KappelliMaltinTitleBanner Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

 

Kurżitajiet: Binja li tixbaħ kappella, fin-Naxxar

Is-Sur Louis Fenech qalina hekk fuq din il-binja:

Dan hu ritratt dik li tidher qisha kappella li hemm fit-tela' ta' Laqba bejn iċ-ċimiterju ta' Ħal Lija u n-Naxxar. Ma jidhirx li din hija xi kappella, għalkemm meta fittixt kemm fil-ktieb ta' Achille Ferris kif ukoll fir-rapport ta' Dusina jidher li ma hemm xejn dwar din. Għalkemm għandha dan ix-xebħ, din inqabbilha bħal ma hemm fil-Gudja fi trejqa li ma tinfitx u li fuq il-kamra ta' għalqa hemm qisu kampnar u xi statwi.

WEB_CuriousSmall

Is-Sur John Neville Scerri, mill-Canada

Is-Sur Scerri hu webmaster tas-sit Malta-Canada.com (http://www.malta-canada.com/churches-chapels/index-Chap.htm) qalilna hekk dwarha:

Ma jidhirlix li din hija kappella iżda naħseb li hija razzett b'żewġ livelli u b'niċċa fuq is-sular ta’ fuq ... infatti jidher li fi żmien kien hemm ftuħ ta’ bieb li issa hu mbarrat bil-ġebel, minn fejn kien hemm aċċess għal fuq it-terrazzin jew bejt ta’ ħdejh.

Il-bieb prinċipali b'arkata ġie mċekken għal wieħed kwadru imma jidher baxx wisq biex ikun bieb ta’ kappella li nistħajjel jien kien ikun aktar eżatt fin-nofs tal-faċċata l-għolja kif kienet tkun in-niċċa wkoll kieku din kienet tassew kappella.
 

Ritratt ta' David Mallia

L-istoriku Naxxari is-Sur Paul Catania jgħid hekk:

Qalilna li dik "il-kamra" li tinsab fit-telgħa li tagħti għan-Naxxar improbabbli ħafna li xi darba kienet kappella. Dik l-ewwel li kien semmieha bħala kappella kien Ġuże Galea iżda mingħajr ma ta l-ebda referenza għaliha minn fejn ġab din l-informazzjoni. Peress li s-Sur Catania, li jieħu ħsieb l-arkivji tal-parroċċa tan-Naxxar, għandu aċċess għal ħafna viżti pastorali, milli jidher din ma tissemma mkien. Hu jikkumenta li kieku xi darba din kienet kappella fir-riċerki tiegħu x’imkien kien isib xi ħaġa dwarha, imma hu s’issa għadu ma sab xejn li jindika li f’dawk l-inħawi kien hemm xi kappella. Jgħid li sakemm ma kinitx taqa’ direttament taħt l-Ordni ta' San Ġwann, ħaġa kemmxejn improbabbli minħabba li m'għandha l-ebda tiżjin partikolari li tassoċċjaha mal-Ordni, l-Isqfijiet kienu kieku xorta jżuruha. Fil-fatt hu sab l-atti tal-Kappella ta' Santa Katerina ta' Wied il-Għasel li kienet ġuspatronat imma xorta kienu jsiru viżti pastorali fiha. Li hu kemmxejn stramb hu il-bieb ta' din il-kamra għax ma taghmilx sens li tibni għorfa fil-kampanja b'dak it-tip ta' bieb, għal użu ta' post ta' kenn ta' xi bidwi.
 

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com