KappelliMaltinTitleBanner
Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Mudell ta’ Knisja tal-Injam
Ġiġi Mallia u Anġlu Fenech

Gigi u Mallia Anglu Fenech - Rotratt: Roderick BusuttilFtit tal-ġranet ilu ġejna mitluba biex immorru naraw mudell ta’ knisja li jinsab f’dar privata wara l-Knisja tal-Vitorja f’Birkirkara. Hemmhekk iltqajna ma’ Ġiġi Mallia li fid-dar tiegħu għandu armata din il-knisja. Iltqajna wkoll ma’ Anġlu Fenech li għamel l-parti l-kbira tax-xogħol fil-bini ta’ din il-knisja. Hemmhekk jien għamiltilhom intervista żgħira biex nkun nista’ naqsam il-passatemp ta’ dawn il-persuni magħkom.

Min huma...

Bdejt l-intervista billi staqsejthom xi ħaġa żgħira fuqhom. Ġiġi Mallia twieled fis-7 ta’ Settembru, 1945 u llum jgħodd 62 sena. Hu miżżewweġ, għandu żewġt itfal, u tlett neputijiet. Kien jaħdem ġo stamperija privata. Ġiġi hu Karkariż, u joqgħod fin-naħa l-antika tar-raħal. Ġiġi hu dilettant kbir tal-arkett, u ġo d-dar tiegħu għandu mudell ta’ knisja żgħira li ħadem bl-arkett xi snin ilu. Hu dilettant ukoll tal-Ġimgħa l-Kbira u kull sena f’dan iż-żmien jarma l-istatwi fid-dar tiegħu stess.

Anġlu Fenech twieled fit-30 t’Awwissu, 1945. Hu miżżewweġ, għandu tlett itfal u tlett neputijiet ukoll. Anġlu hu min-Naxxar, imma joqgħod Birkirkara. Kien jaħdem bħala foreman mal-Waterworks. Anġlu qalli li hu minn dejjem kien dilettant tax-xogħol fl-injam u kien tgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa. L-imħabba li għandu għax-xogħol tal-mudelli tal-knejjes x’aktarx li ħadha minngħand nannuh, li kien jagħmel l-istatwi. Anġlu rrimarkali li hu meta jagħmel ix-xogħol, ma jmurx ikejjel jew jew iħożż bil-lapes, imma dak li jaraw għajnejh jagħmlu jdejh.

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

“Meta staqsejt lil Ġiġi kif tħajjar li jagħmel dan il-mudell fl-injam, mill-ewwel qalli li kien bil-ħila ta’ sieħbu Anġlu.”

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Kif iddeċidew li jagħmlu dan il-mudell tal-knisja …

Meta staqsejt lil Ġiġi kif tħajjar li jagħmel dan il-mudell fl-injam, mill-ewwel qalli li kien bil-ħila ta’ sieħbu Anġlu. Kien ra diversi xogħlijiet li għamel Anġlu speċjalment il-mudell tal-knisja li fih kien ipoġġi l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Fil-fatt Ġiġi kien ġieli jmur jgħin lil sieħbu biex jarma dawn il-vari. Dan ħajjar lil Ġiġi biex ikollu mudell ta’ knisja fid-dar tieghu stess. Anġlu aċċetta mill-ewwel għax qalli li din ta’ Ġiġi kienet ir-raba biċċa xogħol kbira li daħal għaliha, għax kien diġa għamel tlett mudelli oħra ta’ knejjes, apparti tiegħu. Meta staqsejthom jekk qabel bdew din il-knisja xtaqux jagħmluha tixbaħ lil xi knisja jew kappella partikolari, Anġlu qalli li sieħbu qallu eżatt x’kellu f’moħħu u hu ma kellu bżonn l-ebda pjanti jew disinji, għax kulma kellu jagħmel li dak li kien qed jara f’moħħu, jagħmlu b’idejh.

Il-mudell tal-Knisja …

Wara għaddejna biex naraw il-knisja. Hawnhekk jien u sieħbi Joe Brincat bqajna skantati bid-dettall u l-eżatezza li fiha minn barra, inkluż il-kampnar b’erbgħa qniepen u statwa tal-Bambina fuq il-frontispizju tal-knisja. Fuq hemm it-tieqa tal-Knisja li hi tal-ħġieġ ikkulurit li turi lil Santa Marija. Din hi kopja tal-pittura tal-Knisja Parrokkjali tal-Mosta.

Iżda dan ma kien xejn, għax kif Ġiġi fetaħ il-bieb tal-knisja, li hu maħdum fuq il-bieb tal-Knisja tal-Bambina tan-Naxxar, u ħarisna ġo fiha bqajna b’ħalqna miftuħ. Il-knisja minn ġewwa fiha kull ma jkun fiha knisja armata għall-festa fil-gżejjer tagħna. L-qies tagħha hu ta’ 8 piedi fonda, 4 piedi wiegħsa u 5 piedi u 3 pulzieri għolja. Minn ġewwa fiha 7 artali, dak titulari bil-pittura kopja tan-Nativita tal-Madonna li hemm fil-Knisja tal-Vitorja f’Birkirkara, u sitt artali oħra. Il-knisja għandha wkoll żewġ kappelluni, wieħed fuq kull naħa. Dawn huma ddedikati lil San Pawl u lil Sant’Elena. Il-knisja hija armata b’kollox, inkluż l-artal maġġur li hu armat b’kollox inkluż tużell sabiħ. Fil-knisja nsibu ukoll in-navi li huma rħamati u magħhom hemm imwaħħlin sett inkwatri żgħar tal-Via Sagra.

Is-saqaf tal-knisja hu kopja ta’ dak li hemm fil-Knisja Parrokkjali tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema, b’kopji tal-pitturi. Fl-aħħar qalulna biex nħarsu fuq il-bieb prinċipali minn ġewwa fejn hemm ukoll gallerija bl-orgni, li hu kopja ta’ dak li hemm fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar.

Ġiġi qalli li għandu diversi mudelli ta’ statwi li hu jarma matul is-sena skont il-festa tal-qaddis li tkun f’dak iż-żmien. Il-Knisja hu ddedikaha lil Marija Bambina, u matul is-sena l-istatwa tagħha tkun armata fil-knisja bil-bradella. Din il-bradella fiha skultura fuq l-erbgħa naħat u tintuża biex Ġiġi jpoġgi l-vari fuqha. Għandu ukoll xi statwi oħra li hu jarma f’din il-knisja fosthom dawk ta’ Sant’Elena, Tal-Madonna taħt it-titli ta’ Stella Maris u ta’ Santa Marija, ta’ San Pawl u ta’ San Ġużepp.

X’kien jinvolvi x-xogħol fuq din il-Knisja …

Wara li rajna l-Knisja, poġġejna bil-qegħda u komplejt nagħmillhom xi mistoqsijiet dwar kif inbniet din il-Knisja. Hawnhekk jien dort fuq Anġlu għax ħafna mix-xogħol ta’ din il-knisja kien f’idejh. L-ewwel ħaġa li qalli kienet li biex lestew din il-knisja ħadu xahrejn u nofs, li hu żmien qasir meta wieħed jara d-dettall li fiha. Anġlu qalli li l-ewwel li beda kien l-bażi u n-navi tal-knisja. Dan kien jinvolvi ħafna xogħol ta’ qtugħ biex jifforma n-navi tal-knisja. Wara kompla bix-xogħol tal-injam tal-knisja. Wara li tlesta x-xogħol tal-injam, beda x-xogħol ta’ tiżjin tal-knisja. Dan inkluda l-irħamar tan-navi, l-art li saret bil-contact paper, l-artali u kull ħaġa li wieħed jista jimmaġina fi knisja. Ix-xogħol tal-knisja tlesta fl-2004.

Għalkemm l-parti l-kbira tax-xogħol inħadmet minn Anġlu, Ġiġi għamel ukoll xi xogħol fiha, speċjalment ix-xogħol li jinvolvi paċenzja kbira bl-arkett, l-aktar fin-navi u fl-inkwatri tal-artali.

Ġigi wara kompla jżejjen il-knisja bit-tużell, il-grada tal-artal prinċipali li hi tal-ħġieġ ikkulurit, il-ventartali, il-gandlieri, il-linef u l-lampieri. Il-knisja tixgħel kemm minn barra, kif ukoll minn ġewwa, u dan jagħtiha dehra verament maestuża. Fil-knisja hemm ħafna xogħol ta’ ganutell, li tieħu ħsiebu Mary Grace, li tiġi l-mara ta’ Ġiġi. Il-Knisja fiha ukoll l-artal mejda, l-imwejjed tal-ġenb, bankijiet bin-nies u l-mejda tal-offertorju. Fil-knisja jidher ukoll iċ-ċelebrant bl-abbatini, bin-nies fuq il-bankijiet. Għandha ukoll erba’ standardi, li huma tas-Sagrament, tar-Rużarju, ta’ Sant’Andrija u ta’ San Mikiel. Dan il-mudell tal-knisja kompleta bit-tiżjin kollu ġie jiswa’ ‘il fuq minn Lm800.

Wara għaddejt biex insaqsi lil Ġiġi jekk ix-xogħol tal-knisja hux komplut. Hu qalli li f’dan ix-xogħol qatt ma tkun lest, iżda l-armar tal-knisja tista tgħid li tlesta minn kollox. Issa qed iżid l-istatwi biex ikun jista’ jarmahom fiha meta tkun l-festa tal-qaddis rispettiv.

“B’mod speċjali l-anzjani tagħna, sirt nistħajjilhom enċiklopediji ħajjin, mogħnija bl-isbaħ informazzjoni, dettalji, rakkonti, memorji, esperjenzi, kapaċitajiet… M’hemmx tmiem għal din il-lista għax kull darba li niltaqa’ ma’ individwu ġdid, niskopri xi ħaġ’oħra u nirrealizza x’qed nitilfu meta m’aħniex nieħdu rekordju nazzjonali ta’ dan it-tagħrif kollu.”


Kitba ta’ Fiona Vella
mit-Torċa tat-13 ta’ Marzu 2011
fionavella.com

 

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

Iktar xogħolijiet ta’ Anġlu Fenech ….

L-artist Anġlu Fenech apparti dan ix-xogħol fid-dar ta’ Ġiġi għandu diversi xogħlijiet oħrajn. Peress li hu dilettant kbir tal-Gimgħa l-Kbira bħalissa diġa qed ilesti biex itella wirja għal dawn il-ġranet għalkemm għadu lanqas wasal il-Milied! Jagħmel ukoll mudelli ta’ bradelli biex jintramaw mudelli tal-vari fuqhom. Fost dawn jaħdem ħafna mudelli ta’ dak ta’ Marija Bambina tan-Naxxar, ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, kif ukoll xi oħrajn fosthom ta’ Santa Marija l-Mosta, kif ukoll ta’ bradelli tal-Ġimgħa l-Kbira.

Anġlu jagħmel ukoll ħafna xogħol t’interzjar. Hawnhekk kif jagħmel fix-xogħol tal-injam, jagħmel kollox minn moħhu u jikkalkula l-proporzjonijiet ġo moħħu mingħajr ħtiega ta’ taħżiż bil-lapes. Fil-fatt apparti li ħadem diversi xogħlijiet għal hawn Malta l-aktar għan-Naxxar, ħadem ukoll affarjiet għal barra minn xtutna. Fost dawn ħadem l-arma tal-clubs tal-futbol Manchester United u Totthenam Hotspurs interzjati. Hu ppreżena dawn ix-xogħlijiet lil rappreżentanti ta’ dawn il-clubs risepettivi.

L-imħabba lejn il-Kappelli ….

Anġlu qalli li hu minn dejjem kien iħobb il-kappelli għax meta kien żgħir kien jgħix viċin il-Kappella tal-Kunċizzjoni fin-Naxxar. Ġieli kellu l-opportunita li jagħmel xi xogħol f’xi kappelli fin-Naxxar. Fost dawn kien għen lil Dun Karm Catania biex jirranġa s-saqaf tal-Kappella ta’ Santa Luċija li tinsab biswit dik tal-Vitorja, il-parroċċa l-antika. Għamel ukoll it-taraġ tal-mużajk tal-artal tal-Kappella ta’ Santa Marija tal-Magħtab li tinsab fil-limiti tan-Naxxar. Jiftakar ukoll b’nostalġija ż-żmien meta kien abbati u ġieli assista għal quddies li kien isir fil-Kappella ta’ San Mikiel tas-Salini.

Meta għedtlu jsemmili xi kappelli li huma għal qalbu qalli li kollha sbieħ, għax waħda hi differenti mill-oħra. Iżda l-iktar li huma għal qalbu huma dawk tal-Kunċizzjoni, ta’ Santa Luċija u tal-Vitorja tan-Naxxar, u dik tal-Vitorja ta’ Birkirkara.

Qalli li dawn il-kappelli għandhom jinfetħu iktar għax sfortunatament ħafna minnhom dejjem ikunu magħluqin, u n-nies ma jkunux jistgħu jidhlu fihom u japprezzawhom. Qalli ukoll li uħud minnhom għandhom jinbidlu f’mużewijiet biex meta jiġu t-turisti f’pajjiżna jkunu jistgħu japprezzawhom għax żgur li qatt ma raw bħalhom f’pajjiżhom.

Hawnhekk rringrazzjajna lil Ġiġi talli laqgħana f’daru, u lil Anġlu talli qagħad jispjegalna fuq ix-xogħol fl-injam li tant iħobb jagħmel. Iżda qabel ma tlaqna Ġiġi qalilna li jekk hemm xi ħadd interessat li jara l-mudell tal-knisja tiegħu, jista’ jibgħat email lilna, u mbaghad ikun jista’ jiftiehem miegħu, għax hu l-gost tiegħu li juri dan ix-xogħol li tant hu għal qalbu.

Intervista ta’ Roderick Busuttil u Joe Brincat;
Ritratti ta’ Josef Mallia, bin Ġigi Mallia

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

 

Xoghol mahdum minn Gigi Mallia u Angl Fenech - Ritratt: Josef Mallia

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017