KappelliMaltinTitleBanner
Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Il-Bażilika ta’ Sant’Elena   f’Birkirkara 
Mudell bil-Ġebel ta’ Frans Casha  

Waħda mill-isbaħ knejjes fuq stil barokk li hawn f’pajjiżna hi bla dubju l-Knisja Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Din il-knisja hi l-mimmi t’għajnejn l-Karkariżi u kif jgħidu trid seba’ għajnejn biex taraha minħabba x-xogħol sabiħ t’arkitettura li fiha. Iżda żgur ħadd daqs Francis Casha ma jista’ jgħidilna fuqha, minħabba li dawn l-aħħar snin ħares lejha sew u mill-qrib kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa biex seta’ jagħmel mudell tagħha fil-ġebel.

Dan l-aħħar il-ħabib tagħna Joe Brincat fakkarni b’dan il-mudell ta’ Frans u wara li għamilna appuntament miegħu morna s’għandu biex inkunu nistgħu nagħmlulu intervista żgħira u nieħdu xi ritratti ta’ dan il-mudell. Xogħol bħal dan mhux ta’ min jibqa’ moħbi mill-pubblike u għalhekk ser naqsmuh magħkom.

Min hu Frans Casha …

Frans twieled f’Birkirkara fl-1935 u llum jgħodd 73 sena. Hu kien jaħdem bħala bennej flimkien ma’ missieru u erba’ ħutu oħra.

Kif ġietu l-idea li jibda’ dan il-progett …

Bdejt biex staqsejt lil Frans kif ġietu l-idea li jibda’ dan il-proġett. Qalli li għalkemm hu ma jafx skola, minn dejjem kienet togħġbu l-arkitettura tal-knejjes Maltin speċjlament (u nżidu wkoll, “naturalment”) dik tal-Bażilika Elenjana. Meta kien ikun għall-quddies fiha kien jogħxa iħares lejn l-arkitettura tagħha u jitgħaxxaq bix-xogħol elaborat li fiha. U fi żmien pre-Konċiljari bil-quddiesa titqaddes bil-Latin, min seta’ jlumu jekk kien jaljena xi ftit ?


Meta għalaq 57 sena hu kien irtira mix-xogħol u għal ewwel kien tħajjar jibda’ jagħmel xi xogħol ta’ fireplaces biex jgħaddi l-ħin. Imma hawnhekk ix-xewqa li kellu tberren f’rasu li jagħmel il-mudell tal-knisja tant għal-qablu issa forsi seta’ jwettaqha għax kellu ħafna iktar ħin. B’daħqa fuq fommu qalli li meta missieru kien jarah iħares lejn id-dettalji tal-knisja u fehem x’kellu f’moħħu u għall-ewwel beda’ jaqtagħlu qalbu u kien jgħidlu “dan ix-xogħol mhux ta’ jdejk, imma ħallih għall-artisti”. Imma Frans, minflok qata’ qalbu, iktar ħassu mħeġġeġ u sfidat biex jidħol għal dan ix-xogħol, għax kien ċert li kien kapaċi jagħmlu.

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil

Il-Bażilika

Il-Mudell

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
DSCN4670
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil

Meta beda l-proġett …

L-ewwel ħaġa li qalli kienet li hu qatt ma ħa l-ebda kejl u qisien tal-knisja, imma kien iħares u jaħdem kollox minn moħħu. Ħaġa li diffiċli biex tifhima minħabba li kulmin ra l-knisja ta’ Sant’Elena minn barra jew minn ġewwa jaf x’arkitettura elaborata fiha. Iżda s-sens ta’ proporzjon jidher li hu mibni fil-ġenetika ta’ Frans. Wara ħafna żmien iħares u josserva d-dettalji, fl-1 ta’ Ġunju tal-1991 beda x-xogħol. Kien mar jagħżel il-ġebel hu stess mill-barriera f’Tal-Balal għax ried li dan ikun tajjeb biex ikun jista’ jaħdmu. Beda mill-pilastri tal-korsiji u baqa’ sejjer. Kuljum kien imur għall-quddies tas-6.30pm u wara, kif titbattal il-knisja, jerħila josserva d-dettalji biex meta jmur fil-garaxx tiegħu iħożż u jaqta’ l-molijiet biex wara jaħdem fuqhom.

Imma kemm dan jaħdem fuqha …

Frans qalli li għal bidu kien beda x-xogħol u jieqaf, imma darba ħuh qallu jekk ħa jibqa’ sejjer hekk mhu ħa jlesti qatt. Għalhekk Frans ħadha bis-serjeta u fi kliemu stess “skirt fuq ix-xogħol u għamilt disa’ snin naħdem fuqha minn fil-għodu sa fil-għaxija sakemm lestejtha”.

Fhiex tikkonsisti …

Meta thares lejn il-mudell wieħed jibqa’ b’ħalqu miftuħ speċjlament meta tiftakar li Frans ikkalkula kollox fuq għajnejh mingħajr kejl ta’ xejn. L-knisja hi 4.65 metri (15 -il pied) twila, 3.0 metri (10 piedi) wiesa’ u 3.6 metri (12-il pied) għolja. Tant hi kbira li l-iskutella u l-lanterna tal-koppla ma qadux fil-garaxx li għamilha fih minħabba l-għoli. Il-mudell jinkludi d-dettalji kollha tal-faċċata, inkluża l-iskultura u l-arkitettura kollha tal-pilastri, il-knisja minn ġewwa bis-saqaf, il-korsiji, il-kappelluni, l-altar maġġur u l-kuppletti ta’ fuqhom. L-unika ħaġa li ma nkludiex kienu l-għadd ta’ statwi ta’ qaddisin li jżejnu l-knisja fuq il-frontispizju minn barra. Forsi dan hu xi proġett ieħor għall-futur ?
Meta tara x-xogħol tinduna li sar b’attenzjoni kbira għad-dettall u ma qagħadx lura minn xejn biex jagħmel din il-kopja tista’ tgħid preċiża u fidila tal-Bażilika Elenjana. Il-knisja għamilha b’tali mod li int tista’ tidħol ġo fiha u tara d-dettall minn ġewwa. Għalkemm mhux armati magħha, għamel ukoll is-sagristija, l-altar maġġur u anki l-garigor li minn isfel iwasslek sa fuq il-kampnar fejn hemm il-qanpiena l-kbira, li l-Karkariżi tant huma kburin biha.

Ritratt: Roderick Busuttil

 

Kemm swietu flus ?

Frans qalli li biex għamilha kellu jġib 15–il vjaġġ ġebel tal-franka. Kull vjaġġ kien ikun fih għoxrin kantun tas-sitta u ħmistax-il kantun tad-disgħa. Kien juża’ ammont kbir ta’ kolla biex jgħaqqad il-biċċiet. Hu kkalkula li l-materjal li uża swieħ madwar €5000 (ftit aktar minn Lm2000). Qalli li tant kien imur ta’ spiss jixtri l-kolla li dik li kien jixtri minn għandha kienet staqsietu x’kien qed jagħmel. Meta qalilha li kien qed jagħmel mudell tal-Bażilika ta’ Sant’Elena qaltlu “mela int qed tagħmila ? Għax ġew ħafna nies jgħiduli li hemm xi ħadd minn Birkirkara li daħal għaliha”. Frans qalli li hu ma qadx jagħti każ l-ispejjeż għax hu meta daħal għaliha ried li x-xogħol isir sew.

Pawlu Agius jgħinu fl-iskultura …

Għalkemm il-parti l-kbira tax-xogħol fuq dan il-mudell ħadmu Frans, hu ma kienx jaf jiskopli għalhekk meta wasal għal ċertu skultura, speċjalment tal-faċċata, kellu jgħid lil sieħbu Pawlu Agius biex jgħinu. Pawlu għamillu l-iskultura ta’ fuq il-frontispizju li turi lill-Ispirtu s-Santu, kif ukoll l-iskultura li hemm fuq l-arloġġi. Ix-xogħol hu ddettaljat ħafna u tista’ tgħid li hu kopja identika ta’ dak li naraw fil-faċċata tal-knisja.

Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil

“Skirt fuq ix-xogħol u għamilt disa’ snin naħdem fuqha minn fil-għodu sa fil-għaxija sakemm lestejtha.”

Ritratt: Roderick Busuttil

“Mela int qed tagħmila ? Għax ġew ħafna nies jgħiduli li hemm xi ħadd minn Birkirkara li daħal għaliha.”

Ritratt: Roderick Busuttil

X’jaħseb issa wara li lesta….

Meta staqsejtu jekk kienx jimmaġina li jlestiha kollha, Frans b’leħen deċiż qalli li hu dejjem kien ċert li ser ilestiha u xejn ma qatalu qalbu. Qalli li meta x-xogħol isir bil-galbu u bl-attenzjoni xierqa, ix-xogħol isir sew. L-iktar ħaġa għal qalbu li għandu huma l-kampnari li qalli li kien fihom ħafna xogħol. Hawnhekk staqsejtu x’qallu missieru meta ra x-xogħol għaddej u lest. Frans bid-daħqa fuq fommu qalli li missieru Toni, li llum sfortunatament ħalliena, malajr bidel fhemtu u kien jinkoraġġih biex ikompli. Meta kien iħares lejn il-mudell dejjem jieħu aktar il-forma u jitlaħħam filwaqt li kien jaf sew li ibnu qatt ma kien jieħu kejl, kien jgħidlu “hawn ġew qed iseħħu affarjiet tal-għeġubijiet” . Frans imbagħad ħalli għalih jirsisti iktar biex ifittex jaraha lesta.

Il-Bażilika

Il-Mudell

 

 

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Roderick Busuttil

Kemm imorru jarawha nies….

Staqsejt lil Frans jekk imorrux jarawha xejn nies. Hu qalli li għalkemm hu mhux wieħed li jħobb juri dak li għamel, kulmin mar biex jaraha daħħlu u naturalment jieħu tassew gost bil-kummenti sbieħ u nkuraġġiment li jaqla’. Semmieli li fost il-ħafna nies li marru jarawha kien hemm ukoll xi professuri mill-Universita ta’ Malta li meta raw dan il-mudell ma riedux jemmnu li għamel kollox minn moħħu minħabba d-dettal li daħal fih kif ukoll il-proprzjonijiet preċiżi li rnexxielu jikseb. Kien hemm min qabel ma ra kien għadda xi kummenti negattivi biex imbagħad wara li ra x-xogħol komplut kellu jbiddel fehmtu fuq dak li kien qal qabel.

Frans qalli ukoll illi żaruha ukoll xi membri parlamentari kif ukoll s-Sindku ta’ Birkirkara li anki offrilu li din jqiegħdilhu f’post prominenti fejn jista’ jgawdiha kullħadd. Iżda il-mudell hu wisq għal qalb Frans u għallinqas għalissa jixtieq izommu għandu. Min jaf ‘il quddiem jerġax ibiddel ħsiebu dwar dan …

Hawnhekk jien u Joe, wara li erġajna tajnih il-prosit għal biċċa xogħol kbira li għamel, iddeċidejna li nħalluh. Qabel tlaqna staqsejtu jekk forsi hemm xi ħadd li nteressat li jara dan ix-xogħol x’jista jagħmel. Frans qalli li jistgħu imorru fi Triq John Borg fin-naħa tal-playing field u jsaqsu għalih u jekk ikun hemm idaħħalhom u jkunu jistgħu jaraw dan l-mudell tant sabiħ. Inħajrukom tilqgħu din l-isstedina ġeneruża ta’ Frans Casha u żgur li ma jiddispjaċikomx.

B’dispjaċir kbir ngħidu li seħibna Frans ħalliena xi ftit snin ilu fl-2011.  Iżda l-knisja tal-ġebel li hu bena għdha hemm, monument għal ħila u dedikazzjoni tiegħu kif ukoll għall-imħabba li kellu lejn il-Bażilika Elenjana ta’ Birkirkara.

Intervista ta’ Roderick Busuttil;
Ritratti tal-Mudell ħadhom Roderick Busuttil
Ritratti tal-Bażilika ħadhom Noel Ciantar

 

Ritratt: Roderick Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017