ħajt kien hemm imdendel kurċifiss. Xejn iktar. Kellha wkoll bibien ta’ l-injam, iżda dawn kienu bla serratura u għalhekk kulħadd seta’ jidħol fiha x’ħin ifettilu. Intweriet ix-xewqa lill-benefattur tal-kappella ħalli jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jipprovdi xi ħaġa ħalli l-ewwelnett, isiru xi tiswijiet meħtiega fl-istruttura; it-tieni, biex issir serratura ħalli l-bibien jinżammu magħluqa; u t-tielet, biex jipprovdi l-affarijiet meħtieġa għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Sakemm jagħmel dan kollu, ma kelliex terġa ssir quddiesa ġewwa.

Titjib il-Qagħdha Tagħha

ciljatowerFl-1613, il-Kmandant ta’ l-Artillerija tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, Bernardo Macedonia bena torri maġenb il-kappella. Minkejja li għaddew mijiet ta’ snin, l-arma tiegħu għadha tiddomina sal-lum fuq il-bieb li jħares lejn nofsinhar. It-torri imssejjaħ ta’ Santa Ċilja minħabba l-kappella, għax Ċilja mhix għajr il-kelma proprja bil-Malti għal Santa Ċeċilja. Iktar il quddiem minħabba dan it-torri sar possibli li jwasslu messaġġ min-nofsinhar ta’ Għawdex sat-tramuntana tal-gżira fi ftit minuti. Infatti minn fuq il-bejt ta’ dan it-torri tidher tajjeb it-Trunċiera ta’ Vendôme fil-bajja tar-Ramla u t-Torri ta’ Mġarr ix-Xini. Minn Mġarr ix-Xini setgħu imbagħad jikkomunikaw ma’ Kemmuna.

Kien aktarx il-bini ta’ dan it-torri li ta ħajja ġdida lill-kappella. Meta l-Isqof reġa żarha fl-1630 (cf AEG, VP (1630) 42v) sabha fil-fatt f’qagħdha tajba ħafna. Minħabba l-interess kontinwu ta’ Paskal Muscat, il-kappella żdidulha d-devoti u allura l-benefatturi. L-artal, li hu deskritt bħala antik ħafna, kellu terħa ħamra fuqu u kien hemm ukoll il-gandlieri u affarijiet oħra. Mill-istess Viżta nafu wkoll li quddiem il-kappella kien hemm zuntier li fih kienu jindifnu xi devoti. Ġorġ Farrugia, il-prokuratur tal-knejjes tal-kampanja, kellu jaħseb biex jixtri kurċifiss u lampier u jara l-bieb jingħalaq sew bis-serratura.

Sas-sena 1635, Paskal Muscat milli jidher kien miet. Minkejja li kien ħalla lill-kappella renta ta’ sitt irbiegħi fis-sena biex tiġi ċċelebrata l-festa (cf AEG, VP (1635) 12v), miegħu mietet ukoll kull tama li l-kappella terġa tieħu r-ruħ. Fl-1635, il-kappella nstabet fi stat ħażin u baqgħet sejra dejjem lura. Meta l-Isqof żarha mill-ġdid fl-1644 tant sabha f’kundizzjoni imwegħra li ma kellu xejn x’jagħmel għajr li jiprofanaha. Jiġifieri fiha ma setgħux isiru iktar ċerimoniji reliġjużi.

Kappella Sempliċi

st_cecilia_chapel_torchedMinkejja li ilha numru daqstant kbir ta’ snin li kienet ipprofanata, il-kappella kienet għadha wieqfa, sa ftit ta’ żmien ilu. Il-binja, tneħħi s-saqaf kemmxejn imżerżaq tagħha, għandha forma kubika mill-iktar sempliċi. Sempliċi wkoll, iżda proporzjonata ħafna hija l-faċċata, li għandha bieb rettangulari u baxx sormontat minn tieqa żgħira rettangulari wkoll. Biex tidħol ġewwa wieħed irid jinżel tliet tarġiet.

L-intern tal-knisja, mas-seba’ metri kwadri, hu mqassam f’erba’ ndani bi tliet arkati li jispiċċaw kemmxejn ippuntati u ħerġin minn mal-ħajt. Il-faċċata u ħajt ieħor tagħha huma mibnija minn ġebel minġur poġġut pulit waħda fuq l-oħra. Iż-żewġ ħitan l-oħra huma mibnija b’ġebel mhux minġur, bħal tal-ħitan tas-sejjieħ, u mqiegħed f’postu bit-tajn. Fuq il-ħajt li jħares lejn il-bieb hemm tieqa rettangulari oħra biex jidħol kemmxejn dawl fil-kappella.

Kamra wara l-kappella (sagristija)2.jpgIl-kappella tixhed li kienet imtella’ minn bennej tajjeb, iktar milli minn arkitett imħarreġ.

Fuq in-naħa ta' wara hemm kamra żgħira li mid-dehra kienet tintuża bħala sagristija. Jidher ukoll li din il-kamra nbiet xi żmien wara li nbniet il-kappella nnifisha, x'aktarx biex taqdi l-ħtiġijiet ta' min kien imur iqaddes fiha xi ftit aktarx. Din il-kamra wkoll qed tiġi irrestawrata.

Il-Kappella nnifisha hi eżempju perfett ta’ sempliċità medjevali.

cecilia_chapel_2



Għeluq

DSCN3841Din il-Kappella, dan l-aħħar, ġiet maħruqa kompletament min xi vandali, u wara, bil-maltemp iġġarfet parti minnha. Dan huwa huwa att kbir ta’ għajb u ta’ mistħijja. Nitolbu lill Awtoritajiet konċernati biex jiħdu passi drastiċi kontra dawk in-nies li jinqabdu jagħmlu dan it-tip ta’ vandaliżmu.

Bi pjaċir ninnotaw li ir-restawr fuq din il-kappella issa beda. Iżda ma nistgħux nistaqsu għaliex din il-kappella kellha tasal f'dan l-istat tal-biki qabel ma xi ħadd induna u ċċaqlaq biex jibda r-restawr. Aktar ma oġġett jitħalla jitmermer, aktar tkun diffiċli u għali r-restawr tiegħu. Nittamaw li tittieħed tagħlima minn dan il-każ u l-interventi jibdew isiru f'waqthom.

SaccoSantaCeciljaGhajnsielem1



Nota: Għal aktar informazzjoni dwar il-ħsarat riċenti li saru 'l din il-kappella ara http://www.ghajnsielem.com/places/stcicilia.html. Dan is-sit hu bl-Ingliż.

Ara wkoll l-intervista li għamilna 'l Rene Sacco dwar il-pitturi ta'għadd ta' kappelli f'din il-paġna hawn.

 Il-Kappella ta’ Santa Ċeċilja
- Għajnsielem Għawdex -

Kitba ta’ © Fr. Joseph Bezzina. Ritratti mis-sit www.ghajnsielem.com użati bil-permess espliċitu tal-webmaster ta' dak is-sit u li jżomm id-dritt tal-awtur fuq dawn ir-ritratti. Ir-ritratt tal-pittura ta' Saraceni meħud mill-Internet. Il-pittura ta' Rene Sacco użata bil-permess tal-pittur.

L-aħħar tibdil sar
08 September 2010
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

pMyButton4
pMyButton4

 

L-Isponsor Ewlieni
għat-tieni sena

fuq facebook

facebook logo Extra Small