Il-Knejjes ta’ San Mattew tal-Maqluba
- Qrendi -

Fir-raħal tal-Qrendi wieħed isib għad ġmielu ta’ kappelli li wieħed jieħu gost jara li jinsabu fi stat tajjeb. Fit-triq li mill-Qrendi tieħu għal Wied iż-Żurrieq insibu l-Knisja ddedikata lill-martirju tal-Appostlu San Mattew. Peress li ftit l-isfel minn din il-knisja, kif taqbad il-wied, hemm ħofra kbira magħrufa “l-Maqluba” din il-Knisja hija normalment magħrufa bħala “tal-Maqluba”.

Ta’ min isemmi li fil-fatt din mhux knisja waħda imma tnejn magħqudin flimkien għax hemm knisja oħra żgħira, qisha kripta, mwaħħla magħha li hi magħrufa bħala “San Mattew iż-Żgħir”. Il-kappella li nbniet wara hi magħrufa wkoll “San Mattew il-Kbir”.


DSCN0001



Il-“Maqluba

Il-“Maqluba” hija depressjoni kbira fl-egħlieqi ta’ wara l-knisja. Din iffurmat meta sfrondat l-art, skont il-leġġenda, waqt tempesta u terremot fl-1343. Għalkemm għadd ta’ ħrejjef twieldu biex jispjegaw x’seta’ ġara, illum nafu li ġrajja bħal din hija waħda naturali u tiġri meta jkun hemm ċerta kondizzjonijiet ġeoloġiċi. Il-fenominu ġeoloġiku jissejjaħ “Karst”.

qrendi_ilmqlba1Meta jkun hemm ġebel tal-franka, jista’ jiġri li xita aċiduża tista’ tipperkola minn xi qasmiet u fissuri u tiekol passaġġi taħt il-ġebel u toħloq qasmiet kbar. Aktar ma jinfetħu passaġġi, aktar ilma aċiduż ikun jista’ jidħol taħt il-blat u l-proċess jitħaffef. It-toqol tal-ġebel fil-wiċċ jista’ mbagħad jisfronda meta ma jkunx hemm biżżejjed ġebel taħtu biex jistrieħ fuqu.

Skont it-tradizzjoni fuq din iż-żona kien hemm grupp ta’ nies li kienu jgħixu ħajja ħażina. Il-leġġenda tkompli tgħid li fl-24 ta’ Novembru tal-1343 tempesta kbira u terrimot laqtu l-inħawi u l-post fejn kienu jgħixu dawn in-nies waqgħu b’kollox f’din it-toqba. Kienet mara twajba biss, li f’dak il-ħin kienet qed titlob fil-kappella ż-żgħira, li salvat.

DSCN3830Skont verzjoni oħra tal-leġġenda kienu grupp ta’ sorjiet li salvaw minn dan it-terrimot. Apparti dawn l-istejjer u leġġendi li suppost jispjegaw ir-raġuni għalfejn sfrundat l-art il-verità hi li dan kien fenominu ġeoloġiku spegabbli u mhux intervent sopranaturali. Mhux ‘il bogħod minn hemm fiż-Żurrieq insibu l-Maqluba tal-Baħar jew Għar ix-Xagħra, fejn hemm ukoll hemm daħla fil- blat. Dan il-post jinstab viċin Wied iż-Żurrieq.

Il-ħofra tal-Maqluba hi fonda madwar 40 metru, wiesgħa 60 u twila 100. Fil-qiegħ tagħha jikbru għadd ta’ siġar, fosthom tal-għaragħar, u veġitazzjoni oħra. Peress li biex tinżel fil-ħofra hu ftit diffiċli għax perikoluż, l-ambjent fil-ħofra hu xi ftit protett kemm mill-vandaliżmu kif ukoll mill-irjiħat.

Il-Knisja Medjevali, jew San Mattew iż-Żgħir

Din il-kappella jingħad li hi waħda mill-eqdem li nsibu fil-gżejjer tagħna u tista’ tmur lura sa qabel il-ħmistax-il seklu. Iżda din ma tissemmix mal-knejjes u l-kappelli li kien semma Senatore de Mello fir-Rollo tal-1436. Dan seta’ ġara billi li fir-Rollo jissemmew dawk il-knejjes u kappelli li magħhom kien hemm marbuta xi benefiċċji u introjti oħra. Jista’ jkun li dak iż-żmien din il-kappella ma kellhiex introjti u għalhekk inqabżet.


DSCN3755



L-ewwel darba li tissemma hu fl-atti taż-żjara ta’ Monsinjur Pietro Dusina tal-1575, fejn jingħad li din il-kappella kienet nieqsa minn ornamenti u dekorazzjonijiet imma kellha dak kollu neċessarju biex fiha tiġi ċċelebrata l-quddiesa. B’differnza ma oħrajn tal-istess epoka, kellha wkoll bieb tal-injam. Dak iż-żmien ma kellhiex rettur u għalhekk Dusina kien fdaha f’idejn Antonina Zammit, armla mill-Imqabba li ngħatat biċċa art biex tibda tieħu ħsieb li fil-festa ta’ San Mattew tiġi ċċelebata quddiesa u jsir il-kant tal-Vespri.

Sas-sena 1618 din il-kappella kienet tagħmel mal-parroċċa taż-Żurrieq imma meta il-Qrendi sar parroċċa, din il-kappella bdiet tagħmel mal-Qrendi.

Il-kappella ta’ San Mattew iż-Żgħir tinsab biswit il-knisja l-kbira ta’ San Mattew fuq in-naħa tax-xellug tagħha u tmiss magħha. Minn barra għandha faċċata semplici b’bieb rettangolari bl-ebda tiżjin ieħor. Għandha tieqa għal ġol-wied u tnejn oħra għal fuq l-għalqa ta’ wara. Dawn żgur li saru wara għax kappelli tal-istess perjodu kulma normalment ikollhom hi tieqa żgħira magħrufa bħala oculus fil-faċċata. Din il-knisja iżda, m’għandiex oculos.

Minn naħa minnhom il-kappella tmiss mal-knisja l-kbira u fuq in-naħa l-oħra nsibu ħajt imżerżaq li donnu qed jirfed u jsaħħaħ l-istruttura tagħha.

Il-ħajt tal-ġenb li jiġi fuq il-Maqluba hu mirfud b'ħajt ieħor oħxon. Minn ġewwa, l-kappella hija żgħira, tant li bilkemm tesa' 20 ruħ. Għandha forma kważi kwadra. Hi msaqqfa bix-xorok li jistrieħu ċatti fuq żewġ ħnejjiet ġejjin naqra għal ponta. L-altar, li hu tal-ġebel, hu mpitter u għandu xi skultura. Qiegħed f'apside nofs tond li għandha l-arzella tagħha mpittra proprju bħala arzella tal-baħar.

DSCN3748



L-altar hu skolpit fil-ġebel tal-franka u fuqu nsibu statwa tat-terracotta ta’ San Mattew. Fuq l-altar hemm skolpita d-data tal-1897, li tista’ tfisser li kien appuntu f’dik is-sena meta sar jew ġie rranġat dan l-altar. Jingħad li f’din il-kappella kien hemm ukoll pittura ta’ San Mattew li llum ħadd ma jaf x’sar minnha. Is-saqaf ta’ din il-kappella hu tax-xorok li hu miżmum minn arkati ġejjin għal ponta.

L-istoriku Ġan Franġisk Abela jsemmi li l-art kienet taċ-ċangatura, ħaġa li llum m’għadniex nistgħu naraw. Wieħed jassumi wkoll li f’din il-kappella kien isir id-dfin bħal ma kien jiġri f’kappelli medjevali ta’ żmienha. L-art li naraw llum tidher li mhux dik oriġinali anzi tista’ tgħid li ma tantx għandha ħafna żmien, għalhekk jekk kien hemm xi oqbra llum dawn m’għadhomx jidhru.

DSCF2063Din il-kappella ċċekknet b’mod drastiku meta sar it-taraġ biex minnha tkun tista’ titla’ lejn il-knisja l-kbira u s-sagristija. Dan jista’ kien il-bidu li din il-kappella bdiet tissejjaħ ukoll “il-kripta”. Bejn li kienet ħafna iżgħar mill-oħra l-kbira, bejn li kien, fi żmien, probabbli jsir id-dfin fiha (iżda kif diġà għedna, din kienet ħaġa komuni f’dawk iż-żminijiet) u għall-fatt li kienet f’livell aktar baxx mill-oħra, jista’ jkun li b’mod żbaljat bdiet tissejjaħ ukoll “il-kripta”. Iżda Dusina jsejjħilha “Ecclesiam ruralem”, jiġifieri “Knisja tal-kampanja” u mkien ma jindika li kienet xi kripta ta’ xi knisja oħra.

Qabel it-tieni gwerra il-knisja kellha kampnar żgħir li hu dokumentat minn ritratti antiki u li jidher li tneħħa wara l-ħsara li ġarrbet flimkien mal-knisja ta’ maġenbha fil-gwerra.

Il-Knisja l-Kbira jew San Mattew il-Kbir

Tmiss mal-kappella l-antika li għadna kemm tkellimna fuqha nsibu knisja ferm akbar iddedikata ukoll lil San Mattew Appostlu. Din kienet bdiet tinbena fl-1674 u tlestiet fl-1682. Fit-12 ta’ Settembru tal-1683 ġiet imbierka minn Dun Dumink Formosa kappillan tal-Qrendi.


SanMattewIl-Kbir



DSCN3738Il-knisja, li hi mdaqqsa sew, għandha forma rettangolari b’altar wieħed. Fuq l-altar insibu l-pittura titulari li hi tal-bottega ta’ Mattia Preti u li kienet saret fl-1688 fi żmien l-Isqof David Cocco Palmieri. Kien ħallas għaliha l-Kavallier Franciz Nicola Communette.

Ta’ min jgħid li ftit tas-snin ilu din il-pittura kienet insterqet u wara li nstabet reġgħat tpoġġiet lura f’postha. It-titular l-antik tpoġġa fis-sagristija tal-knisja. Il-gallarija tal-orgni li nsibu fuq il-bieb principali tal-knisja ġiet miżjuda fl-1834.

Fil-knisja nsibu ukoll pitturi oħrajn fosthom dawk tat-Tlugħ ta’ Sidtna Marija s-Sema u tal-Madonna tar-Rużarju, li juri ukoll xeni tal-Posti tar-Rużarju. Ma nafux minn kienu l-artisti li pittru dawn il-kwadri.


Ritratti © Noel Ciantar

DSCF2051

DSCF2048

Madonna tar-Rużarju

Marija Assunta





Deskrizzjoni arkitettonika tal-kappelli minn barra u minn gewwa

Il-kappella l-kbira għandha pjanta rettangolari daqxejn imdaqqsa u hija msaqqfa b'saqaf troll għoli li jistrieh fuq disa' ħnejjiet li jitilgħu minn gwarniċa fil-għoli tal-ħitan tal-ġenb. Wara l-bieb ewlieni hemm gallarija tal-orgni li nbniet fl-1834 u li tistrieh fuq 6 kolonni ta' stil Doriku. L-altar waħdieni tal-ġebel, li hu mżejjen bi skultura fil-predella, għandu fuqu l-kwadru titulari tal-bottega tal-Preti li hu mdawwar bi gwarniċa sempliċi tal-ġebel. Fil-ġenb tiegħu hemm 2 bibien, wieħed jagħti għas-sagristija u l-ieħor għal 5 tarġiet li minnhom tinżel fil-kappella medjevali.

DSCN3750



Il-faċċata għandha 2 pilastri twal ta' stil Toskan fil-kantunieri. Il-gwarniċa ta ' fuq tinżel għaċ-ċatt fit-truf fejn hemm 2 kampnari zgħar, daqxejn kbar u sproporzjonati mal-kumplament. Dawn inbnew wara t-Tieni Gwerra Dinjija meta saru xi tiswijiet lil din il-faċċata billi kienet ġarbet xi ħsarat. Il-bieb hu kwadru, u fil-genb għandu 2 pilastri ta' stil Toskan. Fuqu hemm gwarniċa mmulata. Aktar 'l fuq wieħed jara l-isbaħ ħaġa ta' din il-faċċata - tieqa naqra kbira b'forma ta' salib b'erba' naħat nofs tond u erba' naħat oħra bil-kantunieri. Fil-ġenb tal-bieb hemm is-soliti żewġ twieqi fil-baxx.


Ritratti © Caroline Camenzuli

DSCN3763

DSCN3741

It-tieqa minn barra u minn ġewwa




Il-kappella medjevali tinsab tmiss mal-kappella l-kbira fuq in-naħa tax-xellug tagħha. Tista' tidħol għaliha mill-kappella l-kbira billi tinżel 5 tarġiet jew mill-bieb li hemm fil-faċċata li hi sempliċi u baxxa. Din kellha fuqha kampnar żgħir li ma reġgħax inbena wara li kien inqered fil-gwerra.


Ritratti © Noel Ciantar u Caroline Camenzuli

DSCF2045

DSCF2049

DSCF2050

DSCF2054

DSCF2053

DSCN3753

DSCF2052




Il-Knisja tintlaqat fil-gwerra

image062Dawn il-knejjes ukoll kellha tmisshom ix-xorti kiefra li jintlaqtu fil-gwerra kif ġara fil-każ ta’ diversi knejjes u kappelli oħra fil-gżejjer tagħna. B’xorti tajba f’dan il-każ il-knisja l-kbira, l-aktar li saritiha ħsara, ġiet irrangata u messitiex ix-xorti li tiġġarraf u tintilef għal kollox kif ġara f’każijiet oħra. Kien it-12 t’April tal-1942 meta waqgħet bomba fuq din il-knisja. Wara l-gwerra l-arkitett S. Privitera rranġa l-ħsara kif ukoll saru xi alterazzjonijiet strutturali fil-knisja. Fost l-affarjiet li saru kien li tneħħa l-kampnar li kien fil-parti tan-nofs tal-frontispizju, biex minfloku tellgħu iż-żewġ kampnari li semmejna wieħed fuq kull naħa tal-faċċata. Il-Kappillan tal-Qrendi Dun Mattew Magro kien ħa ħsieb dan ix-xogħol.

Il-Festa ta’ San Mattew

Il-jum liturġiku ta’ San Mattew Evanġelista hu l-21 ta’ Settembru. Fil-passat il-festa fil-Knisja ta’ San Mattew tal-Maqluba kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir. Ħafna nies kienu jmorru għall-festa u fiha kienu jinbiegħu statwetti u pasturi tat-tafal ta’ diversi qaddisin mill-frattelli ta’ diversi frattellanzi. Illum il-festa għadha ssir f’Settembru, normalment Ħadd wara l-jum liturġiku tal-qaddis, iżda fuq skala ftit iżgħar. Issir fiera li tiġi organizzata minn waħda miż-żewġ baned tal-Qrendi. Il-knisja tiġi armata bid-damask għall-okkażjoni u wara l-quddiesa jkun hemm fiera u daqq ta’ marċi li tagħti ambjent verament sabiħ ta’ festa Maltija.

Il-Knisja ta’ San Mattew tinstab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun miftuħa regolarment għall-quddies u għal attivitajiet oħra tal-parroċċa tal-Qrendi.



Kitba Roderick Busuttil; Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat. Ritratti Caroline Camenzuli, Stanley Spiteri, Noel Ciantar u s-Sur David Schembri tal-Qrendi Scout Group.

Ħajr: David Schembri talli dawwarna mal-knisja u tana ritratti antiki tal-knisja.

L-aħħar tibdil sar
08 September 2010
 

Sit mibni minn
Noel Ciantar
© 2007, 2008, 2009

www.apsbank.com.mt

BannerNew
ilovebooks_logo-SMALLBANNER

Kompetizzjoni bi premju sponsorjata minn
www.ilovebooks.com.mt

pMyButton4
pMyButton4

 

L-Isponsor Ewlieni
għat-tieni sena

fuq facebook

facebook logo Extra Small